Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għad baqa' applikazzjonijiet biex jiġu proċessati taħt id-diversi skemi ta' xiri jew fidi ta' ex-proprjeta' tal-Knisja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-qagħda tal-applikazzjonijiet sottomessi lill-Uffiċċju Konġunt taħt l-iskemi tas-snin 1996, 1998 u 2001 hija kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid meta persuna taħt l-eta’ ta’ 18–il sena tiġi akkużata b’xi reat bħal dik ta’ pussess u/jew traffikar ta’ droga, quddiem liema qorti tidher, jekk hux dik tal-Minorenni? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhu l-massimu tal-piena f’dik il-Qorti? F’pajjiżna persuna ta’ 15–il sena tista’ teħel il-ħabs? Jekk iva, fejn tiġi skontata s-sentenza?
Response (BORG, TONIO)
Persuna taħt l-eta' ta' tmintax-il sena tidher quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala l-Qorti tal-Ġudikatura Kriminali fejn tkun għalqet is-sittax-il sena, u quddiem il-Qorti tal-Minorenni meta tkun taħt dik l-eta' anke fil-każijiet ta' pussess u/jew traffikar ta' droga. Kemm il-Qorti tal-Minorenni u l-Qorti tal-Maġistrati tista' ukoll, skond il-kompetenza tagħha, taġixxi bħala Qorti Istruttorja fejn il-każ jispiċċa quddiem il-Qorti Kriminali. Skond il-Kodiċi Kriminali il-minorenni li jkun għalaq l-erbatax-il sena iżda ma jkollux tmintax-il sena jeħel il-piena applikabbli għar-reat imnaqqsa bi grad jew tnejn. Il-massimu tal-piena fil-Qorti tal-Minorenni għalhekk hija disgħa snin priġunerija f'każ ta' traffikar ta' droga u disgħa xhur fil-każ ta' pussess. Il-piena ta' priġunerija tiġi skontata fil-Youth Offenders Unit Rehabilitation Section tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin. Dan hu unit awtonomu u mifrud mill-bqija tal-ħabs.
Waqt li nifraħ lit-Taqsima ta’ kontra d-Droga għas-suċċessi li għamlet matul din is-sena, jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid liema droga u f’liema kwantita` nqabdet s’issa din is-sena? F’liema nħawi? Kemm tressqu nies il-qorti fuq kazi ta’ drogi din is-sena? Minn liema lokalitajiet kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm 546 persuna li tressqu l-Qorti fuq akkużi relatati mad-droga, filwaqt li l-ammont u t-tip ta' droga li nqabdet mill-Pulizija huwa kif ġej:
Cocaine 116 grms
Heroin 740 grms
Cannabis plants 293 plants
Cannabis grass 2.347 kg
Cannabis resin 35.560 kg
Cannabis seed 2,281 seeds
Cannabis joints 11 joints
Ecstacy 5,853.5 tablets
Amphetamine 69.4 grms
Dalmain 4 tablets
Methadone 1 lt
Infurmat ukoll illi l-lokalitajiet involuti huma kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Qrati — Persuni akkużati b'pussess/traffikar ta' droga
Question
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid s’issa matul din is-sena kemm kien hemm persuni, rġiel u nisa separatament, li tressqu l-Qorti u ġew akkużati b’pussess ta’droga jew bi traffikar ta’droga, u b’pussess u traffikar tad-droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena, s'issa, kien hemm 410 persuni (353 irġiel u 57 nisa) li tressqu l-Qorti mill-Pulizija fuq pussess ta' droga, filwaqt li n-numru ta' dawk imressqa l-Qorti mill-Pulizija fuq traffikar, liema akkuża tinkludi wkoll il-pussess, kienu 136 (127 irġiel u 9 nisa).
