Jista' l-Ministru ġentilment jgħid x'permessi għandu bżonn xi ħadd li jbigħ tiġieġ (maqtula) friski minn tiegħu stess? X'tibdil hemm previst f'din l-industrija ladarba Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li fil-preżent, persuni li jrabbu tiġieġ u jbiegħuhom huma stess għandhom ikollhom trading licence, liema liċenzja jkollha l-kundizzjonijiet meħtiega mid-dipartimenti konċernati.
Ghar-rigward tal-futur, kull produttur irid ikun reġistrat u liċenzjat mad-Diviżjoni ta' l-Ikel u Attivita' Veterinarja biex tkun assigurat il-ħarsien tas-saħħa tal-konsumatur.
Jista' l-Ministru jgħid il-Producers Organization li huma mwaqqfa fil-preżent fil-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea, għandhom kwoti mposti fuqhom mill-Unjoni Ewropea? Fuq liema prodotti hemm imposti dawn il-kwoti bħal, ngħidu aħna, kemm hija l-kwota għall-produzzjoni tat-tadam fil-pajjiżi membri?
Response (ZAMMIT, NINU)
Għaqdiet ta' Produtturi (Producers Organisations) huma għaqdiet magħmula minn produtturi nfushom għal diversi varjetajiet ta' ħaxix u frott frisk u/jew għal ħxejjex u frott ipproċessati.
Il-formazzjoni ta' għaqdiet ta' din ix-xorta ssir mill-produtturi nfushom u m'humiex imposti mill-Unjoni Ewropea.
Għal tagħrif dettaljat, l-Onor. Interpellant jista' jirriferi għar-regolament numru 2200/96 għal dak li jirrigwardja s-settur tal-ħxejjex u frott frisk u għar-regolament numru. 2201/96 għas-settur ta' ħxejjex u frott ipproċessati.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad il-Ministru li l-protezzjoni tal-levies fuq ħxejjex u frott bħal, ngħidu aħnam il-kaboċċi, il-pastard, il-ħass, il-basal, il-karrotti, il-patata, it-tadem, l-għeneb, id-dulliegħ, il-bettiegħ eċċ sa tibda titneħħa f'Lulju li ġej?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-programm ta' tnaqqis gradwali tal-levies jew taxxi fuq prodotti agrikoli importati jifforma parti mill-iSpecial Market Policy Programme for Maltese Agriculture (SMPPMA) li kien diskuss mis-setturi kollha konċernati fi ħdan il-MEUSAC fil-jiem li għaddew.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl tal-fatt li l-għaqdiet tal-bdiewa u ta' l-agro-industrija huma kontra t-tneħħija ta' dawn il-levies, x'inhija r-raġuni li l-Ministru sa jkompli jsostni t-tneħħija tal-protezzjoni tal-biedja?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija numru 32385.
Jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm wara l-laqgħat li saru bejn il-Ministeru u / jew id-Direttur tas-Sajd mas-sidien tat-trawlers dwar li l-prezzijiet tal-qabda tal-ħut tagħhom qed dejjem tonqos u l-konsumaturi baqgħu jħallsu prezz għoli meta jixtru dan il-ħut?
Fil-fatt, saru dawn il-laqgħat u meta u min kien preżenti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-laqgħat li saru mal-Kooperattiva u r-rappreżentanti tat-trawlers membri tagħha ma kinux dwar prezzijiet tal-qabda tal-ħut tagħhom. Dawn il-laqgħat kienu dwar il-problemi tas-suq in ġenerali, in-nuqqas ta’ bejgħ fil-pixkerija, il-bejgħ ta’ prodotti mhux liċenzjati, u l-importazzjoni tal-ħut. Id-Dipartiment ma jindaħalx lis-sajjieda dwar il-prezz li jibdew jirkantaw bih. Il-prodott hu tagħhom u għalhekk il-Ministeru ma jistax jindaħal f’dan l-irkant.
Kif jaf l-Onor. Interpellant, il-bejgħ isir bl-irkant u għalhekk il-prezz ivarja l-ħin kollu u l-venditur tal-ħut u l-qliegħ tiegħu u perċentwal minħabba tiswija u telf mill-ħut li jkun qiegħed ibiegħ meta jiffissa prezz għall-konsumatur. Hu dan ta’ l-aħħar li jżomm is-suq billi jixtri bil-prezzijiet mitluba. Meta l-konsumatur jirrifjuta jixtri, il-venditur tal-ħut inaqqas ix-xiri u s-sajjieda jkollhom ibaxxu l-prezz. Il-konsumatur hu protett għaliex isib varjazzjoni kbira ta’ prodotti bi prezzijiet differenti. Fl-aħħar mill-aħħar, hu l-konsumatur li jrid jiddeċiedi jridx iħallas u jixtri ħut frisk. Id-dmir tal-venditur tal-ħut hu dak li jżomm il-konsumatur infurmat eżatt dwar dak li qiegħed jixtri.
