Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #24421 Sitting 516 2001-03-20 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Facilitator

Question

Jista' l-Ministru jara li jerġa jintbagħt il-faciltator lit-tifel li l-partikularijiet tiegħu jidhru separatament min din il-mistoqsija? Peress li bl-għajnuna tal-facilitator kien qiegħed jagħmel progress, jista' l-Ministru jara li s-sitwazzjoni tiġi rimedjata u jiġu infurmati bl-aħħar zvillupi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tifel konċernat ma kienx intitolat għal facilitator. Dan peress li l-każ tiegħu ma kienx tressaq lill-iStatementing Board, meta l-Kap ta' l-iskola assenjatlu minn rajha, Kindergarten Assistant libera li kellha fl-iskola. Meta fil-fatt sar l-iStatementing tat-tifel irriżulta li ma kienx jirrikjedi facilitator u l-Kindergarten Assistant libera ġiet assenjata każ aktar meritevoli fi skola viċin.
Leg 9 PQ #24489 Sitting 516 2001-03-20 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Paolino

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi għalliema ġdida tal-physics peress li l-klassi form 6 tal-Paolino Vassallo, Kordin jinsabu bla għalliem?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #24157 Sitting 515 2001-03-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel Indipendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk irciviex ir-rapport li kien qed jistenna mingħand l-iskejjel indipendenti jew għaqda li tirrapresentahom biex imbagħad tiġi stmata l-għajnuna li se tingħata lill-ġenituri? Jista' jgħid jekk hux sodissfatt bir-rapport? Dan ir-rapport se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva, irċevejt ir-rapport imsemmi. Ir-rapport janalizza s-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-iskejjel konċernati u jikkonferma r-raġunijiet għall-għajnuna finanzjarja, iżda m'hux speċifiku dwar modi ta' kif huma jaħsbu li għandha tingħata l-għajnuna li qed tiġi offruta mill-Gvern. Il-Ministeri tal-Finanzi u ta' l-Edukazzjoni flimkien issa qed ifasslu proposta konkreta għat-tqassim tal-vot allokat fl-Esitimi għal din is-sena. Meta jkun iż-żmien porpizju nikkonsidra jekk inpoġġix jew le r-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #24162 Sitting 515 2001-03-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif f'mistoqsija preċedenti qal li ma ġewx impjegati nies ġodda mal-pixxina nazzjonali, meta ftit ilu ġie impjegat messenger/driver mac-Chairman? Meta ġiet impjegata din il-persuna? Dan iddaħħal wara sejħa mill-ETC? X'inhi l-paga li jitħallas? Minn liema raħal/belt hi din il-persuna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Membru ġie mpjegat wara li weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23271 fejn kont għidt li ma kienux ġew ingaġġati nies ġodda mal-Pixxina Nazzjonali. Din il-persuna ġiet impjegata b'effett mit-12 ta' Frar 2001 wara li nkiseb il-permess meħtieġ tal-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Taħriġ. Din il-persuna, li hija minn Raħal Ġdid u li ġiet impjegata fuq bażi temporanja/każwali, titħallas bir-rata ta' Lm1.65 fis-siegħa.
Leg 9 PQ #24262 Sitting 514 2001-03-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Santa Maria Day School

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana minn liema lokalitajiet ta' Malta ġejjin l-istudenti li jattendu d-day school Santa Maria ta' l-Imsida? Jista' jinfurmana għaliex ma saret ebda konsultazzjoni mal-ġenituri dwar it-trasferiment tat-tfal tagħhom? Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' studenti li se jmorru fl-iskola tal-Wardija u minn liema lokalita' se jkunu ġejjin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-lokalitajiet li ġejjin minnhom l-istudenti ta' l-Iskola Santa Marija l-Imsida huma dawn: B'Kara, Bormla, B'Bugia, Fgura, Ħamrun, Kalkara, Kirkop, Isla, Luqa, Marsa, Mellieħa, Mqabba, Mrieħel, Msida, Pieta`, Siġġiewi, San Ġiljan, Ta' Giorni, Vittoriosa, Żabbar, Żebbuġ, Żejtun u Żurrieq. Rigward it-tagħrif dwar konsultazzjoni u trasferimenti, nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23689.
Leg 9 PQ #23973 Sitting 513 2001-03-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Roman Villa/Ħaġar Qim

