Issa li ħarġet it-talba għall-offerti għax-xogħol fuq il-junction tal-Kappara, il-Ministru huwa konxju li numru ta’ toroq f’San Ġwann se jkollhom żieda konsiderevoli ta’ traffiku? In vista tal-fatt li numru minn dawn it-toroq huma fi stat ħazin ħafna, jista’ jgħid jekk il-Gvern għandux l-intenzjoni li jagħmel xogħol ta’ resurfacing f’dawn it-toroq, partikolarment Triq Birkirkara, San Ġwann, li tinsab fi stat ħażin ħafna? Jekk huwa proġettat li jsir dan ix-xogħol, jista’ jgħid meta huwa l-ħsieb li dan jinbeda u jispiċċa, għal kemm tammonta l-istima biex isir ix-xogħol u liema huma dawk it-toroq f’San Ġwann li hemm il-ħsieb li jsir xogħol fuqhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi Transport Malta qiegħda fil-fażi li tippjana rotot alternattivi biex jintużaw waqt il-kostruzzjoni tal-Kappara Junction Overpass. Dawn ir-rotot qegħdin f’numru ta’ nħawi fil-madwar tal-istess junction in kwistjoni u jinkludu numru ta’ toroq f’San Ġwann fosthom parti minn Birkirkara Road fl-istess lokalità. Diġà sar ħafna xogħol ta’ preparamenti biex ikun determinat it-tip ta’ interventi li hemm bżonn f’kull triq u bħalissa qegħdin jiġu ffinalizzati l-istejjem ta’ dawn ix-xogħlijiet. Bħalissa qed jiġu kkunsidrati alternattivi ta’ kif se jsiru s-sejħiet għal dawn ix-xogħlijiet. Għalhekk id-data meta se jibdew l-istess xogħlijiet tiddependi minn kif se jsiru dawn is-sejħiet u meta se jinħarġu l-istess sejħiet tat-tenders f’ liema tenders ikun hemm ukoll il-perjodu li fih irid jitlesta l-istess xogħol.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fil-15 t' Ottubru 2014 il-karozza tal-linja tat-8.30am tal-Kalkara ma saritx u minflok saret dik tad-9.00am bil-konsegwenza li diversi passiġġieri tħallew fuq l-istage jistennew għal ħin twil?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn investgazzjoni li wettaq l-operatur tat-trasport pubbliku fuq is-sistema elettronika ġie innutat li l-vjaġġ imsemmi fil-fatt kien sar. Madanakollu waqt dan il-vjaġġ ġie innutat illi seħħew diversi devjazzjonijiet mir-rotta.
Infurmat ukoll li l-operatur tat-trasport qed jinvestiga x’wassal għal dawn id-devjazzjonijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid x'patronaġġ għandha r-rotta 3A li mix-Xatt tal-Kalkara titla’ għal fejn Cafe Riche il-Birgu u ddur minn barra tal-Kalkara għal Smart City? Veru li din il-karozza fil-maġġoranza tal-vjaġġi tagħha tkun vojta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni ipprovduta mill-operatur tat-Trasport Pubbliku, ir-rotta 3A li kienet introdotta matul ix-xhur tas-sajf ma kelliex il-patrunaġġ mistenni u għaldaqstant din ir-rotta se tiġi imwaqqfa mill-iskeda tax-Xitwa.
Infurmat ukoll li bir-rotot illi ġew proposti, Smart City se tiġi inkorporata fir-rotta 3.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fil-15 t' Ottubru 2014 il-karozza tal-linja bir-rotta numru 72 tat-8.00am li tgħaddi mill-Imqabba m'għaddietx u dik tad-8.40am għaddiet però ħalliet nofs in-nies l-art għax kienet mimlija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li skont informazzjoni miġbura permezz tas-sistemi li hemm stallati abbord il-karozzi tal-linja, fil-15 t’ Ottubru 2014, il-vjaġġ fuq ir-rotta 72 li kien skedat jitlaq mill-Qrendi fit-08:02 ta’ filgħodu ittardja u minflok telaq fit-08:26 ta’ filgħodu. Għaldaqstant, din il-karozza waslet l-Imqabba għal ħabta tat-08:35 ta’ filgħodu.
