Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasport Pubbliku — Rotta 53 - stħarriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi stħarrig minn Transport Malta jew hemmx indikazzjoni ta’ kemm tintuża r-Rotta 53 speċifikament minn Tal-Virtu’?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li minn stħarriġ li sar fuq medda ta’ ġurnata minn Transport Malta fuq iż-żewġ bus stops fl-akwati ta’ Tal-Virtu’ ġewwa ir-Rabat, speċifikament fuq il-bus stops illi jġibu l-isem ta’ Caruana u Ludoviko, jirriżulta li n-numru ta’ passiġġieri li jagħmlu użu minn dawn iż-żewġ bus stops fuq ir-rotta 53 huwa minimu. Fil-fatt f’dan l-istħarriġ ġie innutat illi kien hemm 8 passiġġiera li użaw dawn iż-żewġ bus stops tul il-ġurnata illi fih inżamm dan l-istħarriġ.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu mit-30 ta’ Settembru 2013 sal-1 ta’ Ottubru 2014? Jista’ jgħid f’kull każ għaliex ġie deċiż li tinħareġ direct order?

Response (MIZZI, JOE)

Fi Transport Malta ingħataw 67 direct order. L-Onor. Interpellant għandu jkun informat li d-direct orders ingħataw skont ir-regolamenti ta’ procurement tal-Gvern.

Parkeġġ bil-ħin fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet is-sistema ta’ parkeġġ bil-ħin fit-toroq hija inforzabbli mill-forzi tal-ordni u ċjoè f’liema lokalitajiet irid ikollok l-arloġġ fuq il-windscreen tal-vettura biex ma teħilx ċitazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-lokalitajiet fejn is-sistema ta’ parkeġġ bil-ħin fit-toroq hija inforzabbli huma dawk elenkati f’Avviż Legali 293 tal-2001 u Avviż Legali 200 tat-2009 u l-emenda f’Avviż Legali 157 tat-2013.

Belt Valletta – ħlas ta’ CVA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min imexxi is-CVA fil-Belt Valletta? Għand liema persuni privati jew legali jmorru l-flus? Liema dispożizzjoni tal-liġi tippermetti li ma titħallasx liċenzja tas-sewqan jekk ma tħallasx il-kont tas-CVA?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi:- - Is-sistema tas-CVA fil-Belt Valletta hija sa mill-2007 mħaddma mill-kumpanija CVA Techonology Ltd, li hija l-operatur imqabbad wara sejħa pubblika għal dan il-għan minn Transport Malta, skont il-provvedimenti tar-Regolamenti dwar Aċċess Kontrollat ta’ Vetturi f’Ċerti Zoni (L.S. 65.31); - Il-ħlasijiet dovuti għall-aċċess fiż-żona tas-CVA imorru dirett għand Transport Malta, filwaqt li l-operatur jitħallas miżata ta’ ġestjoni fissa skont il-kuntratt, iżda dan m’ għandu l-ebda sehem jew kummissjoni fuq il-ħlasijiet għall-aċċess fiż-żona tas-CVA; - Filwaqt illi m’hemm l-ebda dispożizzjoni tal-liġi li tippermetti li ma titħallasx il-“liċenzja tas-sewqan” jekk ma jitħallasx il-kont tas-CVA, teżisti dispożizzjoni tal-liġi li ma tippermettix it-tiġdid tal-“liċenzja tal-vettura” jekk ma jitħallasx il-kont tas-CVA. Din id-dispożizzjoni tinsab f’ regolament 5(3) tal-istess Regolamenti, li jgħid: “Meta s-sid ta’ vettura jonqos milli jħallas id-drittijiet ta’ ħlas għal aċċess applikabbli fi tletin ġurnata mid-data li tkun tidher fuq il-kont li permezz tiegħu jkun qed jintalab dak il-ħlas, l- Awtorita` għandha, meta jkun wasal iż-żmien biex tiġġedded il-liċenzja ta’ dik il-vettura, tieqaf milli ġġedded il-liċenzja ta’ dik il-vettura meta din tiskadi sa dak iż-żmien meta jsir il-ħlas ta’ dawk id-drittijiet ta’ ħlas għal aċċess”.

