Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10635 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Public Registry

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif intgħażlet id-ditta privata għal kuntratt tal-Public Registry? Liema ditti oħrajn ġew ikkonsidrati? Il-Ministru qatt uża s-servizzi ta' din id-ditta qabel sar ministru?

Response (BORG, TONIO)

Matul dawn l-aħħar snin, kien għaddej studju dwar il-komputerizzazzjoni tar-riċerki ta` l-insinwa. Fit-18 ta` Novembru 1987, il-Ministru tal-Ġustizzja ta` dak iż-żmien waqqaf Kummissjoni sabiex tirraporta dwar iċ-Ċertezza tat-Titolu. Taħt il-kappa ta` din il-Kummssjoni twaqqaf kumitat tekniku li evalwa l-proposti ta` numru ta` ditti interessati fis-suġġett, fosthom id-ditta Eureka Services Ltd. Fit-18 ta` Marzu 1998, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport, iżda mhux ir-rapport tekniku li kien fih konsiderazzjonijiet kummerċjali. Sadanittant kienu nbdew taħdidiet mill-Gvern preċedenti ma` l-Eureka Services Ltd. Dawn it-taħdidiet komplew u kienu fi stadju avvanzat sa lejliet l-elezzjoni. Wara l-elezzjoni jiena waqqaft Implementation Commission li lestiet ir-rapport fl-aħħar ta` Jannar ta` din is-sena. F`dan l-istadju reġgħu nbdew id-diskussjoni ma` l-istess ditta liema diskussjoni issa wasslu għal ftehim li poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra. Id-diskussjonijiet żviluppaw b`mod li issa l-ftehim ikopri mhux biss id-database ta` l-indiċi iżda ukoll tan-noti, u ikopri ukoll l-informazzjoni lura sa mit-twaqqif tar-Reġistru (Malta u Għawdex) u dak li jidħol ta` kuljum. Għal din l-informazzjoni kollha, li issa saret proprjeta` tal-Gvern, il-poplu ma ħariġx ċenteżmu wieħed. Naturalment kien hemm prezz, liema prezz huwa li l-kumpanija hija l-kuntrattur esklussiv tal-Gvern għal 10 snin li ġejjin. Aktar dettalji jirriżultaw mill-ftehim. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, nwieġeb fin-negattiv. Qatt ma użajt is-servizzi ta` Eureka Services Ltd. qabel ma ġejt nominat Ministru. Iżda anki li kieku għamilt dan ma kontx inkun qed nagħmel xejn għajr dak li għamlu diversi nies oħra, inklużi banek u kumpaniji tal-Gvern matul l-amministrazzjoni ta` qabel. 26.10.99 (a.m)
Leg 9 PQ #10680 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba instabet droga fil-ħabs taħt l-amministrazzjoni preċedenti Laburista? Kemm-il priġunier ħarab mill-ħabs jew waqt li kien qed jiġi eskortat lejn jew mill-qorti u/jew l-isptar taħt l-amministrazzjoni Laburista preċedenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fiż-żmien tal-amministrazzjoni preċedenti Laburista, instabet id-droga fil-Ħabs 13-il darba, filwaqt li fl-istess perijodu, in-numru ta` priġunieri li ħarbu kien ta` 4. 26.10.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #10683 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Sur Richard Cachia Caruana