Infurmat ukoll li l-vjaġġ skedat li jitlaq mill-Qrendi fit-08.32 ta’ filgħodu u li kien skedat li jasal l-Imqabba għall-ħabta tat-08.40 ta’ filgħodu, filfatt telaq mill-Qrendi fid-09.02 ta’ filgħodu. Filwaqt li qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa sabiex dan l-inkonvenjent ma jirrepetix ruħu, ninsab infurmat li dan id-dewmien ġie kkawżat minn xi inċidenti tat-traffiku ta’ xi vetturi privati fit-toroq.
Jista’ l-Ministru jgħid sa x’ħin baqa’ jaħdem is-servizz tat-trasport pubbliku mill-Belt Valletta lejn diversi lokalitajiet f' Malta fil-lejl tal-20 ta' Settembru 2014 għall-okkażjoni tal-festi tal-Indipendenza? Min kien responsabbli li jiffissa l-ħinijiet tar-rotot hawn fuq imsemmija?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lejl tal-20 ta’ Settembru 2014, is-servizz tat-trasport pubbliku ħadem bi skeda normali. Sussegwentament, kif inħasset il-ħtieġa għal iktar vetturi, dawn intbagħtu fuq il-post immedjatament sabiex il-pubbliku jiġi moqdi.
Billi jidher li fl-inħawi tas-Salina fejn qed isir xogħol fuq it-triq il-ġdida, il-livell tat-triq se jkun ferm aktar għoli milli se jkun il-livell tal-ħamrija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jiġi assigurat li l-istess għelieqi ma jispiċċawx mgħarrqa kull meta jkun hemm ħalba xita, b'dannu għall-bdiewa li jaħdmu dawn l-istess għelieqi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-proġett tal-kostruzzjoni tat-triq jinkludi biss il-bini mill-ġdid u twessieħ ta’ triq li diġà tinsab f’livell iktar għoli mir-raba’ imsemmi.
Il-proġett mhux maħsub bħala flood relief project, peress li ir-raba’ imsemmi jegħreq minħabba inżul ta’ ilma tax-xita mill-widien li jiġu minn taħt il-Mosta.
It-triq għandha sistema ta’storm water drain li jieħu l-ilma minn wiċċ it-triq u li jiġi dirett lejn il-baħar biex b’hekk ma jiżdietx iktar l-għargħar ġo dan ir-raba’.
Billi fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10785 ngħadd li l-inħawi tas-Salina kien hemm silt u clay u kien deċiż li fil-fatt dan ma jitneħħiex minn hemm, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li jindikaw li ma kienx f'loku li dan l-istess materjal jitneħħa minn fejn kien imma kien jaqbel li jibqa hemmhekk? Jista' jagħti tagħrid dwar jekk waqt l-istess investigazzjonijiet instabux xi fdalijiet ta' oġġetti importanti għall-arkeoloġija ta' pajjiżna, peress li dawk l-inħawi kienu jiffurmaw parti mill-baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward l-investigazzjoni arkeoloġika, ix-xogħlijiet kollha fuq dan il-proġett huma sorveljati minn Arcaheological Monitor li ikun f’kuntatt dirett mas-Superintendent of Cultural Heritage. Infatti ix-xogħlijiet ta’skavar isiru biss wara sorveljanza u rappurtaġġ estensiv. F’din in-naħa tas-sit, sa issa ma instabu l-ebda fdalijiet arkeoloġiċi.
