Legislature:
Category:
Reset
Active:

Riżenja

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x'kienu r-raġunijiet li rriżenja s-Sur Buġġelli? Min ħa over ir-responsabilta' tax-xogħol pendenti li kellu f'idu dan l-uffiċjal għoli fid-dipartiment/ministeru? X'kien fil-fatt ix-xogħol pendenti li huwa kellu responsabilta' tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Riżenja

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x'kienu r-raġunijiet li rriżenjat Dr M Vella? Min ħa over ir-responsabilta' tax-xogħol pendenti li kellha f'idha din l-uffiċjal għoli fid-dipartiment/ministeru? X'kien fil-fatt ix-xogħol pendenti li hija kellha responsabbilta' tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Dr Mireille Vella applikat għall-post ta’ Direttur Ġenerali f’ministeru ieħor wara l-ħruġ ta’ ċirkulari mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Permezz ta’ struttura ġdida, il-post ta’ Direttur International & Legal Coordination li kienet tokkupa Vella issa ġie integrat fil-post ġdid ta’ Direttur Ġenerali responsabbli mill-aspetti regolatorji fil-qasam veterinarju u tas-sajd. Din il-kariga issa hija okkupata minn Dr Anthony Gruppetta li llum jokkupa il-kariga ta’ Direttur Ġenerali Veterinary Regulations and Fisheries Conservation and Control.

Biċċerija

Question

Għaliex l-inċineratur fil-Biċċerija għadu mhux jaħdem? Kemm fil-fatt hija kkalkulata l-ispiża meħtieġa biex jitħaddem dan l-inċineratur il-ġdid? Meta fil-fatt se jitħaddem? Min kien l-uffiċjal/uffiċjali responsabbli minn dan il-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari tiegħu Nru 23821. Il-project manager ta’ l-impjant kien l-eks-Direttur Generali fit-Taqsima ta’ l-Ikel u l-Affarijiet Veterinarji. Il-lum dan il-proġett qed jaqa' taħt il-WasteServ Malta Ltd.

Ħaddiema li rriżenjaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-uffiċjali/ħaddiema li rriżenjaw u jew spiċċaw mix-xogħol fid-dipartimenti, ministeru, entitajiet li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Mejju, 2004 'l quddiem? Liema vaganzi mtlew u liema għadhom pendenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar; tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Ġnien l-Indipendenza — Funtana

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-funtana ġdida li ġiet inawgurata riċentement fi Ġnien l-Indipendenza f'Tas-Sliema? Jista' jgħid xi kriterji ambjentali huma assoċjati ma' dan il-proġett infrastrutturali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-funtana l-ġdida li ġiet inawgurata riċentement f'Tas-Sliema ġiet tiswa madwar Lm8,000. Permezz ta’ din il-funtana rridu nwasslu l-messaġġ li “d-dinja ma ġietx mogħtija lilna minn ta’ qabilna iżda ġiet mislufa lilna minn uliedna”.

Rapporti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' rapporti li ġew ikkummissjonati matul din is-sena? Jista' jgħid liema kienu dawn ir-rapporti u kemm ġew jiswew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Sussidju fuq ġwież/għalf

Question

Għaliex għadhom ma tħallsux is-sussidju fuq ġwież/għalf lill-produtturi lokali għall-perjodu ta' Lulju - Diċembru, 2006?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjonijiet għas-sussidji fuq il-ġwież ser ikunu pproċessati fil-ġranet li ġejjin. Id-dewmien irriżulta minn kjarifiki meħtieġa fuq applikazzjonijiet partikulari.

Sussidju fuq il-ġwież/għalf — Applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex għadhom ma ħarġux il-formuli għall-applikazzjoni tas-sussidju fuq il-ġwież/għalf għal perjodu ta' Lulju sa Diċembru, 2007 issa li diġa ninsabu f'nofs Ġunju? Għaliex din it-traskuraġni f'dan ir-rigward?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 26740.