CCF — Persuni li qed jiskontaw xi tip ta' sentenza
Question
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid fil-Faċilita` Korrettiva ta’ Kordin kemm hemm nies li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs wara li nstabu ħatja fuq akkużi konessi mad-droga? Jista’ jagħti n-nazzjonalita` tagħhom? Kemm minnhom huma nisa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjon mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif jidher fit-tabella hawn taħt:-
Sentenzjati fuq reati konnessi ma' droga
Nazzjonalita'
Irġiel
Nisa
Maltija
36
1
Bulgara
1
0
mir-Renju Unit
3
1
Olandiża
3
0
Taljana
1
1
Libjana
26
1
Tuneżina
1
0
Torka
0
4
TOTAL
71
8
Jista’ il-Vici Prim Ministru jgħid kemm hemm nies li qegħdin fil-Faċilita` Korrettiva ta’ Kordin għaliex ma ngħatawx pleġġ fuq akkużi konnessi mad-droga? Ta’ liema nazzjonalita` huma? X’inhi l-eta’ ta’ l-iżgħar u dik ta’ l-akbar wieħed? Kemm hemm nisa akkużati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif jidher hawn taħt:-
Persuni taħt arrest preventiv fuq reati konnessi mad-droga
Nazzjonalita'
Irġiel
Nisa
Taljana
1
0
Libjana
9
0
Torka
0
1
Maltija
9
1
TOTAL
19
2
Hemm priġunieri oħra li bħalissa qegħdin iservu sentenza fuq xi reat, u għandhom każi oħra fuq droga u li ma għandhomx pleġġ fuqhom.
L-iżgħar priġunier għandu 18-il sena filwaqt li l-akbar wieħed għandu 75 sena.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm kawżi ta’ l-appell pendenti quddiem il-Qorti ta’ l-Appell Kriminali? Kemm minn dawn jinvolvu Maltin u kemm barranin? F’kull każ jista’ jgħid kull wieħed kemm ilu jistenna biex jiġi deċiż l-appell? Kull wieħed minn dawn qed jiskonta sentenza ta’ ħabs? Jekk le, kemm hemm li huma barra jistennew is-sentenza ta’ l-appell?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija s-segwenti:-
Qorti ta’ l-Appell Kriminali
Appell Superjuri (minn ġurijiet)
Hemm tmienja u tletin (38) appell pendenti quddiem din il-Qorti.
Hemm tmienja u għoxrin (28) persuni Maltin u għaxar (10) persuni barranin involuti.
Dawn l-appelli ġew introdotti fis-snin:
1997
1998
1999
2000
2001
2002
2003
2004
1
0
2
3
2
5
9
16
Hemm persuna li appellat minn sentenza ta’ priġunerija sospiża u għalhekk mhix arrestata.
Hemm ukoll żewġ persuni li appellaw minn deċiżjoni preliminari. Dawn diġa’ kienu qegħdin fuq ħelsien mill-arrest pendenti il-ġuri, u baqgħu hekk pendenti l-appell preliminari.
Il-ħamsa u tletin (35) l-oħra, kollha qegħdin jiskontaw is-sentenza ta’ ħabs inflitta fuqhom.
Qorti tal-Appell (Inferjuri)
Hemm mija u sitta u għoxrin (126) appelli pendenti minn deċiżjonijiet tal-Qrati tal-Maġistrati.
Mija u tnejn u għoxrin (122) persuna huma Maltin waqt li erba’ (4) persuni huma barranin.
Dawn l-appelli ġew introdotti:
Tlettax (13) fis-sena 2003, u
Mija u tlettax (113) fis-sena 2004.
Għaxra (10) minn dawn il-persuni qed jiskontaw is-sentenza ta’ ħabs inflitta
fuqhom għalkemm appellaw minnha.
Waqt li mija u sittax (116) –il persuna l-oħra, is-sentenza kontra tagħhom ġiet sospiża pendenti l-appell.
L-informazzjoni dwar il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) hija s-segwenti:-
· Appelli Kriminali pendenti quddiem il-Qorti ta’ l-Appell Kriminali (Inferjuri) hemm 17.
· Kollha kemm huma jinvolvu Maltin.