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi staff hemm u f'liema grad huma dawk li jieħdu ħsieb ir-Roman Villa? Kemm żaruha fl-aħħar sena? Xi staff hemm u f'liema grad huma dawk li jieħdu ħsieb Ħaġar Qim? Kemm żaruh fl-aħħar sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat kif ġej: Fil-Mużew ta' l-antikitajiet Rumani hemm jaħdmu Museum Officer u servizz ta' watchman kuljum. Hemm ukoll stazzjonat, b'responsabilitajiet differenti, Museum Officer ieħor li għandu l-inkarigu li jieħu ħsieb Ta' Ħaġrat, Skorba, San Pawl Milqi u Għajn Tuffieħa. Fl-aħħar sena 66,427 viżitaturi żaru dan il-Mużew. F'Ħaġar Qim hemm jaħdmu Kustodji u Gwidi kif ukoll ħames wardens illi jieħdu ħsieb l-Imnajdra ukoll. Fl-aħħar sena 136,654 viżitaturi żaru Ħaġar Qim.
Leg 9 PQ #23974 Sitting 513 2001-03-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Museum Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm museum officers allokati f'Malta u f'Għawdex? Fejn huma ppustjati u f'liema siti ta' Malta u Għawdex? Kemm hemm f'kull sit? Kemm hemm siti u liema huma mingħajr museum officers? Kemm hemm siti fejn hemm iżjed minn museum officer wieħed? B'liema kriterji ġew allokati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'Malta u Għawdex hemm 24 Museum Officers. Dawn huma ppustjati fil-Mużew ta' l-Arkeoloġija, fil-Mużew ta' l-Arti, fil-Mużew Marittimu, fil-Palazz ta' l-Inkwiżitur, fil-Mużew tal-Gwerra, fl-Armerija, fil-Hypogeum, fit-Tempji Neolitiċi Tarxien, f'Għar Dalam, fil-Mużew ta' l-Istorja Naturali u fil-Katakombi ta' San Pawl, Rabat u fir-Roman Villa. Fis-siti ta' Ħaġar Qim u Imnajdra ma hemmx Museum Officer. Ma hemmx siti b'iżjed minn Museum Officer wieħed barra r-Roman Villa fejn hemm tnejn persss li wieħed jieħu ħsieb is-siti ta' san Pawl Milqi ta' Ħaġrat, Skorba, u Għajn Tuffieħa. F'Għawdex hemm Museum Officer għal dawn il-postijiet imsemmija: Mużew ta' l-Arkeoloġija, Folklore Museum, Natural History, Ġgantija, il-Mitħna ta' Kola u Ċittadella. Hemm ukoll wieħed għal Għawdex u wieħed releiver. Dawn ġew fuq bażi ta' Order of Merit li ġabu fl-eżami u wara konsultazzjoni magħhom.
Leg 9 PQ #23975 Sitting 513 2001-03-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment tal-Mużewijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'laqgħat saru fl-1999 u 2000 għall-istaff tad-dipartiment tal-mużewijiet biex tiġi mfassla l-istrateġija u l-pjan ta' ħidma f'dan il-qasam u l-kordinazzjoni li hemm bżonn bejn kulħadd biex dan il-qasam jimxi 'l quddiem? Tista' tagħti d-dati ta' dawn il-laqgħat? Fejn saru? X'kienu t-temi diskussi? Min ħa sehem f'dawn il-laqgħat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-1999-2000 saru diversi laqgħat li fihom kien ġie stabbilit kif jaħdmu l-Museum Officers, Kustodji u Gwidi u kif dawn kellhom jgħinu u jagħtu support lill-Kuraturi. Il-laqgħat saru fit-18, 25 ta' Jannar u fl-1, is-7 u t-8 ta' Frar fil-Mużew ta' l-Arkeoloġija. Ingħata żmien sa nofs Frar ta' l-2000 biex dawn il-laqgħat ikunu konklużi. F'dawn il-laqgħat ħadu sehem id-Direttur, ħames Kuraturi u ħames Museum Officers, fosthom żewġ 'shop stewards' tal-UHM u GWU. Il-laqgħat iffokaw fuq id-dmirijiet tal-Museum Officers, il-possiblita` ta' ingaġġ ta' aktar kustodji u gwidi, l-organizzazzjoni ta' siti u mużewijiet fi gruppi u li għall-ewwel darba wara ħafna snin, li l-Museum Officers jingħataw Responsabilita` Permanenti ta' siti speċifiċi. Kien wara dawn il-laqgħat illi bdew jitħaddmu d-dmirijiet tal-Museum Officers li fuqhom hemm qbil. It-taqsima tal-Museum Officer sar wara qbil unanimu skond il-preferenzi ta' kull Museum Officer fuq bażi ta' l-"Order of Merit" li ġabu fl-eżami ta' l-għażla tagħhom stess. Il-proposta ta' l-ingaġġ ġdid fil-grad ta' kustodju u gwida ser ikun ikkunsidrat biss fil-kuntest tar-ristrutturar tad-dipartiment.
Leg 9 PQ #23977 Sitting 513 2001-03-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

