Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xtajtiet Privati

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9386, jista' il-Viċi Prim Ministru jissottometti pjanta fid-dettal li tindika liema partijiet tal-Ponta tal-Balluta u l-Ponta tad-Dragonara huma proprjeta' privata?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ pjanti li juru proprjeta' biswit il-baħar fil-Ponta tal-Balluta u fil-Ponta tad-Dragonara fejn l-indikazzjonijiet li għandha t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern sa issa huma li din il-proprjeta' aktarx hija privata.

Pulizija — Serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Novembru 2004? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Novembru 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Novembru ta’ l-2004 il-każi ta’ serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 175 każ ta’ serq. Hold up 6 Pick Pocketing 55 Snatch & grab 8 Serq minn dgħajjes 10 Serq ta’ dgħajjes 3 Serq ta’ karozzi 71 Serq minn karozzi 312 Serq minn residenzi 58 Serq minn barijiet / lukandi 45 Serq minn xtajtiet 2 Serq minn fabbriki 8 Serq minn ħwienet 46 Serq ieħor 243

Pulizija — Reati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Novembru 2004? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Novembru 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Novembru ta’ l-2004 il-każi ta’ reati li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar kien hemm 122 persuna li ġew misjuba ħatja ta’ reati kriminali. Against morals/honour of family 2 Arson 4 Attempted offences 105 Bodily harm 75 Computer misuse 3 Administration of Justice etc 1 Damage 281 Drugs 11 Forgery 5 Fraud 24 Illegal immigration 5 Prostitution 3 Sexual offences 5 Theft 867 Threats and private violence 9 Violation of places of confinement 1 Violence against public officers 5

Pulizija — Ħanut tax-Xorb

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara jekk il-pulizija tistax tivverifika rapporti li qed jasluli li l-ħanut tax-xorb Pantheon fi Triq il-Ħġejjeġ f'San Pawl il-Baħar, qed jibqa' miftuh ħinijiet twal matul il-ġurnata u l-lejl b'inkonvenjent għall-ġirien fl-inħawi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa.

Qrati — Multi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inġabru flus minn ħlasijiet ta' multi għal clamping u towing din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tmien xhur ta' din is-sena ġew miġbura mill-Pulizija Lm40,560 mill-ikklampjar u rmonk ta' vetturi skond ir-Regolamenti dwar l-Ikklampjar u t-Tneħħija ta' Oġġetti ta' Ingombru fir-Regolamenti tat-Traffiku. Għal dak li jirrigwardja l-Kunsilli Lokali, ninsab infurmat illi l-ikklampjar u t-tneħħija ta' vetturi jsir biss fil-lokalitajiet li jaqgħu taħt il-Kumitat Konġunt ta' Tas-Sliema u l-ammont miġbur minn Jannar sa Awissu 2004 għat-tneħħija ta' vetturi kien ta' Lm11,000. Dwar ikklampjar ta' vetturi ma saru l-ebda multi peress li din is-sistema għadha ma bdietx titħaddem.

Qrati — Kodiċi Kriminali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li l-Kodiċi Kriminali jkun emendat sabiex inkjesti maġisterjali ma jkunux iktar neċessarji meta l-valur involut ikun inqas minn Lm1,000 minflok il-valur ta' Lm100 li hu viġenti bħalissa?

Response (BORG, TONIO)

Bil-kliem "meta l-valur involut ikun inqas minn Lm1,000 qiegħed nifhem li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għal reati ta' serq. Jekk hu hekk, niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li bl-Att III ta' l-2002 l-artikolu 546 tal-Kodiċi Kriminali ġie emendat biex b'hekk l-inkjesta mill-Maġistrat tkun meħtieġa għal reati li għalihom hemm il-piena ta' priġunerija għal aktar minn tlett snin. Għal reati ta' serq aggravat bil-valur li ma jeċċedix l-Lm1,000, il-piena hi dik ta' priġunerija ta' mhux aktar minn tlett snin u għalhekk illum għal dawn ir-reati l-inkjesta bil-maġistrat ma għadhiex aktar meħtieġa.

Pulizija — Speed cameras

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm twaħħlu mill-pulizija speed cameras u CCTV's f'toroq u junctions u fejn twaħħlu?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' kelli l-okkażżjoni nispjega, l-speed cameras użati mill-Pulizija m'humiex statiċi, filwaqt li hemm stallati CCTV cameras ġewwa B'Kara, San Ġiljan u Paċeville.

Ta' Xbiex — Triq Watar - abbużi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi mill-pulizija dwar garage li hemm f'Watar Street, Ta' Xbieb li fih regolarment isiru abbużi ta' sess u droga, b'inkonvenjent kbir għar-residenti ta' l-inħawi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi, l-ilment imressaq mill-Onorevoli Interpellant qed ikun investigat.

Kunsilli lokali — Manutenzjoni ta' l-iskejjel

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li s'issa ffirmaw kuntratt/ftehim mad-dipartiment ta' l-edukazzjoni biex jieħdu sehem fit-titjib u manutenzjoni ta' l-iskejjel?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim dwar titjib u manutenzjoni ta' l-iskejjel, kien ġie ffirmat bejn id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni u l-Kunsilli Lokali rispettivi. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni.