· Minn dawn, appell wieħed biss jinsab differit għas-sentenza u ilu hekk differit mill-5 ta’ Novembru 2004.
· Ħadd minn dawn m’hu qed jiskonta sentenza ta’ ħabs.
· Hemm wieħed li qiegħed barra jistenna s-sentenza ta’ l-appell.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx kunsilli lokali li huma rappreżentati fuq xi bordijiet ta' xi korporazzjonijiet, liema huma l-korporazzjonijiet u liema huma l-lokalitajiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi m'hemm l-ebda Kunsill li huwa rappreżentat fuq bordijiet ta' xi korporazzjonijiet.
Jikkonferma l-Vici Prim Minstru li fost dawk li nqabdu bid-droga fi tmiem il-ġimgħa tat-13/14 ta’ Novembru kien hemm żewġ żgħażagħ ta’ 15–il sena? Jista’ jgħid jekk dawn hux se jitressqu l-Qorti jew le? Jekk iva, biex se jkunu akkużati? Kemm kienu b’kollox dawk li ġew arrestati f’dawk il-jiem meta kienu qed jattendu l-party li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? X’akkużi sarulhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, b'riżultat tas-sorveljanza li t-Taqsima ta' kontra d-Droga tal-Pulizija kienet qed tagħmel waqt il-party imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, kienu ġew miżmuma tmien żagħżagħ fuq suspett ta' abbuż mid-droga. Erba' kienu ġewwa l-post u l-erba' l-oħra, fosthom wieħed ta' 15-il sena, kienu fl-inħawi. Peress li l-investigazzjoni dwar dan il-każ għad mhix konkluża, ma nħossx li huwa opportun li jingħataw aktar dettalji.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9332, jien fl-ebda ħin ma allegajt li l-kunsill qaċċat is-siġar hu, pero' jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jiġi investigat min qed jallega li l-art pubblika fejn kienu dawn is-siġar hija tiegħu fuq dan il-każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn tagħrif li kisbet il-Pulizija, jirriżulta illi x-xogħol li qed isir huwa kommissjonat mill-Kunsill Lokali u kopert bil-permessi meħtieġa. Ma rriżultax li hemm min qed jallega li l-art hija tiegħu. Madankollu, nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħtina aktar tagħrif dettaljat, sabiex wieħed ikun f'pożizzjoni li jivverifika ulterjolment, jekk ikun il-każ.
Dipartiment ta' l-artijiet — Proprjetajiet li kienu tal-Knisja
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx skemi biex kerrejja jew ċenswalisti ta' proprjetajiet kummerċjali li kienu tal-Knisja jkunu jistgħu jixtru l-fond?
Response (BORG, TONIO)
Ma hemmx skemi biex kerrejja jew ċenswalisti ta' proprjetajiet kummerċjali amministrati mill-Uffiċċju Konġunt ikun jistgħu jixtru l-fond, iżda d-Dipartiment jikkunsidra talbiet mill-kerrej jew ċenswalist ta' fond kummerċjali biex jixtrih permezz ta' sejħa għal offerti.
Qrati — Sidien ta' bars li nqabdu biegħu xorb lil minorenni
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk u kemm sidien ta' bars jew stabbilimenti simili tressqu l-qorti din is-sena talli servew xorb lil minorenni? Huwa possibbli li jingħataw il-lokalita' tal-bars in kwestjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm erba' persuni li ttellgħu l-Qorti mill-Pulizija talli biegħu xorb alkoħoliku lil persuni ta' anqas minn 16-il sena. Il-bars in kwestjoni kienu f'Birżebbugia.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta ġiet ordnata l-inkjesta maġisterjali dwar il-klandestini mill-Eritrea? Meta tlestiet u meta ġiet ippubblikata? Jista' jgħid ukoll taħt liema sezzjoni tal-liġi ġiet ordnata din l-istess inkjesta?
