Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta ser tirċievi l-pensjoni l-anzjana indikata separatament li skond risposta li ħarġet minn domanda parlamentari suppost li bdiet tirċeviha minn Jannar 2001?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-pensjonanti li sejjer ikolhom tibdil fid-dħul tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali visavis iż-żidiet li sejrin jingħataw relatati mar-reviżjoni tas-salarji ta' l-impjegati taċ-Ċivil?
Liema huma dawk il-pensjonanti li jistgħu ma jibbenefikawx minn din iż-żieda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Numru 22849.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux regolari li sid li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija jdaħħal impjegata ġdida miegħu ġimgħa wara li keċċa impjegata li kellu qabel għal 11-il sena sħaħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'referenza għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 22969, nixtieq ninforma lill-Onor. Membru li l-każ ġie nvestigat mill-Ispetturi tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg u rriżulta li m'hemmx qbil bejn l-impjegata u l-employer fuq ir-raġuni tat-tkeċċija, fejn employer qiegħed jgħid li kienet għar-raġuni dixxiplinarja. Minħabba f'hekk huwa opportun li jekk l-impjegata msemmija ma taqbilx mar-raġuni mogħtija mis-sid konċernat, hi għandha tapplika lit-Tribunal Industrijali mill-aktar fis possibbli, biex jisma' l-każ tagħha.
Peress li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħatu separatament ilha minn Settembru bla xogħol, x'benefiċċji soċjali hija ntitolata għalihom peress li qed tgħix ma' missierha li qed imantnieha bil-pensjoni modesta tiegħu b'ħafna diffikultajiet u tbatija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni li ta fir-rigward tal-persuna kkonċernata jidher li din tista' tkun intitolata jew għall-Benefiċċju tal-Qgħad jew għal xi benefiċċju ieħor mhux kontributorju mħallas skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318). Il-persuna ġiet infurmata biex tmur fl-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali tal-lokal tagħha fejn għandha ssib kull għajnuna.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinstema' l-każ li dettalji dwaru qed jintbagħatu separatament imressaq wara t-terminu ta' l-impjieg tal-persuna konċernata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'referenza għal Mistoqsija Parlamentari numru 22971, jien infurmat li m'hemmx każi pendenti quddiem id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg jew it-Tribunal Industrijali dwar il-persuna msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari.
Madankollu tlabt lill-uffiċċjali fid-dipartiment ikkonċernat biex jikkonsultaw ma' din il-persuna.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba ltaqgħu d-diversi kumitati parlamentari matul is-sena 2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul l-2000, il-Kumitati Permanenti tal-Kamra ltaqgħu kif ġej:
Il-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra ltaqa' 13-il darba;
Il-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi ltaqa' 19-il darba;
Il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin iltaqa' 12-il darba;
Il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali ltaqa' 10 darbiet; u
Il-Kumitat Permanenti għall-Konsiderazzjoni ta' Abbozzi ta' Liġi ltaqa' 48 darba.
B'kollox saru 102 laqgħat tal-Kumitati Permanenti matul is-sena li għaddiet.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm studenti li bħalissa jinsabu f'xi skema ta' apprendistat TAS / ESTS?
Min huma l-kumpaniji / entitajiet li qed jisponsorjaw lil dawn l-apprendisti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' apprendisti li bħalissa jinsabu fl-iskemi ta' l-apprendistat jammontaw għall-1,808. Minnhom 799 qegħdin fl-iskema ta' Extended Skill Training Scheme (ESTS), u 1,009 fl-iskema ta' Technician Apprenticeship Scheme (TAS).
In-numru ta' kumpaniji/entitajiet li jisponsorjaw lil dawn l-apprendisti jammonta għal 505. Minn dawn 471 huma mis-Settur Privat, 17 Dipartimenti tal-Gvern u 17 oħra Korpi Parastatali.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 22876, jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-Avviż nru. 51 ta' l-1995, għallinqas il-parti fejn hemm il-kriterji biss?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-Avviż indikat li kien ġie ppublikat fil-Gazzetta tal-Gvern tat-22 ta' Frar 1995.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu fi flus u kemm-il persuna bbenefikat, sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin għal dak li jirrigwarda dawn il-benefiċċji: (i) childrens' allowance; (ii) social assistance (relief); (iii) benefiċċju tal-mard (SKA); u (iv) invalidity pension?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jirriżultalha l-ETC li ġew impjegati: (i) persuni b'diżabilita'; (ii) persuni b'mard mentali; u (iii) persuni riabilitati mis-Sedqa matul is-sena 2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul is-sena 2000, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ sabet xogħol lil 28 persuna b'diżabilita'. Fost dawn kien hemm 3 persuni b'mard mentali u 6 persuni riabilitati mill-aġenzija SEDQA.
Irrid inżid ukoll li matul l-istess sena n-numru ta' persuni b'diżabilita' mentali li tħarrġu ma' l-Eden Foundation hu kif ġej:
24 persuna spiċċaw it-"Transition Programme", u minnhom 18 għaddew ghall-"Work Exposure" programme.
Fost dawn tlett persuni jinsabu f'impjieg, filwaqt illi persuna kienet f'impjieg u tilfitu matul l-istess perjodu.
Barra minn hekk f'Diċembru tal-istess sena ġie ffirmat ftehim mar-Richmond Foundation li jaħseb għat-taħriġ u għajnuna biex isibu mpjieg 24 persuna li jsofru minn problemi psikjatriċi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittieħdu ġranet ta' sick leave matul is-sena 2000 (gvern u privat)? Kemm kien dan l-ammont fl-għaxar snin li għaddew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant ilha tinżamm biss minn Mejju 1998, meta d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali kkompjuteriżża s-sistema għal ħlas tal-benefiċċju għal mard.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba għall-perijodu Mejju 1998 sa l-aħħar tas-sena 2000.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fuq il-post tax-xogħol matul is-sena 2000?
Kemm minnhom kienu fatali? Kemm minnhom irriżultaw f'diżabilita'? Kemm swew dawn l-inċidenti lill-employers (gvern u privat)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul is-sena 2000, id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali rċieva 5,150 talba għal Benefiċċju għal Korriment b'riżultat ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol, li 5 minnhom kienu fatali.
Filwaqt li s-sena l-oħra l-imsemmi Dipartiment ħallas għall-ewwel darba 391 Għotja għal Korriment u 16-il Pensjoni għal Korriment, dawn mhux neċessarjament kienu relatati mat-talbiet għal Benefiċċju għal Korriment li saru fl-istess sena.
Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu nies il-qorti talli ħaddmu nies mingħajr permess is-sena l-oħra u x'weħlu f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li n-numru ta' persuni li ttellgħu l-Qorti s-sena l-oħra għax naqsu li jinnotifikaw lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ bl-impjieg magħhom ta' ħaddiema kien ta' 238.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu barranin jaħdmu bla permess is-sena l-oħra? Minn liema pajjiż kienu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2000, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ qabdet 104 persuna barranija taħdem f'Malta mingħajr permess. Il-Korporazzjoni ma żżommx informazzjoni dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jitħaffef il-każ ta' koppja anzjana fejn ir-raġel huwa marid u twaqqfitilhom l-għajnuna tal-mard u li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija? Jista' jinforma lil dawn l-anzjani bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.