Legislature:
Category:
Reset
Active:

Introduzzjoni ta’ middle schools — studji

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji kollha li għandu dwar l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ middle school?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jgħid li m'għandux studji dwar din il-materja. Id-deċiżjoni favur id-dħul tal-Middle Schools ittieħdet fid-dawl ta' ħafna riċerka internazzjonali u li hi aċċessibbli għal kull min ifittex dwarha.

Bini ta’ skejjel ġodda — studji

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji u l-pjanijiet li għandu dwar bini ta’ skejjel ġodda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li dan il-pjan għadu qed jiġi diskuss però hemm deċiż li jinbnew skejjel ġodda f'dawn il-lokalitajiet:- Ħal-Kirkop San Pawl il-Baħar Mosta

Kulleġġi — formazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif se tiġi rriorganizzata l-formazzjoni tal-kulleġġi skont il-lokalitajiet li se jinkorporaw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li d-diskussjoni dwar din il-materja għadha għaddejja.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Servizzi klerikali minn kuntratturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kuntratti maħruġa bejn 1 Jannar 2012 u 8 Marzu 2013 mid-dipartimenti u entitajiet fid-dekasteru tiegħu għall-servizzi klerikali minn kuntratturi li jissupplixxu skrivana li jagħtu xogħol f’dawn l-entitajiet tal-Gvern? Kemm minnhom jitolbu li l-kuntratturi jħallsu l-minimu ta’ skala 16 tas-servizz pubbliku (ekwivalenti ta’ Skrivan) u jekk le, xi ħlas qegħdin jieħdu l-ħaddiema? X’inhi r-rata kull siegħa li titħallas lill-kuntrattur?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mid-dekasteru tiegħi il-Kunsill Malti għall-Isport għandu kuntratt mal-kumpanija JF Security Services Ltd għal servizz ta’ skrivani bir-rati ta’ €7.90 fis-siegħa għal kull persuna matul il-ġranet tal-gimgħa u rata ta’ €13 fis-siegha għal kull persuna matul il-Ħdud u Festi Pubbliċi. Ir-rata ta’ kemm jitħallsu l-iskrivani mill-kuntrattur hi rata maqbula bejn l-istess kuntrattur u l-iskrivan/a inkwistjoni skont il-ftehim li jkun sar bejn iz-żewġ partijiet. Dan il-ftehim ma jidħolx fih il-Kunsill Malti għall-iSport. Il-KMS għandu dikjarazzjoni mingħand il-kuntrattur li hu josserva l-Att dwar l-impjiegi u f’każ li jinstab mod ieħor il-kuntratt jiġi terminat b’mod immedjat. Dan il-kuntratt beda fit- 2 ta’ Jannar 2013 u jintemm fit-2 ta’ Jannar 2014. Infurmat ukoll li l-MCAST għandu kuntratt wieħed għal servizzi klerikali. Dan il-kuntratt m’għandux provediment biex il-ħaddiema tal-kuntrattur jitħallsu paga ta’ xi skala partikolari. L-istess kuntratt ma jispeċifikax xi ħlas qegħdin jitħallsu l-ħaddiema tal-kuntrattur. Ir-rata ta’ ħlas li qiegħda tingħata lill-kuntrattur hi ta’ €8.20 is-siegħa, VAT inkluża. Dan il-kuntratt huwa validu mit-8 ta' Jannar 2013 sa massimu ta' tliet snin jew sakemm jinqabeż il-valur tal-kuntratt kif stabbilit mill-MCAST, skont liema minnhom jiġi l-ewwel. Il-Fondazzjoni għal-Iskejjel t'Għada kellha kuntratt għal servizzi klerikali bir-rata ta' €7.30c + VAT għal kull siegħa xogħol. Il-kuntratt kien għal perijodu bejn Lulju 2012 u Settembru 2012.