Skejjel ta' l-istat — Pjanti u siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw pjanti u/jew siġar lill-iskejjel ta' l-istat biex jinżergħu fl-iskejjel fis-sena skolastika li dalwaqt tintemm? Lil liema skejjel ingħataw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru tiegħi dejjem enfasizza l-importanza tat-taħwil ta’ siġar u pjanti indiġeni. Il-lum il-ġurnata kważi kull skola fejn hemm ftit ħamrija u spazju adegwat hemm imħawla xi siġra ta’ l-għargħar, widnet il-bahar, żnuber, ballut, ta’ Ġuda u ħafna oħrajn. Dan biex l-istudenti jitgħallmu jidentifikaw u jifhmu l-importanza tas-siġar Maltin. Siġar lill-iskejjel mhux nagħtu biss iżda nirċievu ukoll! L-iSchool Arbor Committee huwa kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent u rappreżentanti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjieġ. Ta’ kull sena norganizzaw diversi laqgħat u mixjiet biex ngħallmu kif tinġabar iż-żerriegħa u kif tinżera’ u kif issir il-manutenzjoni. Lill-iskejjel intuhom iż-żerriegħa ta’ siġar Maltin u dawn jikkompetu bejniethom min ikabbar l-aktar siġar u jingħataw premjijiet, trofej u kotba. Din is-sena l-ammont ta’ siġar indiġeni li rċevejna mill-iskejjel kien ta’ 2169, bejn ballut, għargħar, żnuber, ġummar u ħarrub. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Ħaddiema ntitolati għall-gazzetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma n-nies fil-private staff u d-dekasteru tiegħu ntitolati għall-gazzetti kuljum? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa fuq ix-xiri ta' gazzetti matul is-sena 2006?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li: - Jinxtara sett gazzetti kull jum tal-ġimgħa għall-użu tal-Ministeru - Jinxtara sett gazzetti kull jum tal-ġimgħa għall-użu tas-Segretarjat Parlamentari - Jinxtara sett gazzetti fil-weekends mill-kap tas-Segretarjat tal-Ministru u sett gazzetti fil-weekends mill-kap tas-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari Jinxtraw kopji - għas-Segretarju Permanenti - għat-tmien Direttorati - għaċ-Chief Executive Officer u ċ-Chairman tal-WasteServ Malta Ltd - għad-Direttur Ġenerali, id-Direttur ta’ l-Ippjanar, l-Assistant Direttur (EU and Multilateral Affairs), PR Executive u Assistant Direttur (Nature Protection) ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) In-nefqa totali fuq gazzetti matul is-sena 2006 għal dawn kollha kienet ta' Lm 5,121.62.

Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19833, jista' l-Ministru jgħid fhiex waslu l-proċeduri? Jista' jgħid ukoll kemm huwa l-livell ta' decibals (ħsejjes) li huwa aċċettabbli skond normi Ewropej u skond l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li Hompesch Steel qiegħed fil-proċess li jagħlaq l-iskrepjard u l-art tinbidel minflok f`żona industrijali. F`dan ir-rigward sar studju fuq il-livelli ta` ħsejjes preżenti. Ir-riżultati juru li l-livell ta` ħoss kien bejn 73.9 dBA u 74.7 dBA. L-ogħla livelli ġew imkejla viċin iż-żona residenzjali. Skond l-Environmental Impact Statement (EIS) huwa ċar li l-livelli eżistenti ta` ħoss għandom impatt negattiv fuq l-ambjent u jkun ta` benefiċċju li kieku s-sit jinbidel f`wieħed fejn l-attivitajiet industrijali ġodda jkunu ta’ tip li fihom il-ħsejjes jistgħu jiġu kkontrollati. Il-proċeduri min-naħa ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) huma li ingħata permess outline (PA7031/99) biex jitneħħa l-operat eżistenti ta’ Hompesch Steel u minfloku isir żvilupp industrijali ħolistiku. Il-livelli ta’ ħoss ( debels ) iridu jkunu aċċettabbli skond linji gwida ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) li huma bbażati fuq dawk tal-World Health Organisation (WHO). Dawn jispeċifikaw li bil-lejl il-livell ta` ħoss fil-kmamar tas-sodda m`għandux jaqbeż il-55 dBA. Peress li għadu mhux magħruf x`tip ta’ industriji partikulari ser ikun hemm fuq is sit, il-livelli ta` ħoss ta’ l-iżvilupp propost ma jistgħux ikunu stmati f’dan l-istadju. Il- policy rilevanti għal dan is-sit hija SMCM 08 fil-Pjan Lokali ta’ Nofsinhar ta’ Malta u l-mappa rilevanti hija ZN 3.