Kunsilli lokali tat-12-il distrett — servizz tat-trasport pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi rappreżentazzjonijiet ġodda li saru mill-kunsilli lokali tat-tnax-il distrett elettorali għal dak li jirrigwardja t-trasport pubbliku, matul dawn l-aħħar għaxar xhur u dan fid-dawl tal-fatt li kienu bosta l-ilmenti li ħarġu fil-pubbliku dwar is-servizz kif kien provdut matul dan is-sajf?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ir-rappreżentazzjonijiet li saru mill-kunsilli lokali tat-tnax-il distrett elettorali f’dawn l-aħħar għaxar xhur kienu diġà ġew ikkunsidrati fir-rotot il-ġodda li ġew proposti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm reserved parking spaces li ġew approvati minn Transport Malta matul din is-sena, f'San Pawl il-Baħar? Fejn jinsabu (triq triq) dawn l-istess spazzjoni u minn min ġew rakkmandati? Kemm hu n-numru totali ta' spazji riservati għall persuni b'diżabilità, għal raġunijiet oħra u għax-xhur Ġunju - Settembru rispettivament?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li, matul din is-sena kien hemm tlettax-il applikazzjoni għal parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabilita’ li ġew approvati San Pawl il-Baħar. Id-dettalji ta’ tali parkeġġi qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Skont l-arkivji ta’ Transport Malta, matul din is-sena kien hemm żewġ applikazzjonijiet għal parkeġġ riservat għall-persuni b’diżabilità li ġew approvati għal perjodu bejn Ġunju u Settembru.
Ninsab infurmat ukoll li mhemmx proċedura ta' rakkomandazzjoni fil-proċess tas-servizz ta' Parkeġġ Riservat għal Persuni b'Diżabilità. Is-servizz jitħaddem fuq bażi tal-applikazzjoni li jissottometti l-applikant.
Fid-dawl tas-sejħa pubblika għall-iżvilupp tas-sit tal-White Rocks, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li għaddej bħalissa fuq ir-rikostruzzjoni tat-Triq tal-Kosta ħdejn l-istess sit, jieħux in konsiderazzjoni l-aċċess u l-ħruġ għal u minn ġos-sit, li se jkun meħtieġ eventwalment kemm waqt il-fażi ta’ kostruzzjoni u kemm wara li l-proġett jitlesta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-disinn propost jippermetti li l-aċċess jiġi mtejjeb skont l-iskala tal-iżvilupp tas-sit mingħajr il-bżonn li jsiru alterazzjonijiet fit-triq il-Kosta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux konxju li l-aħħar deċiżjoni li ttieħdet mill-Gvern bla konsultazzjoni fi Triq l-Imdina/Manuel Dimech (ħdejn il-Qormi Sports & Fitness Park) kompliet iżżid il-konġestjoni ħdejn il-Monument ta' Pinto (diġà gravi bil-karozzi tal-linja) bil-konsegwenza li qed ikun imblokkat Ħal Qormi kollu? Konxju l-Ministru li wieħed sar idum aktar biex joħroġ minn Ħal Qormi milli biex jasal fid-destinazzjoni tiegħu barra Ħal Qormi? Jista’ jgħid x’se jkun qed jagħmel biex jirrimedja din is-sitwazzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li kien il-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi li fl-2012 talab lill-Awtorita’ tat-Trasport sabiex tindirizza l-problema ta’ saħħa u sigurta’ li kien hemm fl-inkroċju bejn Triq l-Imdina u Triq Manuel Dimech, dan minħabba li dawn huma toroq arterjali u distributorji u jaqghu taħt ir-responsabilta’ tal-Awtorita’. L-intervent li sar indirizza l-accident black spot f’dan l-inkroċju, bl-ewwel indikazzjonijiet juru li l-aċċidenti f’din iz-zona naqqsu b’terz, filwaqt li ttejjeb t-traffiku fl-akwata speċjalment fi Triq Manuel Dimech. L-Onorevoli Interpellant huwa mfakkar li t-traffiku fi Triq l-Imdina mhux fenomenu li nħoloq minħabba l-intervent li sar mill-Awtorita’. It-traffiku fl-akwata żdied, bħal ma żdied fil-pajjiż kollu. Il-problema tat-traffiku hija waħda mill-iktar sfidi li qed jiffaċċja pajjiżna sena wara sena u li ilha toħloq problemi kbar ta’ konġestjoni f’ toroq arterjali. Sa mill-bidu nett li ħadna t-tmexxija tal-pajjiż f’ idejna, dan il-Gvern irrikonoxxa li hemm din il-problema. Biżżejjed ngħid li hemm aktar minn 332,000 vettura f’pajjiżna, fil-maġġor parti tagħhom huma vetturi privati. Barra minn hekk wieħed jinnota li hemm nuqqas ta’ dixxiplina minn ċerti mis-sewwieqa u nuqqas ta’ infurzar tar-regolamenti. Għaldaqstant, ħadna ħsieb li nieħdu diversi miżuri biex tittaffa din il-problema, kemm short-term, medium term kif ukoll long term.