ETC – numru ta’ ħaddiema barranin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu, skont l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) in-numru ta' ħaddiema barranin li għandhom il-permess li jaħdmu f'pajjiżna? Minn liema pajjiżi ġejjin dawn il-persuni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) għandha bħalissa 6,575 liċenzja tax-xogħol maħruġa għall-ħaddiema barranin. L-istatistika mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni tinkludi persuni li qed ifittxu l-ażil f'Malta, detenturi ta' protezzjoni umanitarja temporanja jew protezzjoni sussidjarja u refuġjati, kif ukoll ċittadini tal-Bulgarija u r-Rumanija minħabba l-arranġamenti transitorji li għadhom japplikaw għal dawn iż-żewġ Stati Membri tal-Unjoni Ewropeja.

Learning Support Assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm learning support assistants (LSAs) (facilitators) ġewwa Malta u f'liema skejjel qegħdin? Kemm hemm tfal li ġew statemented u f'liema skejjel jinsabu? Kemm ġew impjegati LSAs fl-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Tabella 'A' turi l-għadd ta' Learning Support Assistants u f'liema skejjel tal-Gvern qegħdin, filwaqt li Tabella 'B' tirrigwardja l-għadd ta' tfal li ġew statemented u f'liema skejjel tal-Gvern jinsabu. Tabella 'Ċ' tagħti t-tagħrif rispettiv (imqassam f'erba' tabelli) fl-iskejjel tal-Knisja u f'dawk Indipendenti. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, infurmat li 757 Learning Support Assistants ġew impjegati fl-iskejjel tal-Gvern fl-aħħar ħames snin. Matul l-istess perjodu kien hemm żieda ta' 250 LSAs fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti.

Junior College — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' studenti, subien u bniet separatament, li daħlu għall-ewwel darba fil-Junior College f'din is-sena skolastika? Kemm minnhom telqu mill-istudji tagħhom? Kien hemm min tkeċċa? Jekk iva, għal liema raġuni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti subien u bniet li daħlu għall-ewwel darba fil-Junior College kien 581 u 753 rispettivament. 25 subien u 29 bniet telqu mill-istudji tagħhom. Infurmat ukoll li 17 subien u 15 bniet abbandunaw l-istudji tagħhom u mhux se jagħmlu l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena. Ma kienx hemm studenti li tkeċċew mill-Junior College.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Għajnuna lil min jixtieq jistudja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif id-Direttorat tal-Edukazzjoni qed jgħin biex dawk miżmuma fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u jkunu jridu jistudjaw, ikunu jistgħu jagħmlu dan?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi għandu arranġament li permezz tiegħu għalliem hu assenjat dmirijiet fil-Faċilita` Korrettiva ta' Kordin biex jgħin lil dawk li jkunu jixtiequ jistudjaw.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – konsulenzi mill-2004

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi mill-2004 sal-lum mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Skejjel ġodda – numru ta’ studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid l-iskejjel ġodda li għandu l-ħsieb li jibni l-Gvern x’medja ta’ tfal se jkunu qed jieħdu f’ kull waħda minnhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Deċiżjoni tittieħed fil-mument opportun. Il-parametri jkunu kif indikati fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3147.

Skejjel ġodda żgħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kif il-fatt li se jibni skejjel iżgħar se jaffetwa n-numru ta’ skejjel fil-pajjiż? Kemm hawn skejjel tal-istat bħalissa u kemm se jiżdiedu dawn b’effett tad-deċiżjoni ta’ introduzzjoni ta’ skejjel iżgħar u ta’ middle schools?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li hawn 107 skola tal-istat. Il-pjan ta' bini u tqassim ta' skejjel għadu qed jiġi studjat.

Introduzzjoni ta’ middle schools

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux ħjiel ta’ kemm se tiswa f’dik li hija spiża kapitali u rikorrenti fis-sena l-introduzzjoni tal-middle schools?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li skola ġdida biex tinbena tiswa madwar €8 miljuni. Il-middle schools se jkollhom popolazzjoni ta' madwar 500 student. B'hekk wieħed irid jipprovdi r-riżorsi umani u dawk materjali għal dan in-numru ta' studenti.