Dipartiment ta' l-artijiet — Esproprjazzjoni ta' art

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħallas kumpens lis-sidien il-Gvern fl-aħħar ħames snin (sal-lum) għall-esproprjazzjoni ta' art?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kumpens imħallas mid-Dipartiment ta' l-Artijiet, lis-sidien għall-esproprjazzjoni ta' art f'dawn l-aħħar ħames snin huwa kif ġej:- Sena Ammont (Lm) 2000 5,286,063 2001 3,952,966 2002 2,256,296 2003 2,305,807 2004* 3,542,842 *sal-31 ta' Awissu.

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Safar

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformani kemm kienet in-nefqa globali tas-safar matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2004 tal-ministeru u tad-dipartimenti, entitajiet, awtoritajiet, korporazzjonijiet, eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu? Jista' jinformani kemm hu kkalkulat li se titla' din l-ispiża sa l-aħħar tas-sena?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 8904 u Nru. 9229. Risposta għall-aħħar parti tad-domandi mhux possibli li tingħata.

Liġi Possession and Use

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond - dettalji dwaru qed jintbagħtu sepratament - huwiex milqut bil-liġi possession and use?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern il-post indikat mill-Onorevoli Interpellant huwa esproprjat mill-Gvern taħt titlu ta' "possession and use".

Dipartiment ta' l-Artijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - għadha ma ġietx kompensata mid-dipartiment ta' l-artijiet għall-fond li ġie meħud mill-istess dipartiment għal skop pubbliku fl-1995?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant għadu ma ġiex ikkumpensat għal fond meħud mid-Dipartiment għal skop pubbliku għaliex ma kienx ġie aċċettat l-ammont ta' recognition rent offrut permezz ta' Avviż ta' Ftehim. Għad hemm kawża pendenti quddiem il-Bord ta' Arbitraġġ dwar Artijiet dwar dan l-ammont ta' kera.

Bormla — Biċċa art

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-pjan tal-gvern dwar dik il-biċċa art li hemm wara l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali ta' Bormla?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-biċċa art li hemm wara l-Kunsill Lokali ta' Bormla u li qabel kienet tal-Gvern illum hija tal-Arċidjoċesi ta' Malta u dan wara li fl-1997 kienet ġiet skambjata ma' art oħra tal-Knisja li ġiet ttrasferita lill-Gvern.

Pulizija — Rapporti dwar hold ups

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' hold ups u qtil li sal-lum għadhom mhux solvuti tul dawn l-aħħar ħames snin? Jista' jgħid liema kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin, ċioe' mis-sena 2000 sa l-aħħar t'Ottubru ta' din is-sena, kien hemm 22 każ ta' omiċidju, li kollha ġew solvuti, għajr għal tnejn - dak li seħħ Wied il-Għajn nhar il-15 ta' Mejju 2001 u l-ieħor f'Marsalforn nhar il-25 ta' Mejju 2004. Infurmat ukoll illi matul l-istess żmien, kien hemm 178 każ ta' hold up li 54 minnhom ġew solvuti. Tagħrif dwar dawk il-hold ups li għadhom qed ikunu investigati huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Xtajtiet privati

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 9056 u 9258 dwar xtajtiet privati, jista' il-Viċi Prim Ministru issa jwieġeb fid-dettall kif mitlub?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9056 fejn intqal b'mod ċar li l-interpretazzjoni legali li ngħatat sa issa hija li l-foreshore għandu jkun kollu kemm hu aċċessibli għall-pubbliku sakemm ma jkunx hemm provi legali li dan ingħalaq bi dritt u li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern tinvestiga kwalunkwe ilment li jsirilha fir-rigward u jekk ikun hemm bżonn tieħu l-passi neċessarji skond il-każ. Dwar il-Mistoqsija Parlamentari Numru 9258, ninsab infurmat li minn investigazzjonijiet li għamlet it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern dwar konċessjonijiet tal-Gvern fuq art biswit il-baħar fil-lokalitajiet ta' Tas-Sliema, Pembroke, San Ġiljan, Paċeville, Imsida u l-Gżira jirriżulta li l-Gvern dejjem għamel riserva sabiex il-foreshore jibqa' aċċessibli għall-pubbliku. L-unika eċċezzjoni hija biċċa art biswit il-Yacht Marina ta' l-Imsida hekk kif tinżel in-niżla ta' Ta' Xbiex, li fl-1976 kienet ingħatat b'ċens mill-Gvern sax-xifer tal-baħar kif muri fil-pjanta hawn meħmuża. L-aċċess għall-pubbliku jidher li huwa magħluq ukoll fil-ponta tal-Balluta u f'dik tad-Dragonara, fejn l-indikazzjonijiet sa issa huma li dawn l-artijiet huma proprjeta' privata.

CCF — Taqsima ta' l-arti u ċ-ċeramika

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex iż-żieda fis-salarji ta' l-għalliema fit-taqsima ta' l-arti u ċ-ċeramika tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin għadha ma ġietx attwata? Jista' jara li l-għalliema f'din it-taqsima jingħataw il-finanzi opportuni mill-amministrazzjoni tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin tempestivament billi meta jiġu biex jixtru t-tafal mhux qegħdin isibu koperazzjoni biżżejjed?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ittra biex l-għalliem tal-pottery jitħallas bir-rata ta' Lm3.50 fis-siegħa waslet fis-7 ta' Lulju 2004. Dan beda jitħallas b'din ir-rata mill-ewwel ta' Lulju 2004. Sa llum għad m'għandniex approvazzjoni biex inħallsu b'xi rata oħra. Fir-rigward tax-xiri tat-tafal, ġejt infurmat li d-dewmien ma jkunx minn naħa ta' l-awtoritajiet tal-ħabs, imma minħabba ċirkostanzi oħra.