National Museum of Fine Arts — Pittura

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tul Frar naqsitx xi pittura min-National Museum of Fine Arts? X'kienet din il-pittura? X'investigazzjonijet saru? X'riżultati taw? Ittieħdu passi ġodda biex ikun hemm sistema serja ta' sigurta' f'dan il-mużew? Fiex jikkonsistu dawn il-passi?

Response (GALEA, LOUIS)

Fix-xahar ta' Frar kien hemm serqa ta' pittura mill-Mużew ta' l-Arti fil-belt. Din il-pittura bit-titlu "Portrait of Grand Master de Rohan" hija magħmula miż-żejt fuq it-tila, u turi 'full length portrait' tal-Granmastru De Rohan. F'din il-pittura il-Granmastru qiegħed bil-wieqfa, u qiegħed liebes kostum tal-kavallieri. Bħalissa għaddejjin investigazzjonijiet mill-Pulizija. Id-Dipartiment tal-Mużewijiet qed jagħmel inkjesta interna. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u allura huma ta' natura kunfidenzjali. Il-Head Office tad-Dipartiment tal-Mużewijiet ħa ħsieb illi immedjatament wara li sar jaf bis-serqa, sejjaħ kumpanija ta' sigurta` biex tagħti s-servizz tagħha dwar rakkomandazzjonijiet li jistgħu jitwettqu fil-Mużew. Huwa maħsub li kemm jista' jkun tinsab sistema illi ma tkunx dipendenti fuq il-Museum Officers biss u li tkun tista' tirrekordja dak kollu li jsir fis-swali. Min-naħa tiegħi ħtart Bord biex fost tħwejjeġ oħra jinvestiga l-arranġament kurrenti ta' sugurta` tad-Dipartiment tal-Mużewijiet kif ukoll iċ-ċirkostanzi u kawżi li wasslu għas-serqa msesmmija.
Leg 9 PQ #23979 Sitting 513 2001-03-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet/Siti storiċi — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom tul is-sena skolastika 1998/99 36,484 biss (41.05% tal-popolazzjoni studenteska) kienu l-istudenti li żaru l-mużewijiet u siti storiċi, l-inqas numru fl-aħħar ħames snin? X'passi qed jittieħdu biex jiżdiedu żjarat edukattivi preparati tajjeb fil-mużewijiet u siti storiċi? X'kordinazzjoni saret bejn id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni u d-dipartiment tal-mużewijiet fis-snin 1999-2000 dwar dawn iż-żjajjar? B'liema riżultati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tħeġġeġ lill-għalliema biex matul is-sena jagħmlu żjarat edukattivi lejn siti storiċi u l-mużewijiet. Għal dan il-għan id-Diviżjoni għenet bit-tqassim ta' 'work sheets' dwar dawn is-siti u mużewijiet u bit-tibdil li sar fis-sillabu ta' l-Istorja. Billi inizjattivi bħal dawn għandhom jinbtu fl-iskejjel stess mill-għalliema nfushom, l-arranġament hu li l-iskejjel infushom jorganizzaw dawn iż-żjarat. Għalhekk matul il-perjodu 1999-2000, il-koordinazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Mużewijiet u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni saret fuq livell ta' skejjel.
Leg 9 PQ #23980 Sitting 513 2001-03-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Antonio Bosio - Gzira