Introduzzjoni ta’ skejjel iżgħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux ħjiel ta’ kemm se tiswa f’dik li hija spiża kapitali u rikorrenti fis-sena l-introduzzjoni ta’ skejjel iżgħar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-ispiża kapitali u rikorrenti tkun skont id-daqs tal-iskola. Binja ġdida s'issa kienet tiswa madwar €8 miljun. Ir-rikorrenti ta' skola prinċipalment jaqgħu taħt pagi ta' ħaddiema, utilitajiet, materjal u proviżjonijiet, trasport, taħriġ, eċċ... L-ammont ta' spiża rikorrenti ta' kull skola jinħadem skont il-popolazzjoni tal-iskola. Kull skola għandha popolazzjoni differenti.

Introduzzjoni ta’ middle schools

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta hu fil-ħsieb li jidħol l-kuncett ta’ middle school?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-ewwel proġett pilota ta' middle school fil-qasam statali se jiġi fis-seħħ f'Settembru 2013. Il-middle schools fil-qasam indipendenti ilhom jeżistu mill-inqas 25 sena.

Introduzzjoni ta’ middle schools

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li se jkun hemm middle school waħda għal kull kulleġġ tal-Istat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-ħsieb hu li jkun hemm Middle School f'kull Kulleġġ tal-Istat.

Ħaddiema tal-GO mislufa lill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem tal-GO ġie misluf lill-Gvern mil-2000 sal-lum, u fejn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma jkollhiex din l-informazzjoni.

Leave speċjali għal min jirrappreżenta lill-Malta f’team nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qatt ingħatatx xi tip ta’ għajnuna bħal leave speċjali għal min jirrappreżenta lill-Malta bħal coach f’xi team nazzjonali Malti u jaħdem mas-settur privat? Jista’ l-Gvern jagħmel xi ħaġa biex jgħin lil dawn il-coaches li qed jagħtu kontribut lis-soċjetà Maltija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li filwaqt illi l-Gvern għandu skema fejn l-impjegati tiegħu japplikaw għal tali leave speċjali, din l-iskema qatt ma ġiet estiża għal coaches li jaħdmu mal-privat. Min-naħa l-oħra fl-aħħar baġit kien imħabbar li minn din is-sena l-iskema 20/20 sport training scheme li bħalissa tapplika għall-atleti li jaħdmu kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat ser tkun estiża wkoll għall-coaches li jaħdmu kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat. B’hekk coaches li jkunu qed iħarrġu lill-atleti jkunu jistgħu japplikaw sa massimu ta’ 20 siegħa leave fil-ġimgħa bi ħlas.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Coaches u amministraturi full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu coaches u /jew amministraturi impjegati miegħu full-time, u x’inhi l-proċedura biex wieħed ikun jista’ japplika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Kunsill Malti għall-Isport m'għandu l-ebda full-time coach u/jew amministratur impjegat miegħu. Kull impjieg mal-Kunsill Malti għall-Isport jimtela wara li ssir sejħa u l-applikanti jattendu għall-intervista.

Studenti tal-Form 5

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jispiċċaw studenti mill-Form 5 fl-aħħar ta' din is-sena skolastika mill-iskejjel statali, indipendenti u tal-Knisja separatament? Kemm minnhom huma bniet u kemm subien?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta' studenti li se jispiċċaw mill-Form 5 fl-aħħar ta' din is-sena skolastika hu kif se nsemmi:- Skejjel Statali : 2878 student li minnhom 1406 huma bniet u 1472 subien. Skejjel tal-Knisja: 1517-il student li minnhom 694 huma bniet u 823 subien. Skejjel Indipendenti: 472 student li minnhom 189 huma bniet u 283 subien.