Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni — Karozzi mikrija

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji liema kienu l-karozzi uffiċjali u mikrija mill-ministeru li kienu nvoluti f'kolliżjonijiet mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? Jista' l-Ministru jgħid: (a) kemm ġew jiswew l-ispejjeż tal-ħsarat ta' dawn il-kolliżjonijiet; (b) min kienu l-uffiċjali jew impjegati li fi żmien li saret il-kolliżjoni kienu responsabbli mill-vettura nvoluta; u (ċ) f'kull każ min kien qiegħed isuq il-vettura fil-ħin li saret il-kolliżjoni?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-perjodu msemmi mill-Onor.Interpellant ma kien hemm l-ebda vettura nvoluta f'kolliżżjoni.

ETC — Persuni b'diżabilita'

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari numri 11113 u 11777, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm reserved parking quddiem djar ta' persuni b'diżabilita'?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li skond ir-`records` tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku, in-numru ta` persuni b`diżabilita` li għandhom `reserved parking` quddiem id-dar tagħhom huwa ta` 472. Minn dan it-total ta` min jinnota li fl-1999 ġew approvati mhux inqas minn 159.

San Pawl il-Baħar — Tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' tarmak fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar huwiex komplut? Jekk m'huwiex komplut, jista' l-Ministru jgħid: (1) Meta x-xogħol se jitkompla? (2) X'fadal xogħol xi jsir? (3) U meta se jitlesta? Jekk ix-xogħol huwa komplut, jista' l-Ministru jgħid x'passi ittieħdu biex ix-xogħol ħażin li sar jerġa' isir mill-ġdid?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol li għad irid isir fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar jikkonsisti fil-bdil ta` parti mill-`main` tad-dranaġġ u tqegħid ta` `wearing course`. Dan ix-xogħol ser isir wara li tiġi allokata t-tender għax-xogħol kif dehret fil-gazzetta tal-Gvern. Dan ix-xogħol mistenni li jibda wara l-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena.
Leg 9 PQ #11896 Sitting 203 1999-12-07 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Traffic Control Board — Membri

Question

Jista'l-Ministru jgħid min huma l-membri tat-Traffic Control Board?

Response (GALEA, ĊENSU)

Il-lista tal-membri magħżula għat-Traffic Control Board se tiġi ppublikata hekk kif jinstab segretarju għall-Bord imsemmi.

Dipartiment tat-Toroq — Rappreżentanti

Question

Jista' l-Ministru jinkariga rappreżentanti tad-Dipartiment tat-Toroq sabiex jieħdu ħsieb jagħmlu rapport ta' l-istat tat-toroq ġewwa dik il-parti residenzjali li tmiss maż-żona industrijali tar-Rikasoli fil-Kalkara u li trid tidħol għaliha mill-istess zona industrijali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jikonsultaw lill-Kunsill Lokali u flimkien jaraw dawn it-toroq x`għandhom bżonn.

VRT — Testijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jintbagħtu l-avviżi biex isiru t-testijiet tal-VRT għal karozzi u inġenji tal-gvern u korporazzjonijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-avviżi lis-sidien tal-vetturi biex itellgħu il-vettura tagħhom għal-'Vehicle Roadworthiness Test' jintbagħtu skond ix-xahar li fih tagħlaq il-liċenzja ta' dik il-vettura partikolari. Dan japplika ukoll għall-vetturi tal-Gvern u tal-Korporazzjonijiet.

Valletta — Tiswija ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ħofor li żviluppaw eżatt quddiem il-GWU u fit-Triq l-Ifran, Valletta jiġu mimlija mill-aktar fis?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li diġa saru arranġamenti bi ftehim mal-Kunsill Lokali sabiex il-ħsara fi Triq l-Ifran u Triq San Ġwann Kavalier jissewwew nhar il-Ħadd biex ix-xogħol ma jfixkilx l-aċċess għall-Belt minn din it-triq prinċipali.

Raħal Ġdid — Triq Bormla - Tiswija

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ħofra enormi li żviluppat eżatt ħdejn ir-roundabout ta' ħdejn is-Saltfish u Villa Gerit fi Triq Bormla, Raħal Ġdid tiġi mimlija skond is-sengħa u l-arti mill-aktar fis?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-lokalita` li ġiet indikata mill-Onor. Interpellant diġa ġiet imsewwija mid-Dipartiment tat-Toroq.