TEN-T Programme – Link bejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr Għawdex

Question

Can the Minister state if, according to the previous administration, the link between Ċirkewwa, Malta, and Imġarr, Gozo, fell under the TEN-T programme? Can this be confirmed?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Deċiżjoni 1692/96/EC fuq linji gwida tal-Komunità Ewropea għall-iżvilupp tat-Trans-European Transport Network (maħruġa b’Deċiżjoni 661/2010/EC) kienu ddefinixxew il-port taċ-Ċirkewwa u dak tal-Imġarr bħala nodes portwarji fuq in-network tat-Ten-T. F’Diċembru 2013, Deċiżjoni 1692/96/EC ġiet irrevokata b’Regolament 1315/2013 (EU) fejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr tħallew bħala nodes portwarji fuq it-Ten-T network il-ġdida. Il-link bejn dawn in-nodes ġiet proposta wkoll bħala road link suġġetta għal iktar studji. Decision 1692/96/EC on Community guidelines for the development of the trans-European transport network (recast under Decision 661/2010/EC) had defined Cirkewwa, Malta and Mgarr, Gozo as Seaport nodes on the TEN-T network. In December 2013, Decision 1692/96/EC was repealed and replaced by Regulation (EU) 1315/2013 on Union guidelines for the development of the trans-European transport network. Cirkewwa, Malta and Mgarr, Gozo are retained as seaport nodes on the new TEN-T (comprehensive) network. The link between Seaport nodes of Cirkewwa, Malta and Mgarr, Gozo is indicated as a planned road link subject to further study (attached country map from Regulation (EU) 1315/2013).

Il-Qawra – Triq Annetto Caruana – tarmak fit-triq il-ġdida

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11231, jista’ l-Ministru jagħti taħgrif dwar meta ħarġet it-tender indikata? Kemm kien hemm u min kienu l-kuntratturi li tefgħu t-tender? Meta hu mistenni li jsir ix-xogħol marbut ma’ din it-tender?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Trransport Malta ħarġet it-tender għall-kostruzzjoni u asfaltar ta’ parti minn Triq Annetto Caruana fl-1 t’Awissu 2014. Sitt kuntratturi tefgħu l-offerta tagħhom hekk kif indikat: - Asfaltar Construction Ltd - E. Mifsud & Sons Building & Con. Ltd - Polidano Brothers Ltd - V & C Contractors Ltd - Road Servicing Ltd - Philip Agius & Sons Ltd Kif diġà ġie mwieġeb, ix-xogħlijiet mistennija jibdew fil-futur qarib.

Gudja – knisja parrokkjali – xogħlijiet fuq iz-zuntier

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta’ tisbiħ li kien skedat mill-aħħar Leġiżlatura biex isir sal-2014, fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali fil-Gudja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ix-xogħol tal-ġebel li jinkludi il-pilastri u xogħol ieħor ta’ lavur qiegħed jiġi maħdum, però ix-xogħol fil-post ma jistax jinbeda qabel il-bidu ta’ Novembru minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi fil-Gudja.

Ħal Qormi – immaniġġar tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu jsir biex iċ-ċentru ta’ Ħal Qormi jieqaf jintuża bħala passaġġ regolari għal numru dejjem akbar ta' karozzi u vetturi tqal li ma jkunux qed jaqsmu min-naħa għal oħra ta' Malta u li d-destinazzjoni finali tagħhom ma tkunx Ħal Qormi?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li Triq l-Imdina, Triq Manuel Dimech u Triq Ġuże’ Duca f’Ħal Qormi huma toroq arterjali u distributorji li l-għan tagħhom huwa li jgħaddi t-traffiku minnhom minn naħa għall-oħra tal-pajjiż.

Ħal Qormi – konġestjonijiet tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, issa li hu konxju li s-sitwazzjoni tat-traffiku f’Ħal Qormi saret waħda insapportabbli minħabba li l-konġestjonijiet tat-traffiku qed joħonqu u jifgaw it-toroq ta' Ħal Qormi, prinċipali u mhumiex, inkluż Toroq l-Imdina, il-Ħelsien, il-Wied, Valletta, il-Vitorja, San Dwardu, il-Mitħna, il-Kbira, San Bastjan u San Bartilmew, x’se jkun qed jagħmel fix-xhur li ġejjin biex ma jkunx hemm konsegwenzi għas-saħħa u s-sigurtà tar-residenti tal-lokal?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li t-traffiku f'Ħal Qormi mhux fenomenu li nħoloq fl-aħħar sena. L-Awtorità tat-Trasport implimentat miżuri fl-inkroċju bejn Triq l-Imdina u Triq Manuel Dimech sabiex ġiet indirizzata l-aċċident black spot li kien hemm f’tali nkroċju u b’hekk ġie imtejjeb ukoll it-traffiku fl-akwata. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi ma ssottomettiex talbiet speċifiċi sabiex jiġu ndirizzati problemi fit-toroq residenzjali.

Ir-Rabat – Servizz ta’ Trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent x’servizz ta' rotot qed jingħata lir-residenti tar-Rabat li joqogħdu ħdejn il-knisja ta’ San Duminku u xi frekwenza għandhom ir-rotot eżistenti? Jista’ jgħid ukoll x' servizz se jkun hemm meta jidħlu fis-seħħ ir-rotot l-ġodda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi fil-preżent, l-inħawi tal-knisja ta’ San Duminku fir-Rabat għandhom is-sussegwenti rotot: · Rotta 53 direzzjoni lejn il-Belt bi frekwenza ta' kull 30 minuta; · Rotta 201 direzzjoni minn u lejn l-Ajruport/Rabat Interchange bi frekwenza ta' kull siegħa; · Rotta 202 direzzjoni minn u lejn Ħad-Dingli bi frekwenza ta’ kull siegħa; · Rotta 203 direzzjoni lejn l-Imtarfa bi frekwenza ta' kull siegħa. Infurmat ukoll li bir-rotot il-ġodda li ġew proposti l-konnettività u l-frekwenzi ta’ dawn ir-rotot mhux se jonqsu.

Santa Venera – bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu mwaħħla bus shelters fil-lokalità ta’ Santa Venera minħabba li r-residenti qed jilmentaw li hemm nuqqas ta’ dawn il-bus shelters?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta fil-ġranet li ġejjin se tieħu ħsieb tkellem lill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera sabiex jiġu identifikati l-bżonnijiet ta’ din il-lokalità fir-rigward ta’ bus shelters.

Ħal Balzan – rotot ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x' rotot hemm il-ħsieb li jiġu introdotti fil-lokalità ta' Ħal Balzan biex ir-residenti ta' din l-lokalità jiġu moqdija aħjar minħabba l-fatt li bħalissa r-residenti għandhom biss servizz ta’ kull siegħa mit-Tnejn sas-Sibt meta qabel dawn kellhom servizz ta’ kull nofs siegħa mit-Tnejn sal-Ħadd?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz għar-residenti ta’ Ħal-Balzan qed jiġi kkunsidrat fir-rotot il-ġodda li qegħdin jiġu proposti.

Baħar iċ-Ċagħaq – introduzzjoni ta’ rotta ġdida għall-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bl-introduzzjoni tar-rotot il-ġodda, ir-residenti ta’ Baħar iċ-Ċagħaq hux se jkollhom servizz dirett lejn il-Belt Valletta u dan minħabba li x-xarabanks li jgħaddu minn hemm u li jkunu ġejjin minn Buġibba, dejjem jaslu full up f’Baħar iċ-Ċagħaq? Jista’ jgħid hux se jinżamm is-servizz li hemm bħalissa bir-Rotta 205 u li joffri servizz lir-residenti li jridu jmorru n-Naxxar u r-Rabat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotot il-ġodda li ġew proposti jinkludu estenzjoni tar-rotta 13 sa’ Baħar iċ-Ċagħaq u dan bil-għan li tintlaħaq id-domanda ta’ din il-lokalità. Infurmat ukoll li fir-rotot li qegħdin jiġu proposti, ir-rotta 205 mhix se tibqa’ topera. Għaldaqstant, ir-residenti ta' Baħar iċ-Ċagħaq li jkunu jridu jmorru lejn in-Naxxar jew ir-Rabat jistgħu jagħmlu dan billi jaqbdu r-rotta 202 minn San Ġiljan.

Trasport Pubbliku — Rotot mill-Gżira għall-Isptar San Luqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li jiġi pprovdut servizz tat-trasport pubbliku lir-residenti tal-Gżira lejn l-Isptar San Luqa bl-introduzzjoni tar-rotot il-ġodda?

Response (MIZZI, JOE)

Ir-rotot il-ġodda li għalihom l-istess Onor. Interpellant għamel referenza għalihom diversi drabi, ilhom li ġew ippublikati. Għaldaqstant imissu jaf sewwa li ir-residenti mill-lokalità tal-Gzira biex imorru l-isptar San Luqa se jkun jistgħu jagħmlu dan billi jagħmlu konnesjoni mill-Belt Valletta.