Fejn jidħlu miżuri short term, id-dipartiment tas-siġurta’ fit-toroq u l-immaniġġjar tat-traffiku fi ħdan Transport Malta, għamel analiżi fuq dawk iż-żoni fejn l-aktar ikun hemm konġestjoni biex jinħoloq pjan li jindirizza is-sebut twil ta’ karozzi li jakkumulaw fil-peak hours. Qed jittieħdu diversi miżuri fosthom, disinji ġodda li jgħinu fl-andament tat-traffiku, sinjali ġodda tat-traffiku biex jgħinu lis-sewwieqa , bdil fil-ħinijiet tat-traffic lights biex it-traffiku jimxi aħjar, qed nippromwovu il-car pooling , kif ukoll saħħaħna it-trasport bil-baħar.
Qed jittieħdu ukoll miżuri medium term fejn inbeda studju dwar il-ħolqien ta’ strateġija nazzjonali għat-trasport. Nedejna r-Road Safety Strategy li l-prijorita’ tagħha hija s-sigurta’ fit-toroq tagħna. Dan l-istudju jiffoka kif ser innaqqsu l-inċidenti fit-toroq tagħna, inħarsu lejn kif ser intejbu l-infrastruttura tat-toroq arterjali u distributorji, nagħtu attenzjoni lis-sewwieqa żgħażagħ u sewwieqa tal-muturi, nindirizzaw l-atteggjament illegali ta’ċertu sewwieqa kif ukoll intejbu l-għarfien dwar kif isiru toroq iżjed siguri. Matul iż-żmien li ġej, il-Gvern huwa impenjat li jimplimenta firxa wiesgħa ta’ interventi strateġiċi biex jilħaq il-mira Ewropeja li sal-2020 l-inċidenti fatali jonqsu b’ 50 fil-mija, ġrieħi gravi jonqsu bi 30 fil-mija kif ukoll il-ġrieħi ħfief jonqsu b’ 20 fil-mija.
Qed nieħdu ħsieb ukoll li jittieħdu miżuri long term biex tingħata prijorita’ lill-proġetti li jħaffu it-traffiku. Hadna ħsieb biex inlestu il-proġett tat-Triq Diċembru 13 wara xhur ta’ telqa mill-Gvern preċedenti, biċ-ċans li jintilfu fondi Ewropej. Barra minn hekk għaddejjin b’ritmu tajjeb ħafna il-proġett ta’ Triq il-Kosta. Ser isir il-proġett tal-Kappara Junction kif ukoll issottomejna pjanti għall-proġett tal-Addolorata Junction li minbarra ser inaqqas it-traffiku minn u lejn in-naħa ta’ isfel ta’ Malta, ser inżidu is-sigurta’ u l-aċċessibilita’ biex persuni jmorru minn lokalita’ għal oħra.
Fl-aħħar minn l-aħħar l-aktar soluzzjoni effettiva hija dik li innaqsu il-vettura mit-toroq tagħna. Għaldaqstant il-Gvern qed jagħmel dak kollu possibli biex il-poplu jingħata servizz ta’ trasport pubbliku li jixraqlu, b’hekk iħajjar aktar nies biex jużawh.
