Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm ilmenti li spetturi ta' l-ETC qed jaqtgħu nies mir-register anke fuq suspetti li qed jaħdmu u jirreġistraw? Ma jidhirlux il-Ministru li dawk li jinqabdu għandhom jiġu mgħarfa b'dan fejn jinqabdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni ma rċeviet l-ebda lment li xi spetturi qiegħdin jaqtgħu nies mir-reġistrar fuq suspetti. Persuni jinqatgħu minn fuq ir-reġistru wara li jkunu ġew investigati. Kull min jinqabad jaħdem u jirreġistra jkun infurmat b'ittra u jkun wkoll avżat bid-drittijiet tiegħu biex jekk ikun irid jappella mid-deċiżjoni ta' l-ETC. Dan billi jressaq il-każ tiegħu quddiem l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif l-ETC tippretendi li persuni jirreġistraw għax-xogħol iħallsu Lm 198 bħala deposit sabiex jieħdu course ta' l-istess ETC?
X'ser jiġri minn min ma jkollux biex iħallas u allura ma jattendix għall-course?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ titlob depożitu dwar dawk il-programmi ta' taħriġ li hi stess qiegħda tħallas għalihom. L-iskop tal-ħlas tad-depożitu hu biex dawk li jattendu dawn il-programmi jkunu kommessi li jattendu għall-programm kollu.
Ninsab infurmat ukoll li l-Korporazzjoni dejjem lesta tikkunsidra l-eżenzjoni minn dan il-ħlas lil dawk l-applikanti li qiegħdin jirreġistraw u ma jkunux f'pożizzjoni li jħallsu d-depożitu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif jispjega l-fatt li l-ewwel kien hemm żieda fis-self-employed, part-timers, u wholesale and retail sectors li aktar tard fix-xahar ta' Novembru ssarffet fi tnaqqis?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li t-tnaqqis f'Novembru 2000 fis-setturi ndikati hu wieħed staġġjonali. Dan jidher ukoll mill-istatistika, għall-istess żmien tas-sena, f'dawn l-aħħar ħames snin (1996 - 2000).
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal xiex kienet attribwita d-drop fil-labour supply u fil-gainfully occupied fix-xahar ta' Novembru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li t-tnaqqis f'Novembru fin-numru ta' gainfully occupied kien fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut, ta' l-stabbilimenti ta' l-ikel u alloġġi u dak tat-trasport. Dan hu effett perjodiku mistenni kull sena.
Peress li l-labour supply hu n-numru tal-gainfully occupied magħdud man-numru ta' dawk li jirreġistraw fuq l-ewwel parti tar-reġistru, it-tnaqqis fin-numru tal-gainfully occupied jkun rifless fil-labour supply.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-pensjonanti qed jieħdu 2/3 tal-bonus addizjonali kull erba' ġimgħat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dawk il-pensjonanti li ma jkunux jirċievu l-bonus addizzjonali minn xi sors ieħor qiegħdin jirċievu l-imsemmi bonus addizzjonali, jiġifieri żewġ terzi ta' Lm104 (Lm52 li jitħallas f'Marzu u Lm52 f'Settembru għal min jaħdem) mal-pensjoni. Infatti jingħata Lm5.36 kull erba' ġimgħat mal-pagament tal-pensjoni fejn hu l-każ.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma t-training providers li ġew magħżula mill-ETC sabiex jagħtu l-courses tan-NIFTE? Kemm kienu oriġinarjament dawk li applikaw sabiex iservu ta' training providers? Kif ġew magħżula? Jista' jgħid kif ser jitħallsu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-training providers li ġew magħżula mill-ETC sabiex jgħatu l-courses tan-NIFTE huma:
Umberto Colosso Trade School
Mikiel Ang Sapiano Technical School
Dawn iċ-ċentri ġew magħżula fuq bażi ta' faċilitajiet li jippossjedu. Il-Korporazzjoni qiegħda tħallas lil dawn l-entitajiet edukattivi kif ġej, bejn Lm4 u Lm5 fis-siegħa għall-materjal u użu tal-post u Lm6 fis-siegħa għall-provvediment ta' taħriġ. Il-pagamenti kollha jsiru lill-istabbilimenti rispettivi.
Il-Korporazzjoni tagħmel użu wkoll miċ-ċentru ta' taħriġ tal-kumpanija ST Microelectronics Ltd. li jiġi provdut b'xejn .