MMA — Kaptan Venich Jurgens

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tiegħu dwar id-duties tal-Kaptan Venich Jurgens tal-MV Global Mariner, kif irrapportat mill-gazzetti, fejn ikkritika l-operat tal-vapuri li joperaw taħt il-bandiera Maltija? Kemm-il vapur taħt il-bandiera Maltija, din is-sena, inżamm milli isalpa minn portijiet minħabba kundizzjonijiet ħżiena fuq il-vapur jew minħabba nuqqas ta' ħlas ta' pagi lill-ekwipaġġ? X'passi tieħu l-Awtorita' Marittima meta jkun hemm rapporti bħal dawn?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li minn informazzjoni li għandha f`idejha sa issa l-Awtorita` Marittima jidher li matul din is-sena kien hemm madwar erbgħin bastiment Malti li ġew detenuti minħabba xi defiċjenzi li għandhom x`jaqsmu mal-kundizzjonijiet ta` l-għixien tal-baħħara fuq il-bastiment. Każijiet bħal dawn li jiġu għall-attenzjoni ta` l-Awtorita` Marittima jiġu mistħarġa bil-għan li d-defiċjenzi li jkun hemm jiġu rranġati mill-aktar fis possibbli. Għalkemm jidhirli li l-kummenti tal-kaptan kienu eseġerati, xorta waħda tlabt lill-I.T.F. biex jekk ikollha xi nformazzjoni dwar dak li għamel referenza għalih il-kaptan, dan ukoll jgħaddi l-informzzjoni lilna.

Toroq — Tiswija

Question

Jista' l-Ministru jagħtini il-lista tat-toroq li l-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ għadda lid-Dipartiment tat-Toroq sabiex dawn jiġu asfaltati mill-Gvern Ċentrali? Meta waslet din il-lista (data)? Kif hija l-ordni ta' prijorita' ta' dawn it-toroq kif rakkomandat mill-istess kunsill?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment qed jistenna l-informazzjoni mill-Kunsill Lokali ta` Ħaż-Żebbuġ peress li fi żmien li l-Kunsilli Lokali kienu qed jgħaddu l-informazzjoni meħtieġa dwar l-asfaltar ta` toroq lid-Dipartiment, il-Kunsill Lokali ta` Ħaż-Żebbuġ ma kienx għadu kkostitwit. Sa llum din l-informazzjoni għadha ma ngħatatx.

San Ġiljan — Telgħet San Ġiljan - sleeping policeman

Question

Jista'l-Ministru jgħid jekk is-sleeping policeman li saret f'Telgħet San Ġiljan, San Ġiljan, eżattament quddiem ir-residenza numru 26 għandhiex il-permessi meħtieġa tat-Traffic Control Board?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-`sleeping policeman` inkwestjoni għandha l-permess meħtieġ tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku.

Paceville — Parking

Question

Peress li kif jaf il-Ministru f'Paceville teżisti problema ta' parking u traffic flow li minnha l-aktar li jsofru, speċjalment fil-weekends, huma r-residenti, jista' jikkonsidra li jinstab spazju riservat fl-inħawi fejn ir-residenti jkunu jistgħu jipparkjaw il-karozzi privati tagħhom? Jista' l-Ministru, b'konnessjoni ma' dan is-suġġeriment, jikkonsidra art li tinstab fi Triq id-Dragonara biswit il-Westin Dragonara Hotel?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li l-pjan għaż-żona ta' Paċeville qed jiġi ppreparat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar ikun il-każ li wieħed jistenna ftit sakemm isir biżżejjed progress fuq dan ix-xogħol.

San Ġiljan — B'Kara Rd - Proġett

Question

Peress li kif jaf il-Ministru l-proġett li sar xi snin ilu fi Triq Birkirkara, San Ġiljan, eżattament fejn hemm it-traffic lights taħt il-bridge ta' Regional Road kien wieħed temporanju sakemm jitlesta l-proġett ta' toroq ġodda ħdejn l-Universita' u peress li l-proġett ta' toroq ġodda ħdejn l-Universita' issa ġie mitmum, jista'l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol temporanju li sar fi Triq Birkirkara jitneħħa u t-triq terġa' tiġi fl-istat oriġinali li kienet qabel sar il-proġett temporanju hawnhekk imsemmi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-'traffic lights' fi Triq B'Kara San Ġiljan qegħdin jipprovdu servizz importanti għall-immaniġjar tat-traffiku aktar milli kien maħsub meta ġew stabbiliti bħala mezz temporanju, u għalhekk mhux ta' kemm wieħed jaqbad u jneħħihom. Id-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jieħu passi sabiex idur il-'junctions' tat-`traffic lights` wieħed wieħed sabiex jiġi stabbilit jekk humiex qed jaħdmu tajjeb u x`jista` jiżdiedilhom biex jaqdu aħjar il-bżonnijiet tat-traffiku ta` llum.