Jista' l-Ministru jgħid x'programmi u attivitajiet ġodda daħlu fil-kalendarju agri-turistiku matul l-1999, l-2000 u l-2001? Kemm kien in-numru ta' laqgħat li saru bejn il-Ministru u l-Kunsilli Lokali dwar l-attivitajiet ta' dan il-kalendarju matul dawn l-aħħar tlett snin? Meta saru u x'riżultati posittivi ħallew?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li fl-1999, 2000 u 2001 il-programmi u l-attivitajiet tal-Kalendarju agri-turistiku baqgħu għaddejjin bl-istess mod bħas-snin ta' qabel.
Ma jidhirx li kien hemm xi ħtieġa ta' laqgħat bejni u l-Kunsilli Lokali dwar l-attivitajiet ta' dan il-Kalendarju matul dawn l-aħħar tliet snin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu s-sigħat ta' overtime li saru matul is-sena li għaddiet mill-ħaddiema tekniċi, eċċ fid-dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tad-dekasteru?
Kemm minn dawn is-sigħat tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu?
Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li ħadmu l-overtime u f'liema dipartiment sar dan l-overtime?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li matul is-sena 2001 kien hemm 127 ħaddiem li għamlu sahra. L-ammont totali li tħallas kien Lm84,030. Ma fadal l-ebda sahra x’titħallas.
Is-sahra li saret u l-ammonti li tħallsu kienu kif jidher hawn taħt:
Dipartiment
Numru ta’ ħ
addiema
Numru ta’ sigħ
at
Ammont totali
Lm
Ministeru u Head Office
27
3,180
11,737
Għammieri
20
3,095
7,343
Urban Rural Landscaping
10
12
232 hrs
2,353 trips
630
5,882
Akwakultura
17
7,292
22,675
Servizzi Veterinarji
21
7,217
22,102
Sajd
9
3,145
13,061
Ċentru tal-Bioteknoloġija tal-Pjanti
11
152
600
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-permessi li nħarġu mill-PA matul is-sena l-oħra u din is-sena sabiex fil-parti magħrufa bħala il-Wied tas-Sewda li jinsab bejn Ħal Qormi u l-Imrieħel issir żvilupp ta' paddock taż-żwiemenl u/jew Gold Course fil-parti ta' wara l-Kapella tal-Ħlas Ħal Qormi
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-proposti li l-għaqdiet tal-bdiewa, raħħala u l-Agro Industrija bgħatu lill-Ministeru dwar l-Abozz nru 59. Meta ntbagħtu lill-Ministru u kemm saru laqgħat dwar dan l-abbozz ma' l-għaqdiet konċernati u meta?
Response (ZAMMIT, NINU)
F'dawn l-aħħar sentejn ittieħdu diversi inizjattivi minn naħa tal-Ministeru biex nippromwovu l-kunċett u anki biex jibdew jitwaqqfu f'pajjiżna l-għaqdiet tal-produtturi. Fost dawn l-inizjattivi, il-Ministeru għen biex setgħet saret żjara ta' familjarizzazzjoni mill-Kooperattiva Ċentrali tal-Bdiewa fil-Portugal. II-Ministeru, flimkien mal-Bord tal-Kooperattivi u l-Uffiċċju għall-Informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea ha sehem fl-organizzazzjoni ta' Seminar dwar l-Għaqdiet tal-Produtturi li sar fit-13 ta' Ottubru, 2000. Saru wkoll diversi laqgħat minn uffiċjali fil-Ministeru ma' diversi għaqdiet u produtturi.
Fil-5 ta' Jannar 2001 saret laqgħa dwar il-liġi proposta għat-twaqqif ta' dawn l-għaqdiet li għaliha attendew uffiċjali mill-Ministeru, mid-Direttorat ta' l-Affarijiet dwar l-Unjoni Ewropea, l-avukati li ħadmu dwar l-Abbozz ta' Liġi, rappreżentanti ta' l-APEX, Farmers' Wine Cooperative, il-Kooperattiva Ċentrali tal-Bdiewa, l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa u l-Għaqda Bdiewa Progressivi, barra oħrajn li kienu mistiedna. Wara dan l-avveniment saru diversi laqgħat oħra, b'mod formali u informali.
Jien infurmat ukoll li minkejja din il-ħidma kollha li saret, ma sarux kontro proposti minn dawk konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid liema huwa l-għaqdiet tal-bdiewa u kemm hu in-numru ta' bdiewa li huwa favur it-tneħħija tal-levy li semma l-Ministru fil-ħin tal-mistoqsijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
It-tneħħija tal-levy minn fuq prodotti tal-biedja tifforma parti minn programm tal-Gvern għall-istrutturar tal-biedja lokali fid-dawl ta' dak li qed jiġri fix-xena internazzjonali dwar l-oqsma tal-biedja u tal-kummerċ.
Dan il-programm, magħruf bħala Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture (SMPPMA) kien diskuss ma' l-għaqdiet tal-bdiewa u mas-setturi l-oħra konċernati fil-jiem li għaddew. Il-programm jinkludi inċentivi finanzjarji u miżuri oħra maħsuba biex jagħmlu tajjeb għat-tneħħija tal-levies.
Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta' l-protesta li għamlu s-sajjieda tas-sidien tat-trawlers fl-4 ta' Marzu, jista' l-Ministru jinfurmani x'passi ħa u x'investigazzjonijiet saru sabiex jiġi investigat l-ilment tas-sajjieda?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma hemmx x'jiġi investigat. Sadanittant id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin u qed ikun ippjanat xogħol fuq spezzjonijiet u marketing.
Peress li l-Ministru ħabbar li l-karkassa tal-majjal trid tibda tinbiegħ skond il-partijiet li jkollha bżonn l-industrija ta' l-ipproċessar lokali u mhux b'karkassa sħiħa kif isir fil-preżent, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-konferma tal-produtturi u jew tal-kooperattiva tagħhom fejn qablu li jsir dan it-tibdil fil-bejgħ tal-karkassa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qegħdin isiru diskussjonijiet kemm mal-proċessuri kif ukoll mal-produtturi biex tkun aġġornata s-sistema ta' proċessar mill-qatla s'għand il-konsumatur. Dawn id-diskussjonijiet għadhom m'humiex konklużi.
Peress li l-Ministru qal li l-produtturi mhux se jitilfu mill-prezz oriġinali tagħhom jekk jibdew ibigħu partijiet mill-karkassa, jista' jispjega dan u jgħid kemm se jkunu l-preżżijiet tal-partijiet tal-karkassa li l-produttur se jbigħ lill-proċessur?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jista' l-Onor Interpellant ikun aktar ċar dwar il-mistoqsija tiegħu u jiddefinixxi t-tip ta' karkassa.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport imħeġġi mit-taqsima għall-ambjent nadif dwar il-Wied ta' l-Isqof wara li ġie spezjonat minn diversi uffiċjali ta' l-istess sezzjoni? Huwa l-każ li jitqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport mill-ġeoloġista b'mod separat? X'deċiżjoni ħa d-dipartiment dwar it-tindif ta' dan il-Wied jew almenu l-aktar partijiet kruċjali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta saret l-aħħar spezzjoni lill-bdiewa li jikkultiva l-uċuħ tar-raba' fl-inħawi tal-Qammieħ il-Mellieħa, fejn irriżultat il-problema tal-kontaminazzjoni tad-drenaġġ fl-ispieri ta' l-ilma?
X'irriżulta u x'passi ttieħdu sabiex jiġu salvati l-prodotti li kellhom fuq l-uċuħ tar-raba' tal-bdiewa?
X'kumpenss ingħataw jew se jingħataw dawn il-bdiewa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li uffiċjali tad-Dipartiment tkellmu aktar minn darba ma' bdiewa li jaħdmu raba' l-Qammiegħ fejn kien diskuss l-ilment li l-ilma ta' ispejjer ġie kkontaminat minn drenaġġ li għaddej minn dawk l-inħawi. Saru spezzjoniet f'dan il-lokal fid-9 ta'Jannar 2002 u fil-25 ta' Frar, 2002.
Id-Dipartiment ta' l-agrikoltura jinsab f'kuntatti mad-Dipartiment tad-Drenaġġ rigward din il-problema.
Kif dan id-Dipartiment jirċievi l-korrispondenza meħtieġa skond il-proċedura, mingħand id-Dipartiment tad-Drenaġġ isiru l-istimi ta' ħsarat li seta' kien hemm fl-uċuħ.
B'referenza għall-PQ 30776, jista' l-Ministru jgħid kif huma l-arranġamenti illum bejn il-produtturi u l-proċessur?
Jikkonferma l-Ministru li l-karkassa tal-majjal matul dawn l-aħħar snin dejjem inbigħ sħiħ lill-proċessur?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-bejgħ ilu mis-snin tmenin jsir mill-produtturi għall-proċessuri f'forma ta' karkassi.
Jikkonferma l-Ministru li l-Gvern jrid jagħti sussidju lill-produtturi maltin u għawdxin tal-majjal sabiex dawn ibaxxu l-prezz tal-karkassa għall-proċessur?
Jekk iva, kemm huwa t-tnaqqis fil-prezz ta' kull kilo li qed jiġi rrakkmandat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor Interpellant li kieku l-Oppozozzjoni tattendi l-laqgħat tal-MEUSAC, din ikollha l-informazzjoni dwar x'qed ikun diskuss.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' karozzi, vannijiet u nġenji oħra li l-Ministeru u d-Dipartimenti, Entitajiet eċċ li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru, kellu mikrija jew le, matul is-sena li għaddiet? X'kienet is-sitwazzjoni għas-snin 2000, 1999, 1998 u 1997 separatament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien m'iniex sodisfatt li l-utilita' ta' l-informazzjoni dettaljata fuq firxa ta' ħames snin mitluba fil-mistoqsija numru 31804 tiġġustifika li nordna li din għandha tinġabar.
Għalhekk sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni.