Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tinbena New Street, fi Triq il-Ħelsien, biex ir-residenti li jgħixu hemm ma jkomplux ibatu minn għadd inkonvenjenzi, li saħansitra uħud minnhom anke qed jaffettwa s-saħħa tan-nies?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-triq imsemmija qegħda mniżżla fil-programm ta` xogħolijiet li qiegħed iħejji d-Dipartiment.

Dipartiment tat-Toroq — Telgħa ta' San Maison

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittri ta' aċċettazzjoni li jappartjenu lid-Dipartiment tat-Toroq biex permezz tagħhom bini fit-Telgħa ta' Sa Maison jinbidel f'bini amministrattiv ta' l-istess dipartiment, filwaqt li jagħti lista dettaljata ta' l-infiq li sar minn meta beda x-xogħol fuq dan il-bini sal-lum, kif ukoll x'inhu antiċipat li jkun l-infiq fuq l-istess bini fil-perijodu bejn l-1 ta' Novembru 1999 u l-31 ta' Diċembru 2000?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol li qiegħed isir fil-`Bakery` Sa Maison mhux qed isir biex il-bini jakkomoda id-Dipartiment tat-Toroq biss iżda biex jintuża minn organiżżazzjonijiet oħra fi ħdan il-Ministeru li għandhom x`jaqsmu mat-Trasport. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja ta` l-`Letter of Acceptance` u ta` `approvals` ta` xogħolijiet addizzjonali li kien hemm bżonn isiru mal-kuntratt, kif ġew approvati mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Ħlasijiet s`issa saru għall-valur ta` Lm46,898 u jonqos x`jitħallsu madwar Lm41,446. Fil-preżent hu stmat li bini addizzjonali li għad irid jitla kif ukoll ir-restawr tal-faċċata tal-`block` ser jiswa madwar Lm50,000.

Qormi — Mera

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistax id-dipartment jieħu ħsieb it-tqegħid ta' mera fil-kantuniera ta' Triq il-Ħelsien, Qormi ma' Triq l-Imdina, Qormi biex tkun tista' turi min ikun ġej min-naħa ta' fuq ta' Triq l-Imdina, peress li din hija blind corner?

Response (GALEA, ĊENSU)

Irreferejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant għall-konsiderazzjoni tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku.
Leg 9 PQ #11766 Sitting 192 1999-11-30 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Fgura — Toroq

Question

Peress li fid-diskors tal-Budget 2000 f'paġna 106 hemm imbassar li se jsiru xi toroq fil-Fgura, jista' l-Ministru jindika liema huma dawn it-toroq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol speċifikat fl-Estimi Ġenerali għas-sena 2000 hu t-tkomplija ta` Hompesh Road. Naturalment hawn toroq oħra, sa issa mhux imsemmija, li ser jidħlu fil-programm tax-xogħol għat-toroq f`Malta.

Mellieħa — Xogħlijiet

Question

Peress lli fi Triq id-Denci l-Mellieħa, xogħlijiet fuq is-servizzi ta' l-ilma ma jistgħux jitkomplew għaliex il-formazzjoni tal-livelli ta' din it-triq mhux lesta u għaldaqstant ma jistgħux jitpoġġew il-kanen, jista' l-Ministru jara li jikkordina l-bżonn ta' dawn ix-xogħlijiet u jsiru mill-aktar fis sabiex ir-residenti jkollhom s-servizz ta' l-ilma aċċessibbli fil-ġimgħat li ġejjin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li Triq id-Denċi hija privata u għalhekk ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant kellu jsir mill-iżviluppaturi li bnew il-postijiet li jagħtu għal fuq din it-triq. Għalhekk tal-parir li dawn l-iżviluppaturi jitkellmu mal-Korporazzjoni ta` l-Ilma biex bejniethom jaraw x`ihnu l-aħjar li jsir.