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema klassijiet huma mingħajr għalliema tal-fiżika fl-iskola sekondarja Antonio Bosio tal-Gżira? X'passi ttieħdu biex jinstabu dawn l-għalliema? X'se jsir biex l-istudenti jirbħu l-ħin li tilfu f'lezzjonijiet bla għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li klassijiet li huma mingħajr għalliem tal-fiżika huma tnejn tal-Form 3, tlieta tal-Form 4 u tnejn tal-Form 5. Bħalissa d-Diviżjoni ma għandha ebda għalliema tal-fiżika x'tassenja f'din l-iskola. Minkejja li d-Diviżjoni qed tħalli sejħa miftuħa għal għalliema każwali biex jimlew dawn il-postijiet, ma hemm ebda applikanti biex jiġu kkonsidrati. Fil-frattemp id-Diviżjoni qed tagħmel kull sforz biex jinstabu għalliema internament. Sadattant il-klassijiet tal-Form 4 u Form 5 qed jingħataw il-lezzjonijiet kollha b'mod volontarju minn għalliem li jinsab fl-iskola. Tal-Form 3 ukoll qed jingħataw xi lezzjonijiet, iżda mhux dejjem ikun possibbli li jingħataw kollha. Fi ftit ġimgħat oħra, meta l-istudenti tal-Form 5 jispiċċaw mill-iskola, il-lezzjonijiet kollha tal-Form 3 jibdew ikunu koperti mill-istess għalliem.
Leg 9 PQ #23869 Sitting 512 2001-03-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Qualifying Year

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ż-żewġ studenti li isimhom qed jintbagħtu separatament l-ewwel ġew infurmati li ġew aċċettati biex jagħmlu l-qualifying year għall-kors tal-liġi għas-sena akkademika 2000 - 2001 u mbagħad ġew infurmati li ma ġewx aċċettati? X'wassal għad-deċiżjoni li l-ewwel ġew aċċettati biex ikomplu? Imbagħad x'wassal biex din id-deċiżjoni tiġi maqluba ta' taħt fuq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti indikati applikaw biex jidħlu fil-kors ta' sena li jekk jispiċċawh b'suċċess jikkwalifikaw biex jidħlu fil-kors ta' LL.D. Dan il-kors ta' sena hu maħsub għal dawk li jkunu spiċċaw il-B.A. Legal and Humanistic Studies imma ma jkunux laħqu il-livell meħtieġ biex ikomplu għall-kors ta' LL.D. Dawn iż-żewġ studenti kienu aċċettati għal dan il-kors a bażi ta' l-informazzjoni provduta mill-istudenti fl-applikazzjonijiet tagħhom. Sussegwentament irriżulta li huma ma ndikawx, kif kienu obbligati li jagħmlu f'sezzjoni 19 ta' l-applikazzjoni, li din kienet it-tieni darba li kienu qed japplikaw għal dan l-istess kors wara li huma kienu segwew il-kors u weħlu fih. Meta dan sar mgħarraf huma kienu nfurmati b'ittra datata 20 ta' Ottubru, 2000 li l-aċċetazzjoni tagħhom fil-kors kienet irtirata u ingħataw ir-raġuni.
Leg 9 PQ #23970 Sitting 512 2001-03-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Museum Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol ta' museum officer? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kama kopja tad-dmirijiet li għandhom dawn il-museum officers? Kif tfasslu dawn id-dmirijiet? Bis-sehem ta' min? Kif jidħlu dawn id-dmirijiet fil-qafas ta' l-istrateġija tad-dipartiment tal-mużewijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-dmirijiet tal-Museum Officers huma dawk indikati fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn id-dmirijiet tfasslu wara laqgħat li saru għal dan il-għan fid-Dipartiment. F'dawn il-laqgħat ħadu sehem id-Direttur tal-Mużewijiet, Kuraturi kif ukoll rappreżentanti tal-Museum Officers. Fost dawn ta' l-aħħar kien hemm ukoll ix-'shop stewards' tal-UHM u tal-GWU li ħadu ħsieb jikkonsultaw ma' l-awtoritajiet tal-unions indikati. Dawn id-dmirijiet ġew fis-seħħ wara li kien hemm qbil unanimu fuqhom. Dawn id-dmirijiet għadhom fis-seħħ.
Leg 9 PQ #24181 Sitting 512 2001-03-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 23647?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23647 f'Seduta 506.
Leg 9 PQ #24186 Sitting 512 2001-03-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 23648?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23648 f'Seduta 506.
Leg 9 PQ #24219 Sitting 512 2001-03-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mediterranean Institute — Farmhouse