Trasport pubbliku – stennija fuq bus stops

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fuq diversi rotot madwar Malta kollha l-passiggieri qed jitħallew jistennew għall-ħinijiet twal fuq il-bus stops sabiex imbagħad jgħaddu żewġ xarabanks bl-istess numru tar-rotta wara xulxin? X’miżuri qed jittieħdu mill-kumpanija tal-Gvern f’dan ir-rigward?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-operatur tat-trasport pubbliku jagħmel l-almu tiegħu sabiex ir-rotot iżommu l-ħin tagħhom u jkun hemm distanza approprijata bejn karozza tal-linja u oħra f’ċirkostanzi normali ta’ operat. Skont informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, qed jinġarru madwar 10% aktar passiġġieri milli kienu nġarru s-sena preċedenti, li huwa rizultat pożittiv. Min-naħa l-oħra, din iż-żieda fissret li f’ċertu żmien u perijodi, partikularment riċenti, is-servizz ma laħħaqx mad-domanda. Dan minkejja l-fatt li n-numru ta’ karozzi tal-linja fit-toroq żdiedu mis-sena l-oħra. Għaldaqstant, anke jekk skont informazzjoni provduta minn Transport Malta permezz ta’ moniteraġġ li tagħmel fuq ir-rotot, ġie reġistrat titjib kemm fil-puntwalità u l-affidabilità tas-servizz meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel, ikun hemm drabi fejn is-servizz ma’ joperax skont kif ikun skedat, xi drabi kawża ta’ fatturi oħra li jaffettwaw l-operat tat-trasport pubbliku bħat-traffiku, xogħlijiet fit-toroq, attivitajiet lokali jew kundizzjonijiet ħżiena tat-temp. L-operatur tat-trasport pubbliku u Transport Malta se jkomplu jiżguraw li r-rotot jiġu kkontrollati bil-għan li r-rotot iżommu kemm jista’ jkun mal-ħinijiet skedati u titnaqqas l-possibbilità li l-karozzi tal-linja ilaħħqu ma’ xulxin.

Pont bejn Malta u Għawdex — Rapport

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11268 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid fiex wasal ir-rapport li kellha tagħmel il-kumpanija Ċiniza dwar il-pont bejn Għawdex u Malta u dan in vista li r-rapport kellu jkun lest fi żmien sena u dan il-perjodu ilu li għadda? Jista' jpoġġi kopja ta' dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra, dejjem jekk hu lest?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsemmi rapport għad irid jiġi finalizzat. Dan minħabba li l-iskop tal-istess rapport ġie mwessa’ sabiex jinkludi numru ta’ alternattivi oħra għal dan il-proġett.

Transport Malta – San Pawl il-Baħar – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq f’San Pawl il-Baħar li skont Transport Malta għad iridu jsiru? Liema toroq qed isir xogħol fuqhom preżentament? Liema toroq oħra hu mistenni li jsiru fil-futur qarib?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’San Pawl il-Baħar Transport Malta tagħmel it-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha filwaqt li preżentement qed isir xogħol fi Triq Jean De La Cassiere. It-toroq l-oħra li jaqgħu taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta jsiru skont il-programm ta’ xogħlijiet u l-prijoritajiet li jirriżultaw.

Kunsill Lokali Ħamrun – Proġett għal Triq il-Kbira San Ġużepp

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8855, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi ġodda dwar il-proġett għal Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhuma dawn l-iżviluppi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, Transport Malta, permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti, ħarġet tender għal xogħlijiet ta’ upgrading f’parti minn Triq il-Kbira l-Ħamrun.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Segretarjat

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-membri tal-istaff tas-segretarjat tiegħu kif ukoll ir-rwol tagħhom fis-segretarjat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-istaff fis-Segretarjat Privat tiegħi huwa kif stabbiliti fid-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats li kopja tiegħu diġa’ tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Rotta 118

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rotta 118 mill-Isptar tibqax sejra diretta fil-lokalitajiet kollha li sservi jew inkella tiqafx għal perjodu ta' ħin f'xi lokalità oħra qabel ma tkompli l-vjaġġ għal- lokalitajiet li jkun imiss?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi ir-Rotta 118 fi triqitha mill-isptar isservi l-lokalitajiet kollha, li jinkludu Mqabba, Qrendi, Żurrieq, Safi u Kirkop u dan mingħajr ma tieqaf għal xi perjodu twil f’xi lokalita’ minnhom.