Apparat domestiku — Refunds

Question

Jista' l-Ministru jagħti data meta l-Ministeru tal-Finanzi se jibda jagħti r-refunds tal-ħlas fuq xiri ta' apparat domestiku li huwa effiċjenti fl-enerġija hekk kif kien imwiegħed fil-budget 2007 wara li diversi familji applikaw għal dan ir-refund?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Karozzi environmental friendly

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi li ma jużawx diesel/petrol/lrp sabiex jaħdmu u li fl-istess ħin huma aktar environmental friendly fil-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar jew Marzu 2007? F'każ li fl-affermattiv, kemm kienet in-nefqa separatament u xahar b'xahar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi ma nxtrat ebda karozza mill-Ministeru tiegħi u mill-entitajiet li responsabbli minnhom jien.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq safar inkluż spejjeż ta' lukandi, flights u subsistence allowance fil-ministeru, dipartimenti u entili jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament xahar b'xahar u min kienu l-uffiċjali separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li n-nefqa fuq safar inkluż spejjeż ta' lukandi, flights u subsistence allowance fil-ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu kienet hekk: Jannar 2007 Lm 20,976.21 Frar 2007 Lm 26,823.29 Marzu 2007 Lm 21,360.68 Peress li fil-biċċa l-kbira tiegħu dan is-safar kien fuq xogħol konness ma’ l-Unjoni Ewropea, total ta’ Lm21,868.51 ser ikunu rifużi mill-Kummissjoni Ewropea. Lista ta’ l-uffiċjali nvoluti qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Lukandi

Question

Jista' l-Ministru jgħid ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom l-uffiċjali mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul x-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007, safra b'safra separatament u min kienu dawn l-uffiċjali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li The Public Service Management Code tistabbilixxi żewġ kategoriji għal-lukandi, jiġifieri Superior I u Superior II.

Għajnuna mill-EU

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji stabbiliti li fuqhom jintgħażlu dawk il-persuni li jingħataw l-għajnuna mibgħuta mill-EU, permezz ta' l-għoti ta' għaġin, ross u ħalib eċċ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji stabbiliti li fuqhom jintgħażlu dawk il-persuni li jingħataw l-għajnuna mibgħuta mill-EU, permezz ta' l-għoti ta' għaġin, ross u ħalib eċċ? Tweġiba : Ninsab infurmat li d-distribuzzjoni ssir fuq il-kriterji li ġejjin. Min jikkwalifika l-ewwel ikun irid jiġbor formola apposta mill-uffiċċju distrettwali ta’ l-għajnuna soċjali. - Persuni li m’għandhomx possibbiltà li jmantnu lilhom infushom jew/u li qegħdin taħt livell ta’ għixien bażiku - Persuni li jgħixu f’istituzzjonijiet mhux-governattivi bħal orfanatrofji, kenn ta’ emerġenza, eċċ - Persuni li jirċievu għajnuna ta’ sigurtà soċjali mhux kontributorja inkluża dik ta’ qagħad, diżabiltà u benefiċji mediċi Fi ftit kliem ir-Regolament ta’ l-Unjoni Ewropea 3149/92 jitkellem dwar provvista ta' ikel “lil min hu l-aktar fil-bżonn”. Il-kriterji ġew stabbiliti wara konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u l-għaqdiet volontarji bħala linji gwida għall-kappillani u għall-għaqdiet tal-karità. Fil-fatt it-tqassim ta' l-ikel isir mill-parroċċi u mill-għaqdiet tal-karità, fosthom il-Moviment Azzjoni Soċjali, YMCA u ARKA.