Dan kollu qed isir bl-inizjattiva tal-Gvern preżenti, wara li dak preċedenti ħalli telqa kbira f’ dan is-settur. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li ir-rapport tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista stess jgħid li “ L-istat tat-toroq u d-dewmien biex jitlestew ċerti toroq u proġetti infrastrutturali oħra wrew nuqqas ta’ kontroll mill-Gvern”. Fir-rigward tat-trasport pubbliku, l-istess rapport jgħid ukoll li “....nħolqu aspettattivi għoljin ħafna, saru ħafna żbalji u ġiet implimentata b’mod mgħaġġel wisq bil-konsegwenza li l-ewwel reazzjoni kienet li r-riforma ma kinitx suċċess.Dan baqa’ jinħass għal ħafna xhur wara li bdiet titwettaq ir-riforma.” Dan kollu wassal biex il-poplu ma jużax it-trasport pubbliku u minflok juża il-karozza privata tiegħu, bil-konsegwenza li spiċċajna b’ ħafna aktar vetturi jiċċirkolaw fit-toroq tagħna.
Ninforma ukoll lill-Onorevoli Interpellant li jien , fir-responsabilta’ tiegħi ta’ Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura, inkun fit-toroq man-nies u naf sew li l-problema tat-traffiku f’ pajjiżna mhux perċezzjoni, bħal ma naf li lanqas hija perċezzjoni li l-problema tat-traffiku ma bdietx illum.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern u Transport Malta għandomx pjan ħolistiku u studjat għall-immaniġġar tat-traffiku f’Ħal Qormi? Jista’ jqiegħed dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk il-Ministru m’għandux pjan għal Ħal Qormi jista’ jgħid meta beda u meta se jitlesta dan il-pjan? Il-Kunsill Lokali Ħal Qormi u r-residenti Qriema ġew jew se jiġu kkonsultati dwar dan il-pjan?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi ma ssottometta l-ebda pjan ħolistiku għall-immanniġġjar tat-traffiku f’Ħal-Qormi. Iżda l-Awtorità tat-Trasport għandha proġett ħolistiku għall-pajjiż kollu, li jinkludi Ħal-Qormi, sabiex jiġi mmanniġġjat it-traffiku b’mod aktar effettiv, liema proġett huwa msejjes fuq sistemi ta’ Intelligent Traffic Management Systems. Proġett ieħor hija r-riforma fit-trasport pubbliku li huwa aspett kruċjali għall-immanniġġjar tat-traffiku f’kull lokal.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra serjament miżuri effettivi, inkluż il-bini ta’ toroq ġodda ’l barra mill-parti residenzjali ta’ Ħal Qormi biex jevita li Triq il-Ħelsien u Triq il-Wied, li huma essenzjalment toroq residenjali, ma jibqgħux jiġu ttrattati bħala toroq arterjali bil-volum qawwi ta’ traffiku li jgħaddi minnhom u jinfirex f’toroq oħra interni f’Ħal Qormi?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10886.