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati fl-uffiċju ta' l-ETC ta' Bormla? Jista' jgħid x'funzjoni jaqdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' impjegati fl-uffiċċju tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ f'Bormla huwa tnejn (2). Dawn jaqdu l-funzjoni ta' Placement Executive u Senior Clerk.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-informazzjoni dwar courses organizzati mill-ETC lil dawk il-persuni jirreġistraw għax-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema mertu l-ETC qed tibgħat għal uħud minn dawk li jirreġistraw għax-xogħol sabiex jagħmlu course?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni hija obbligata li tipprovdi korsijiet ta' taħriġ biex tgħin persuni li qiegħdin jirreġistraw għax-xogħol. Ghaldaqstant il-Korporazzjoni minn żmien għal żmien qiegħda tibgħat għal dawk li jinsabu jirreġistraw għax-xogħol biex jattendu għal wieħed mill-bosta programmi li qiegħdin jiġu organiżżati bil-ħsieb li dawn ittejbu jew jaġġornaw ix-xorta tat-tagħrif u tas-sengħa tagħhom u b'hekk jkunu aktar imħejjija għal ħidmi bi qliegħ.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 22556 dwar il-qasam Ta' Mliet, Mosta, jista' l-Viċi Prim Ministru jinformani x'kienu r-raġunijiet li fid-dawl tad-djun li għandu l-kunsill tal-Mosta mhux jistħarreġ il-possibbilta' li jsiru xogħlijiet ta' embellishment/ġonna mill-vot tal-housing department fil-Housing Estate?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar b'konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali Mosta qiegħed jaħdem fuq proġett ta' ġnien fl-area tal-Blata l-Għolja.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk pensjonanti li meta rtiraw fl-1997 kienu fi grad 8, humiex ser jieħdu ż-żieda fil-pensjoni bħala riżultat tar-reviżjoni tas-salarju tal-ħaddiema tal-Gvern?
Jista' jikkonferma jekk gradi inqas minn skala 3 humiex ser jieħdu żieda fil-pensjoni.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Numru 22849.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 22878, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta bdew jirċievu l-benefiċċju meta dawn ma kenux intitotali għalih?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni ġa ngħatat fir-risposti għad-domandi numru 22878 u 18047.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu nies fuq il-post tax-xogħol, xahar b'xahar matul is-sena 2000?
F'liema industrija seħħew dawn l-inċidenti? Kemm minnhom tilfu ħajjithomu, kemm minnhom weġġgħu serjament tant li spiċċaw b'diżabilita' serja?
Jista' l-Viċi Prim Minstru jagħti din l-informazzjoni skond l-etajiet differenti u s-sess, kif ukoll jgħid żgħażgaħ taħt id-29 sena f'liema oqsma l-aktar li ġarrbu korrimenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatistika li tista' tingħata hija biss n-numru ta' talbiet li saru xahar b'xahar għal benefiċċju tal-korriment. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A li turi din l-informazzjoni.
Dwar l-istatistika l-oħra li qiegħda tintalab, minforma lill-Onor. Membru li din l-istatistika qiegħda tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għandux pjan biex jirregola l-ħlasijiet ta' dawk il-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tas-sigurta', bħal security guards, private guards, wardens, ecc.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fit-22 ta' Diċembru 2000, ġie ppublikat Avviż Legali 264 ta' l-2000, imsejjaħ l-Ordni ta' l-2000 biex Jirregola l-Pagi mill-Kunsill tal-Pagi għas-Settur li Jipprovdi Servizzi ta' Sigurta'.
Din l-Ordni tkopri l-impjegati li jaħdmu ma' ażjendi li jipprovdu servizzi ta' sigurta' u jinkludu, bouncers, watchmen, wardens, bodyguards, security officers u security attendants. L-Ordni tirregola l-kundizzjonijiet minimi tax-xogħol ta' dawn l-impjegati fosthom, il-paga, s-siegħat tax-xogħol, l-anqas ħin ta' mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa, rati ta' sahra, u leave għal vakanzi, mard u korriment.
Din l-Ordni ser tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2002, ħlief għal dak li jirrigwarda r-rati ta' sahra li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003.
Għal dak li jirrigwarda l-paga, sakemm jidħlu fis-seħħ il-provvedimenti ta' din l-Ordni, il-ħaddiema f'dan is-settur huma koperti bl-Ordni ta' Standard Nazzjonali ta' l-2000, dwar l-Inqas Paga Nazzjonali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta saret l-ewwel u l-aħħar seduta parlamentari tat-Tmien Parlament? Kemm saru seduti f'din il-leġislatura? Kem saru mistoqsijiet parlamentari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ewwel seduta tat-Tmien Parlament saret fil-5 ta' Diċembru 1996 u l-aħħar seduta saret fil-15 ta' Lulju 1998. B'kollox saru 242 seduta.
Saru 15,515-il mistoqsija parlamentari għal tweġiba orali u 2,012-il mistoqsija għal tweġiba bil-miktub.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta saret l-ewwel seduta tad-disa' Parlament? Kemm saru seduti sa issa? Kemm saru mistoqsijiet parlamentari sa issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ewwel seduta tad-Disa' Parlament saret fl-24 ta' Ottubru 1998. Sallum saru 483 seduta; 23,280 mistoqsija parlamentari għal tweġiba orali u 210 mistoqsijiet parlamentari għal tweġiba bil-miktub.
Jista' l-Viċi Prim Minsitru jgħid meta saret l-ewwel u l-aħħar seduta parlamentari tas-sebgħa parlament? Kemm saru seduti u mistoqsijiet parlamentari għall-istess leġislatura?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ewwel seduta tas-Seba' Parlament saret fl-4 ta' April 1992 u l-aħħar seduta saret fl-24 ta' Lulju 1996. B'kollox saru 571 seduta u 34,929 mistoqsija parlamentari għal tweġiba orali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna indikata separatament baqgħat tieħu l-istess pensjoni, minkejja li minn Jannar suppost ħadet żieda għall-għoli tal-ħajja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi 'l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar ir-rata ta' pensjoni li qiegħda tirċievi taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.