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fatt li lis-Sur Richard Cachia Caruana, assistent personali tal-Prim Ministru, kienet tneħħitlu s-sigurta' tal-pulizija minn miegħu fuq ordni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru preċedenti jikkostitwixxi każ ta' indħil lill-pulizija? Din l-ordni kienet ikkundannata anke mill-ombudsman, ingħatat bil-fomm jew bil-kitba mill-Uffiċċju ta' l-ex-Prim Ministru? Lil min ingħatat fil-korp tal-pulizija din l-ordni u meta ngħatat?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba mogħtija mill-Onorevoli Prim Ministru għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. W123 fis-Seduta Nru. 145. 26.10.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #10690 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Interċettazzjoni tat-telefonati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-interċettazzjoni tat-telefonati li jsiru fuq mobile phones minn membri tal-forzi tas-sigurta' tal-pajjiż hux regolat mil-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal-ewwel parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8273 f`Seduta Nru. 129. 26.10.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #10694 Sitting 164 1999-10-26 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Proprjeta' fil-Marsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-proprjeta' imsemmija separatament se terġa' taqa' fuq il-propretarji wara li madwar 23 sena ilu kienet ittieħdet lis-sid biex isir proġett li qatt ma sar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta` l-Art qed jieħu l-passi neċessarji sabiex il-proprjeta` li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant tiġi rilaxxjata mill-Gvern. 26.10.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #9412 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti li għandha quddiemha l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Kemm ilha l-aktar applikazzjoni li ilha pendenti? Jista'l-Ministru jagħti breakdown ta' meta daħlu l-applikazzjonijiet pendenti li għandha quddiemha l-awtorita'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li sa l-20 ta` Settembru, 1999, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar kellha 3,696 applikazzjoni għal żvilupp. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi s-snin ta` meta daħlu dawn l-applikazzjonijiet li għadhom pendenti quddiem l-Awtorita`. L-aktar applikazzjoni pendenti hija l-istess waħda ikkwotata fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3958. 25.10.99
Leg 9 PQ #10092 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Xiri ta' armi

Question

Billi f'ċerti ħwienet jistgħu jinstabu armi ta' kull tip u għamla u billi dawn għandhom aktar minn ħamsin sena u jissejħu antiques u għalhekk jistgħu jinxtraw liberalment, jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw armi ta' dan it-tip sena b'sena f'dawn l-aħħar tliet snin? X'kienet isem ta' l-arma, x'tip hi, u liema sena ġiet manifatturata?

Response (BORG, TONIO)

Infakkar l-Onor. Interpellant li l-Amministrazzjoni preċedenti kienet iddeċidiet li l-armi kollha tan-nar manifatturati qabel l-1940 jiġu meqjusa bħala `antiques`. Ninsab infurmat illi n-numru ta` armi tal-kategorija li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, li nbiegħu fis-snin speċifikati minnu kien kif ġej : - Sena Numru ---- ----- 1997 62 1998 151 1999 (sal-10 ta` Ottubru) 193 It-tagħrif mitlub dwar dawn l-armi hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 25.10.99
Leg 9 PQ #10095 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każi ta' stupru

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti ta' stupru lill-pulizija din is-sena u fejn allegatament ġraw dawn l-istupri? Kemm kellhom żmien dawk li allegatament ġew stuprati u ta' liema nazzjonalita' kienu?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9683. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li l-etajiet kienu jvarjaw bejn il-15 u l-41 sena, u l-persuni kienu ta` nazzjonalita` Maltija, Svediża, Franċiża, Norveġiża, Ġermaniża u Ingliża. 25.10.99
Leg 9 PQ #10096 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ħarba ta priġunier - Inkjesta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija lestitx l-inkjesta li kellha ssir fuq il-ħarba tal-priġunier Azzabi? X'inhuma il-konklużjonijiet u jekk għandhiex x'informazzjoni dwar liema pajjiż qiegħed jekk irnexxielu jaħrab minn Malta?