Żebbuġ — Triq Prof. Daniel Callus - Ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li tissolva l-problema gravi li qed jiffaċċjaw ir-residenti ta' Triq Prof. Daniel Callus, Żebbuġ, f'dak li jirrigwarda kontroll ta' l-ilma li jinġabar wara maltempata xita?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment qiegħed jieħu passi biex tiġi akkwistata l-art li fuqha trid tgħaddi t-triq li tgħaqqad Triq D. Callus ma Triq F. Mattei biex din tkun asfaltatha u b`hekk tinqata l-problema ta` l-għargħar.

Raħal Ġdid — Pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibbilta' li jsiru pelican lights quddiem il-Knisja ta' Sant'Antnin f'Raħal Ġdid minflok iż-żebra crossing preżenti minħabba li xorta waħda kważi ta' kuljum, minħabba l-ispeed eċċessiv tal-karozzi li bih il-vetturi jkunu telgħin it-telgħa diversi pedestrians qed jisfaw kważi mtajra minn fuq iż-żebra crossing?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jikkonsidra dan ix-xogħol u qed f`diskussjonijiet mal-Bord tal-Kontroll tat-Traffiku għall-implementar tiegħu.

San Ġiljan — Telgħet San Ġiljan - sleeping policeman

Question

Jista'l-Ministru jgħid jekk is-sleeping policeman li saret u li kienet (għax issa tneħħiet) f'Telgħet San Ġiljan, San Ġiljan, eżattament quddiem ir-residenza numru 7 kellhiex il-permessi meħtieġa tat-Traffic Control Board? Jekk kellha l-permessi meħtieġa, jista'l-Ministru jgħid jekk intalbux u jekk ingħatawx permess mit-Traffic Control Board biex titneħħa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-`sleeping policeman` inkwestjoni saret bil-permess tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku, u l-esperjenza wriet li jekk tiġi `resited` iktar viċin ta` l-iskola li hemm f`Telgħet San Giljan tkun aktar effettiva.

Manikata — Tiswija ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjan ta' ħidma għandu l-ministeru għal titjib urġenti fit-toroq tal-Manikata li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Gvern Ċentrali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-preżent id-Dipartiment tat-Toroq għamel xogħol ta` `formation` f`toroq tal-Manikata HOS fejn tqiegħdu wkoll il-`mains` ta` l-ilma. Bħalissa qed jintalbu offerti biex dawn it-toroq ikunu jistgħu jiġu asfaltati. Dan ix-xogħol ikun jista jitlesta mill-kuntrattur li jiġi allokat ix-xogħol. Id-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha w x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.

San Ġiljan — Triq Birkirkara - Twaħħil ta' crash barrier

Question

Jista'l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa u immedjati biex titwaħħal crash barrier fuq il-bankina minn quddiem bieb numru 16 sa bieb numru 25 fi Triq Birkirkara, San Ġiljan, peress li jeżisti perikolu tat-traffiku kontinwu għar-residenti, speċjalment it-tfal li joqogħdu fil-post imsemmi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-lokalita ġiet spezzjonata u jidher li hemm lok li jitwaħħal xi `railing` biex jidderiġi l-`pedestrians` fil-post. Peress li dan ix-xogħol normalment isir mill-Kunsill Lokali, id-Dipartiment qed jgħaddi s-suġġeriment lill-Kunsill Lokali biex jieħu l-passi li hemm bżonn.

Toroq — Tiswija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se titkompla l-parti t'isfel ta' Triq il-Ħelsien? Meta se jsir iċ-ċint min-naħa ta' l-għalqa, biex ma tkomplix timtela' biż-żibel?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob l-Onor. Interpellant tispeċifika l-parti li qed tirreferi għaliha fil-mistoqsija parlamentari.

Qormi — Triq San Gwakkin

Question

Issa li reġgħu għaddew xhur sħaħ minn meta d-dipartiment kellu jippjana biex tittieħed l-azzjoni ħalli Triq San Gwakkin, Ħal Qormi tinbena, kif kont indikajt f'mistoqsija parlamentari preċedenti, jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol meħtieġ li tant ilu biex isir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li din it-triq qiegħda fil-programm ta` xogħolijiet li qed iħejji d-Dipartiment.