Response (BORG, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-inkjesta ġiet ordnata fil-25 ta' Mejju 2004 meta l-Onorevoli Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern ħatar lill-Maġistrat Dr A Lofaro bħala Bord ta' l-Inkjesta skond l-Artikolu 4 ta' l-Att dwar l-Inkjesti (Kap 273). Din l-inkjesta għalqet fit-3 ta' Settembru 2004.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra x-xhieda kollha ta' l-inkjesta maġisterjali dwar il-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada? Jista' jgħid ukoll jekk is-sinjuri - isimhom qed jintbagħat separatament - li tqabbdu mill-qorti bħala esperti għamlux xi rapporti wkoll? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja tagħom fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Il-pubblikazzjoni ta' kull dokument in konnessjoni ma' inkjesta maġisterjali hi fid-diskrezzjoni ta' l-Avukat Ġenerali li, bil-Kostituzzjoni, igawdi l-awtonomija li jiddeċiedi hu dwar materji bħal din.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min għandu responsabbilta' jiċċekkja jekk hix tiġi mħarsa l-liġi waqt li tiela' bini fuq it-tafal fi Triq Isuoard f'San Pawl il-Baħar, b'sogru li jċedi iżjed 'il quddiem b'konsegwenzi koroh għal min jgħix fih u għall-ġirien?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma naħseb jaf l-Onorevoli Interpellant, permessi għal bini jinħarġu mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onor. Membru li jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Billi l-Att dwar il-Gwardjani Privati u Lokali (Att Numru 389), fl-artiklu 25 (a) tiegħu, kemm fit-test Malti u Ingliż, jitkellem dwar "multa ta' mhux iżjed minn Lm10,000 u priġunerija għal żmien ta' mhux iżjed minn sena, jew dik il-multa u priġunerija flimkien" u fl-artiklu 25 (b) jitkellem dwar "multa ta' mhux iżjed minn Lm2,000 u priġunerija għal żmien ta' mhux iżjed minn sitt xhur, jew dik il-multa u priġunerija flimkien", u billi huwa ferm evidenti li l-leġislatur, f'kull liġi, dejjem jagħti għażla lil-leġislatur bejn multa u ħabs fl-ewwel ipotezi u mbagħad, se mai, jimponi l-multa u priġunerija flimkien, u billi huwa ferm evidenti li hawn si tratta ta' lapsus tat-tipografija li minflok il-kelma "jew" intużat "u" (għax inkella ma kienx jagħmel sens li tintuża l-kelma "flimkien"), jista' il-Ministru jieħu dawk il-passi neċessarji sabiex dan jiġi emendat mill-aktar fis?
Response (BORG, TONIO)
Il-punt legali sollevat mill-Onor. Membru jixraq studju iktar akkurat u okkorendo tiġi ntavolata l-emenda debitament meħtieġa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jitmexxa każ ta' file li jinsab il-Lands Department - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara li saret sejħa għall-offerti fil-każ indikat mill-Onor. Membru, fid-29 ta' Novembru 2004 ħarġet l-ittra li biha ġiet aċċettata l-unika offerta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkjarifika jekk persuna li ħadet il-liċenzja fis-sewqan f'April 2003 u tkun ħallset kontravenzjoni ta' Lm10 dwar ipparkjar fuq double yellow line jitnaqqsulhiex il-punti skond hekk, peress li skond Regolament 34 tar-Regolamenti ta' l-2002 dwar il-vetturi bil-mutur meta l-kontravenzjoni mhijiex waħda mill-offiżi elenkati fis-6th Schedule, Regulation 341 tad-Driving Offences Codes S.L.65.18?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jieqaf l-inkonvenjent li qed jiġi kkaġunat lir-residenti ta' Triq Sant'Ursola u Triq Old Wells il-Belt mill-Mediterranean Conference Centre?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tieħu passi kif meħtieġ kull meta jkun hemm ilmenti. Dwar x'miżuri qed jittieħdu minn min imexxi dan iċ-ċentru, nissuġerixxi lill-Onorevoli Membru jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.