Response (BORG, TONIO)

M`għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9873. 25.10.99
Leg 9 PQ #10526 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Marsa — Triq Diċembru 13

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti mill-Pulizija in konnessjoni mal-ksur tal-liġi fi Triq Diċembru 13, fil-Marsa nhar il-Ġimgħa, 20 ta' Awissu li għadda wara nofs inhar? F'każ li ma tressaq ħadd, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għal dan meta l-ksur tal-liġi sar bl-aktar mod ovvju?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-inċidenti li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellanti huma s-suġġett ta' inkjesta mill-Maġistrat ta' l-Għassa, li għadha mhix konkluża. 25.10.99
Leg 9 PQ #10527 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni mressqa l-qorti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm tressqu persuni l-qorti mill-pulizija b'konnessjoni mat-tkissir, l-atti ta' vandaliżmu u ksur ieħor tal-liġi li sar fil-Fire Section ta' l-MIA nhar il-Ġimgħa, 20 ta' Awissu li għadda? F'każ li ma tressaq ħadd, għaliex, meta suppost li saret investigazzjoni immedjata mill-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Saret l-Inkjesta Maġisterjali u a bażi tal-konklużżjonijiet tagħha se jittieħdu proċeduri kriminali. 25.10.99
Leg 9 PQ #10528 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Serq ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar, fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, kemm kienu rrapportati vetturi misruqa u mil-liema lokalitajiet? Kemm minn dawn il-karozzi nstabu? Jirriżulta fil-fatt li fil-preżent il-pulizija qed tikseb persentaġġ aħjar fir-rigward tal-karozzi li jinstabu wara li jkunu ġew irrapportati nieqsa?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel u t-tieni partijiet tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li meta wieħed iqabbel in-numru ta` vetturi rrappurtati misruqa u li wara jinstabu, matul dawn l-aħħar snin wieħed jista` jgħid li hemm żieda fin-numru ta` vetturi li jinstabu. 25.10.99
Leg 9 PQ #10529 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Serq ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra, x'qed tagħmel il-pulizija flimkien ma' l-Assoċjazzjoni ta' l-Assigurazzjoni biex jitnaqqas l-abbuż ta' sidien ta' karozzi li jirrapportaw il-vettura tagħhom misruqa meta fil-fatt ma jkunx il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li għaddejjin taħdidiet bejn il-Pulizija u l-Assoċjazzjoni ta` l-Assigurazzjoni dwar x`miżuri ta` detterrent jistgħu jittieħdu sabiex kemm jista` jkun jitnaqqas is-serq ta` vetturi. 25.10.99
Leg 9 PQ #10530 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm huma l-membri fil-Korp tal-Pulizija? X'kariga jokkupaw u x'inhuma s-salarji medja ta' dawn il-gradi?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti. 25.10.99
Leg 9 PQ #10531 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Vakanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-vakanzi fil-Korp tal-Pulizija u meta hu ppjanat li jimtlew, fosthom il-vakanzi fil-gradi ta' supritendent?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li a bażi tal-complement approvat, fil-preżent hemm 132 vakanza fil-Korp tal-Pulizija. Huwa maħsub li dawn il-vakanzi jimtlew wara li jiġu valutati l-ħtiġijiet tal-Korp u l-esiġenzi tas-servizz in ġenerali. 25.10.99
Leg 9 PQ #10578 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Skola G. Despott, Verdala

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 10441 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet referuta lilek u cioe': il-Ministru responsabbli mill-artijiet jivverifika u jgħid jekk hemmx xi entraturi, minn barra l-bini ta' l-iskola G. Despott Verdala, li jagħtu għall-ground ta'l-istess skola? Jekk fl-affermattiv, jista'l-Ministru jgħid jekk dawn humiex okkupati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li minn barra l-aċċess li hemm mill-iskola G. Despott għall-ground li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, hemm żewġ aċċessi oħra għall-istess ground. Wieħed minn dawn l-aċċessi, li huwa magħluq, qiegħed fuq in-naħa tal-huts ta` Verdala. Dan l-aċċess, li jagħti għal fuq il-ġenb tal-ground, qiegħed minn ġos-swar fejn hemm 'storage area' tad-Dipartiment tal-Mużewijiet. L-aċċess l-ieħor, li jagħti għal fuq wara tal-ground, hu minn ġos-sur ta` San Clement, li hu mikri, u dan l-aċċess li jissepara l-ground u s-sur, hu magħluq b`gate. 25.10.99
Leg 9 PQ #10579 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Verdala — Huts