Qormi — Triq 10 ta' Settembru, 1456

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Triq 10 ta' Settembru, 1456, f'Ħal Qormi se ssir? X'se jagħmel id-dipartiment dwar it-tajn li niżel minn din it-triq għal ġo Triq San Ġorġ? Sadanittant x'se jagħmel id-dipartiment meta ssir Triq 10 ta' Settembru, 1456, biex ma jinżilx volum ta' ilma fi Triq San Ġorġ b'periklu għar-residenti li joqogħdu hemmhekk?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li din it-triq hija mdaħħla fil-programm ta` xogħol li qed iħejji d-Dipartiment. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija ser nitlob lid-Dipartiment tat-Toroq biex jinvestiga din il-problema u jara x`azzjoni tista` tittieħed.

Qormi — Triq Ħelsien - Sleeping policemen

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir xi sleeping policeman jew xi forma oħra ta' deterrent fil-bidu ta' Triq Ħelsien, Qormi kantuniera ma' Triq l-Imdina, Qormi biex jiġu evitati inċidenti li ta' spiss iseħħu f'din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Irreferejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant għall-konsiderazzjoni tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku.

Qormi — Trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku ħasbitx biex ittejjeb is-servizz tat-trasport pubbliku, għal area f'Ta' Farsina, Ħal Qormi peress li f'din l-area fejn jgħixu għadd kbir ta' nies, karozza tal-linja tgħaddi minn hemm kull siegħa biss?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku kienet għamlet arranġament biex ir-rotta 91 tibda topera minn ta` Farsina. Fuq insistenza tal-Kunsill Lokali din il-venda treġġet lura ħdejn il-knisja ta` San Ġorġ fis-17 ta` Awissu 1998.

Għajn Dwieli — Traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11512 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jgħid meta se jsiru t-traffic lights f'Għajn Dwieli quddiem il-Knisja ta' Sant'Antnin u Villa Gerit, Triq Bormla ħdejn il-garaxx tas-Saltfish minħabba l-bżonn kbir ta' dawn il-lights?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għad-domanda parlamentari Nru. 11586.

Raħal Ġdid — Pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11519 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' jara li jitwaħħlu mmedjatament il-pelican lights mal-pole fid-daħla ta' Raħal Ġdid, fejn iċ-ċimiterju, peress li l-pole diġa' qiegħed hemm imma bla pelican lights?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-post imsemmi mill-Onor. Interpellant riedu jitwaħħlu `Belusha lights` u twaħħlu l-arbli tagħhom mid-Dipartiment tat-Toroq meta kien qed isir x-xogħol fil-`junction` fl-1997. Id-Dipartiment tat-Toroq qed jieħu l-passi ma` l-Enemalta biex dan ix-xogħol isir.

Tarxien — Asfaltar ta' toroq

Question

Billi qed jingħad minn xi wħud li t-toroq f'Ħal Tarxien li għandhom bżonn asfaltar urġenti (speċjalment dawk biswit l-iskola f'Ħal Tarxien ħdejn Tal-Barrani, u ċioe' Triq Spiru Spiteri, Triq Burlo', Triq Pawlu Schembri, Triq il-Vittmi tal-Gwerra, Triq Dar il-Kejka, Triq Dun Ġwann Mamo u Triq Xintill) mhux se jsir tali xogħol għalissa, jista' l-Ministru jekk jogħġbu jikkonferma li fil-fatt dan l-asfaltar se jsir fil-futur qarib ħafna? Fiex wasal dan il-proċess?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-toroq fl-inħawi msemmija mill-Onor. Interpellant qed isiru l-pjanti tagħhom sabiex jiġu asfaltati.

PTA — Importazzjoni ta' coaches

Question

B'riferenza għal-liberalizzazzjoni tal-coaches, jista' l-Ministru jgħidilna jekk l-awtorita' għandhiex applikazzjonijiet biex jiġu mportati coaches hekk kif jispiċċa l-monopolju fl-aħħar ta' din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sa issa l-Awtorita` rċeviet żewġ talbiet.