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 24092, jista' l-Ministru jgħid x'użu għandha l-farmhouse tal-Mediterranean Institute fl-Universita' ta' Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħames kmamar li fih ir-razzett qed jintużaw hekk: 1. Uffiċċju taċ-Chairman (li sa ftit ilu kien ukoll id-Direttur) tal-Mediterranean Institute, spazju li jintuża wkoll bħala Boardroom ta' l-Istitut u għall-ħtiġijiet ta' Professur tal-Filosofija (jirċievu lill-istudenti, jagħtu tutorials eċċ): 2. Uffiċċju tas-Segretarja ta' l-Istitut, li hija responsabbli għall-amministrazzjoni ta' l-Istitut: 3. Uffiċċju tal-proġett għall-iżvilupp ta' l-istudji rurali (inkluż ir-Rural Open Air Museum): 4. Uffiċċju tal-Koperattiva Kulturali Universitarja (inkluża l-ħażna ta' tagħmir pedagogiku ta' għamliet differenti) 5. Uffiċċju ta' lecturer mid-Dipartiment tal-Filosofija, li tieħu wkoll ħsieb il-Philosophy Society.
Leg 9 PQ #23859 Sitting 511 2001-03-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skolasajf

Question

Jista' jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 23530, b'referenza għas-sajf ta' l-1999 u tas-sena 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Lista bit-tagħrif mitlub fl-ewwel parti tal-Mistoqsija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informat li l-flus li jinġabru mill-iskejjel jintużaw biex jinxtara materjal u dak kollu li jintuża mit-tfal matul is-sajf u xi spejjeż oħra għall-koordinament tal-programm. Fuq l-aħħar parti tal-Mistoqsija mhux magħruf li waslu rapporti fuq dan ir-rigward. Jekk l-Onor. Membru jista' jispeċifika b'mod konfidenzjali, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tkun lesta li tinvestiga u tieħu l-passi neċessarji.
Leg 9 PQ #23860 Sitting 511 2001-03-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

B A Legal and Humanistic Studies

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġew imxandra għall-ewwel darba r-riżultati ta' l-eżamijiet tal-kors B A Legal and Humanistic Studies sena akkademika 1997-1998 biex l-istudenti jitilgħu fir-raba sena? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati kif imxandra l-ewwel darba? X'kienu l-istess riżultati mxandra t-tieni darba? X'wassal biex ir-riżultati ġew mibdula? Jista' jqiegħed kopja tar-riżultati mxandra mill-ġdid?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-riżultati ta' l-eżamijiet tal-kors B.A. Legal and Humanistic Studies ġie mxandar għall-ewwel darba fis-27 ta' Lulju, 1998 li kopja tagħhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra (Appendiċi I). Wara ilmenti ta' l-istudenti dwar il-gradi li ġabu, il-fakulta` sabet li kien hemm regolament tas-Senat li kienet baxxiet l-average għal Grad C. Meta ġew ippublikati r-riżultati għall-ewwel darba, il-grad C kien ikkalkulat fuq 57 fil-mija. Ir-regolament tas-Senat kienet tgħid li l-grad C għandu jiġi kkalkulat fuq 53 fil-mija. Minħabba dan ir-regolament il-fakulta` kellha tikkoreġi r-riżultati. Ir-riżultat ta' l-eżamijiet tal-kors B.A. Legal and Humanistic Studies imbagħad ġie mxandar għal darba oħra fil-21 ta' Awissu, 1998 u kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra (Appendiċi II).
Leg 9 PQ #23867 Sitting 511 2001-03-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior Lyceum Margaret Mortimer

Question

Jista' l-Ministrż jgħid min hżma l-għalliema kollha regolari jew temporarji li jgħallmż l-Ingliż fl-iskola Jżnior Lyceżm Margaret Mortimer? Kollha għandhom il-kwalifiki meħtiega biex jgħallmż l-Inġliż

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola Margaret Mortimer Junior Lyceum hemm 8 għalliema ta' l-Ingliż u li kollha għandhom il-kwalifiki meħtieġa.
Leg 9 PQ #24206 Sitting 511 2001-03-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Sports Ground — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema fil-Marsa Sports Ground fil-preżent? Xi grad għandhom u x'xogħol suppost li jagħmlu u x'xogħol qed jagħmlu fil-preżent?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.