Ħal Qormi – miżuri ta’ sigurtà għar-residenti ta’ qrib il-Wied
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun qed jagħmel biex ipatti għall-influss tat-traffiku u l-periklu għas-saħħa u s-sigurtà tan-nies tal-Wied ta’ Ħal Qormi, issa li se jitlesta l-proġett tal-ilma tal–għargħar mibdi fil-leġiżlatura li għaddiet minn fondi Ewropej?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-Awtorità tat-Trasport ma rċeviet l-ebda proposta għal interventi ġodda fil-Wied ta’ Ħal-Qormi li, fil-fatt, mhuwiex triq iżda huwa open channel.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux konxju li l-problema tat- traffiku f’diversi żoni ta’ Ħal Qormi ddeterjorat bil-qawwi fl-aħħar sena b’tali mod li ġieli tispiċċa ddum 20 minuta biex issuq 200 metru u probabbilment iddum aktar biex toħroġ minn Ħal Qormi milli biex tasal fid-destinazzjoni tiegħek? X’għamel il-Gvern s’issa u x’se jagħmel biex ma jħallix lil Ħal Qormi jitkisser u l-kwalità tal-ħajja tal-Qriema tittiekel ftit ftit?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 10884, 10885 u 10886.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 6771, 8833, u 9201, jista’ l-Ministru jgħid jekk wara li f’Mejju 2014 stqarr li ħa nota dwar il-bżonn li max-xogħol li qed isir fuq il-proġett kontra l-ilma tal-għargħar f’Ħal Qormi, isir ukoll mill-ġdid iċ-ċint ta’ madwar il-wied b’mod partikolari minn Triq il-Mitħna sa Triq Correa, u anke n-naħa ta’ Triq Pawlu Farrugia, il-Gvern issa ddeċidiex li jibni mill-ġdid dan iċ-ċint li qed jagħti dehra ta’ telqa, bi spiża relattivament żgħira fil-kuntest tal-miljuni kbar li nġiebu mill-Unjoni Ewropea fil-leġiżlatura li għaddiet biex il-proġett tal-ilma tal-għargħar ikun jista’ jsir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġie mqabbad Perit mid-Dipartiment biex jagħmel id-disinji meħtieġa u applikazzjoni lill-MEPA għax-xogħol imsemmi. Meta jinħarġu l-permessi meħtieġa tal-MEPA tkun tista’ tinħareġ it-tender u wara jinbeda x-xogħol imsemmi.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — safar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, minn Marzu 2013 sal-lum kemm-il darba siefer, għal liema konferenza, kemm tul ta' ġranet u kemm kienet in-nefqa ta' kull vjaġġ u n-nefqa totali fuq l-ivvjaġġar? Minn min kien akkumpanjat u x'kienet il-kariga tal-persuni li siefru miegħu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġibiet mogħtija għall- Mistoqsijiet Parlamentari 26812, 26813, 26814, 26815, 26816, 26817, 26818 u 26819 tal-Leġislatura IX.
Trasport pubbliku – servizz minn Santa Venera għal Fleur de Lys u l-Venda ta’ B’Kara
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-preżent hemmx servizz tat-trasport pubbliku għal dawk il-passiġġiera li minn Santa Venera jkunu jridu jmorru Fleur de Lys u l-Venda ta’ Birkirkara? Jekk m’hemmx servizz ipprovdut, jista’ jgħid hemmx il-ħsieb li dan is-servizz isir meta jiġu introdotti r-rotot il-ġodda?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent hemm 4 rotot illi jgħaddu minn Santa Venera direzzjoni lejn Fleur De-Lys, Birkirkara u viċi-versa li huma:
· Rotta 42 Fi triqitha mill-Belt Valletta lejn iċ-Ċirkewwa tgħaddi minn Triq il-Kbira San
Ġuzepp u Triq Fleur-de-Lys b'servizz ta’ kull siegħa;
· Rotta 55 Fi triqitha mill-Belt Valletta lejn Ħal-Balzan tgħaddi minn Triq il-Kbira San
Ġuzepp u Triq Fleur De Lys b' servizz ta’ kull siegħa mit-Tnejn sas-Sibt;
· Rotta 123 Fi triqitha mill-Belt Valletta lejn l-isptar Mater Dei tgħaddi minn Triq il-Kbira
San Ġuzepp u Triq Fleur-de-Lys, b'servizz ta’ kull siegħa;
· Rotta 54 Fi triqitha mill-Belt Valletta lejn Ħ’Attard tgħaddi Triq il-Kappillan PP Mifsud,
Triq il-Ferrovija, Triq Psaila u l-venda ta' Birkirkara, b'servizz kull 30 minuta.
Trasport pubbliku — Rotta mill-Madliena sa Torre Paulina
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rotta li kienet tipprovdi servizz lir-residenti tal-Madliena u li kienet titla’ ħdejn Torre Paulina hemmx ħsieb li terġa’ tiġi introdotta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan is-servizz qed jiġi ikkunsidrat fir-rotot il-ġodda li qegħdin jiġu proposti.