PTA — Liberalizzazzjoni ta' coaches

Question

B'riferenza għal-liberalizzazzjoni tal-coaches f'Jannar 2000, nixtieq nistaqsi lill-Ministru fuq liema kriterji sejra timxi l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku peress li minn informazzjoni li għandi, l-awtorita' tgħidlek biss biex tapplika u ma tagħtik l-ebda kondizzjonijiet li jridu jiġu onorati, u lanqas indikazzjoni ta' meta tista' tingħata r-risposta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sa issa l-Awtorita` qiegħda tikkunsidra l-mod kif għandha tiġi mplimentata l-liberaliżżazzjoni.

Wied il-Għajn — Triq il-Menħir - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir Triq il-Menħir, ġewwa Wied il-Għajn, minħabba li hi ta' periklu u inkonvenjent għall-pubbliku?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Kunsill Lokali ta` Marsaskala diġa ħa passi biex ix-xogħol f`din it-triq jiddaħħal mal-lista tal-`priorities` tat-toroq li qed jitranġaw bħala parti mill-proġett ta` `South Embellishment` u għalhekk din ser isir skond il-prijoritajiet ta` dan il-proġett.

Ministeru tat-Trasport — Konsulenti Ġermaniżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi mġedded il-kuntratt tal-konsulenti Ġermaniżi li issa wasal biex jintemm?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-azzjoni biex il-kuntratt imsemmi ikun imġedded ittieħdet f`Mejju ta` din is-sena u l-kuntratt diġa ġie estiż u ffirmat.

Wirless licences

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-gvern qed jantiċipa li l-Wirless Licences jitilgħu għal Lm850,000 fis-sena 2000 - kważi d-doppju tal-approved estimate għal din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mill-bidu ta` Jannar 1999 sa l-aħħar ta` Ottubru 1999 il flus miġbura taħt il-vot 0205, Wireless Licences, jammontaw għal Lm711,431. Peress li huwa antiċipat illi n-numru ta` liċenzji jiżdiedu, partikolarment dawk tas-`Satellite Dishes`, il-Gvern ħass li jagħti l-figura ta` Lm850,000 bħala estimu għas-sena 2000.

Vetturi — Motor Vehicle Reġistration Tax

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-gvern qed jantiċipa li jdaħħal Lm5 miljuni aktar fuq il-Motor Vehicle Registration Tax fis-sena 2000?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sa l-aħħar ta` Diċembru 1999, huwa stmat li se jinġabru Lm23 miljun mill-`Motor Vehicles Registration Tax`. L-istima ta` Lm24 miljun għas-sena 2000 hija bbażata fuq din iċ-ċifra.

Trasport u Kommunikazzjoni — Impjegati

Question

B'riferenza għad-dokument "Engagement of Staff for Private Secretariats" imqiegħed mill-Prim Ministru fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni din is-sena, jista' l-Ministru jagħti lista bl-isem, il-kunjom, il-curriculum vitae u l-indirizz ta' l-impjegati kollha fi ħdan is-segretarjat privat tiegħu kif ukoll jgħid liema salarji u benefiċċji oħra dawn igawdu, kif ukol jgħid xi gradi jew pożizzjonijiet kienu jokkupaw qabel bdew jaħdmu kif imsemmi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari Nru. 3456 u 6627, jien infurmat li s-salarji, benefiċċji jew `allowances` oħra li jgawdu dawn l-impjegati huma skond id-dokument imsemmi fil-mistoqsija.

Għajn Dwieli — Traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru t-traffic lights f'Għajn Dwieli quddiem il-Knisja ta' Sant'Antnin u Villa Gerit, Triq Bormla u ħdejn il-garaxx tas-Saltfish minħabba l-bżonn kbir ta' dawn il-lights?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-`Traffic Lights` quddiem il-knisja ta` Sant Antnin qegħdin fil-proċess li jsiru. Rigward it-tlieta l-oħra ser isir studju biex jiġi stabbilit jekk hemmx neċessita` għalihom.