Question

Jista'l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10442 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u cioe': jista' jgħid liema huts, fl-area magħrufa bħala Verdala fejn illum hemm allokat id-Dipartiment tax-Xogħlijiet distrett tal-Kottonera, huma okkupati? Min qed jokkupahom? Jista' l-Ministru jara li l-area tingħata tindifa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-area magħrufa bħala Verdala, fejn illum hekk allokat id-Dipartiment tax-Xogħlijiet, distrett tal-Kottonera, hemm b`kollox ħdax-il hut. Erbgħa minn dawn huma allokati lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet distrett tal-Kottonera, wieħed huwa mikri lill-Kumitat Festi Esterni ta` Bormla u s-sitta l-oħra qegħdin jiġu użati mill-kuntrattur li qiegħed jagħmel xogħol tal-Kunsill Lokali ta` Bormla. 25.10.99
Leg 9 PQ #10591 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Civil Protection Department — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jara x'kienet ir-raġuni li dawk li jaħdmu fis-Civil Protection Department riċentement inqalgħatilhom il-prassi kostanti li meta jinzertaw xogħol lejliet festa pubblika ma kenitx tinqatgħalhom ġurnata leave biex issa treġi s-sitwazzjoni li kull min jaħdem lejliet festa jrid bilfors tinqatagħlu ġurnata leave?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-proċedura, li tinqata` ġurnata leave mill-ġranet miżjuda mal-leave entitlement minħabba l-festi, ilha titħaddem minn meta ġie ntrodott ix-xift fil-5 ta` April, 1999, u dan skond kif provdut fl-Estacode para. 4.6.1.2 u para. 4.2.6.3. Il-ġurnata tinqata` mhux għax l-impjegat ikun daħal lejliet festa, iżda għax ikun miss il-festa b`sebgħa sigħat peress li x-xift qiegħed mis-7.00a.m. sas-7.00a.m. ta` l-għada. 25.10.99
Leg 9 PQ #10592 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Assistance Rescue Officers

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex minkejja li l-eżami ta' l-assistance rescue officers sar fit-2 ta' Awissu, 1999 sal-lum għadhom ma ħarġux ir-riżultati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-riżultati jinsabu għand il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u jiġu ppublikati meta din tapprovhom. 25.10.99
Leg 9 PQ #10594 Sitting 163 1999-10-25 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Impjegati

Question

Peress li l-Ministru dan l-aħħar stqarr illi l-gvern iffranka Lm30,000 mill-overtime fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, jista' l-Ministru jikkonferma li ma sar l-ebda tnaqqis fl-overtime mill-impjegati fl-uffiċini tad-direttur u x-xufiera fl-istess u li dan it-tnaqqis sar biss minn fuq il-gwardjani u mpjegati simili?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mhux minnu li ma sar l-ebda tnaqqis fl-overtime lill-impjegati fl-uffiċini tad-direttur u lix-xufiera tiegħu. Għal dak li jirrigwardja l-impjegati fl-uffiċini tad-direttur, ninsab infurmat li l-overtime ta` dawn tnaqqas b`40%, u dan minkejja li fl-uffiċini msemmija issa qed isir ferm aktar xogħol milli kien isir qabel. Fir-rigward tax-xufiera tad-direttur, ninsab infurmat li l-ammont ta` overtime, meta mqabbel mall-passat, naqqas b`25%. Ninsab infurmat ukoll li x-xufiera tad-direttur ma jagħmlux overtime bħala xufiera għajr meta wieħed minnhom ikun bil-leave jew marid. Ta` min jgħid ukoll illi x-xufiera tad-direttur, fil-ġurnata tax-xogħol tagħhom, jieħdu ħsieb ukoll il-librerija tal-ħabs kif ukoll jagħtu assistenza kontinwa lil-S.R.T. 25.10.99