Gnien Qaddafi

Question

Billi f'mistoqsija parlamentari 6516 il-Ministru għall-Affarijiet Barranin qal li l-Ministru responsabbli mill-agrikoltura u sajd għamel talba għall-assistenza biex jiġi stabbilit ġnien klassiku Għarbi, possibilment fi Ġnien Qaddafi, f'Raħal Ġdid, kif ser jiġi effettwat dan il-proġett mill-estenzjoni ta' l-MCAST li ħabbar il-Prim Ministru il-bieraħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Hoarding tal-Ġobon u z-Zokkor

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26338 u jgħid min huma dawk in-negozjanti li ġew msejħa bħala hoarders mill-Gvern innifsu li kienu responsabbli li wasslu biex Malta teħel penali għall-hoarding tal-ġobon u taz-zokkor qabel is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Tista' ssemmihom b'isimhom? Billi qed jingħad li dawn ser ikollhom jagħmlu tajjeb għall-penali li ser ikollha tħallas Malta, jista' jikkonferma meta dawn mistennija jiġu mitluba jroddu dan il-ħlas lill-Gvern Malti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li preżentement għaddej eżerċizzju biex jiġu identifikati dawk l-operaturi li xtraw ammonti straordinarji ta’ ġobon immedjatament qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Huwa mistenni li dan l-eżerċizju jitlesta dalwaqt minħabba li jinvolvi ġbir ta’ informazzjoni minn numru ta’ dipartimenti biex jiġu identifikati l-importaturi kkonċernati u l-kwantitajiet ta’ prodotti li importaw tul is-snin qabel Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Għar-rigward taz-zokkor, nixtieq niċċara li din il-kwistjoni hija kompletament differenti għax l-importazzjoni taz-zokkor hija regolata minn skema ta’ għajnuna statali. Ninsab infurmat ukoll li z-zokkor li kien importat ma kienx esportat lejn xi Stat Membru ieħor, imma kien jew użat fis-suq lokali jew maħdum fi prodotti oħrajn li kienu esportati lejn pajjiżi terzi.

Ibraġġ — Għalqa

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 26387 u cioe' : Għandi rapporti li fi Triq is-Siegħ, l-Ibraġġ hemm għalqa li tinfed għal Triq il-Miżieb li qed tintuża bħala rubbish dump u li minkejja li skond il-mapep tal-MEPA hija pproġettata li trid issir Triq il-Wejba, għandha bini fuq art li n-nies ingħataw x'tifhem li hi art tal-gvern. Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hiex se ssir din it-triq kif indikat fil-website tal-MEPA? U jekk iva, jista' jikkonferma wkoll jekk xi bini mbarrat li hemm fl-inħawi ħdejn Triq il-Miżieb li jinfed għal Triq is-Siegħ inbeniex bil-permessi meħtieġa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

It-tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Ikel b'xejn mill-EU

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk pensjonanti ta' l-invalidita' taħt il-61 sena jikkwalifikawx għal skema ta' ikel b'xejn mogħti mill-EU? Jekk ma jikkwalifikawx, x'inhi r-raġuni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Għal darb’oħra nerġa’ ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ikel li qiegħed jirreferi għalih huwa regolat mir-Regolament EU 3149/92. Dan jirreferi għal għajnuna lil dawk l-aktar fil-bżonn irrispettivament mill-istat soċjali tagħhom.