Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żabbar — Triq il-Bumunqar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata Triq il-Bumunqar, f'Ħaż-Żabbar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Triq il-Bumunqar ġiet inkluża fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed jithejja Direttorat u x-xogħol fuqha isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.

Bormla — S. Liena - Tarmac

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li tingħata t-tarmac triq żgħira fejn hemm id-djar ta' l-HOS fuq S. Liena, Bormla, liema triq qatt ma ngħatat tarmac u allura hi responsabbilta' tal-gvern?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi t-triq imsemmija ġiet inkluża fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed jithejja mid-direttorat, u x-xogħol fiha isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.

Gudja — Triq Dawret il-Gudja - pelican lights

Question

Jogħġbu l-Ministru jkun daqstant ġentili li jintervjeni sabiex jitwaħħlu pelican lights fi Triq Dawret il-Gudja, fil-Gudja quddiem l-għelieqi minħabba li din it-triq twila hija waħda li minn natura tagħha tippresta ruħha għall-overspeeding kbir da parti tal-vetturi b'periklu serju għal dawk, speċjalment residenti ta' Triq il-Burglat, Gudja jew bdiewa, li jkunu jridu jaqsmu biex jidħlu fl-għelieqi jew vice versa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita dwar it-Trasport għadha kif irċeviet talba mill-Kunsill Lokali tal-Gudja sabiex jiġu nstallati pelican lights fil-post indikat mill-Onorevoli Interpellant u fil-preżent din it-talba qegħda tiġi evalwata sabiex jiġi stabiliet x'l-aħjar li jsir.

Vetturi — Reġistrazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn vetturi reġistrati f'Malta maqsuma skond iċ-ċilindraġġ, sena ta' manifattura u ditta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din ir-risposta ma tistax tiġi mogħtija kif mitluba. Hawn taħt qed jingħataw dettalji tan-numru ta' vetturi reġistrati skond iċ-cilindraġġ mingħajr id-ditta u s-sena ta' manifattura mis-sena 2000 sal-lum. Inħoss li l-informazzjoni mitluba dwar ditta u sena ta' manifattura m'għandiex tingħata għaliex tista' tiġi meqjusa bħala informazjoni kummerċjali. Total ta' vetturi reġistrati maqsuma skond iċ-cilindraġġ mis-sena 2000 sal-lum sena sa 1300cc minn 1301cc sa 1449cc minn 1450cc sa 1500cc minn 1501cc sa 1800cc minn 1801cc sa 2000cc 2001cc il-fuq 2000 3715 2233 444 1779 2902 303 2001 2187 855 139 1381 2052 366 2002 2250 1521 654 981 1445 260 2003 2423 1531 475 572 735 336 2004 994 548 149 157 296 103

Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq — Ħlas pendenti lill-kuntratturi

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6635 u cioe' jista' jgħid kemm għandu jagħti flus f'xogħol li għamlu l-kuntratturi mqabbdin mill-gvern u li għadhom ma tħallsux u kemm tammonta l-ispiża għal kull kuntrattur sal-lum?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita ma tistax tagħti l-informazzjoni hekk kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Jien infurmat illi qabel ma jkun tlesta x-xogħol ma tkunx tista' tiġi stabilita ċifra eżatta, peress illi wara li jitlesta x-xogħol il-kuntrattur jagħti fattura li tkun tirrifletti x-xogħol kollu li jkun sar u jkun biss wara li din tiġi riveduta min-nies tekniċi ta' l-Awtorita li jkun jista' jiġi kwantifikat il-pagament.

Għawdex — Rabat - Traffic Lights

Question

Billi kull darba li l-karozzi tal-linja jiġu biex jgħaddu minn Pjazza San Franġisk għal Triq Putirjal, ir-Rabat Għawdex, qed ikun hemm konġestjoni kbira tat-traffiku, jista' il-Ministru jgħid jekk hux possibbli li jiġu stallati traffic lights jew xi sistema oħra biex ittaffi din il-problema?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Id-Direttorat għall-Immaniġġjar tat-Traffiku ser jikkuntattja lill-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex sabiex din il-problema tiġi evalwata u diskussa bl-għan li jittieħdu l-passi meħtieġa.

San Ġwann — Vjal Rihan - pelican lights

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex hemm dak id-dewmien kollu biex l-ADT jipproċessa t-talba tal-kunsill lokali ta' San Ġwann biex isiru l-pelican lights maġenb l-iskola (Vjal Rihan, Naxxar Road) minħabba l-periklu li hemm għat-tfal u l-ġenituri li jkunu jridu jaqsmu għall-iskola?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport tirċievi madwar 60 u 70 talba mill-Kunsilli Lokali kollha ta' Malta għall-pelican crossings u zebra crossings fis-sena. Il-proċedura għall-implimentazzjoni ta' dawn it-talbiet tikkonsisti f'diversi stadji. L-ewwel trid issir spezzjoni fil-post biex tiġi eżaminata n-natura tal-konflitt bejn il-vetturi u l-pedestrians kif ukoll tas-sewwieqa, skond ir-regolamenti ta' l-Awtorita. Darba ir-rikjesta tkun aċċettata jsiru preparamenti u d-diżinji neċessarji għall-implimentazzjoni. Fir-rigward tat-talba mill-Kunsill Lokali ta' San Ġwann li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, din waslet l-Awtorita fis-17 ta' Ġunju, 2004. Din it-talba għadha qed tiġi ipproċessata skond din il-proċedura, fejn wara li saret l-ispezjoni fuq il-post, fil-preżent qed isiru d-diżinji neessarji.

Tarxien — Triq Leonardu Abela

Question

Jista' il-Ministru jara li Triq Leonardu Abela f'Ħal Tarxien tingħata t-tarmac peress li tinsab fi stat ta' abbandun u ma taqax taħt il-kunsill lokali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi fil-preżent l-Awtorita qegħda tevalwa x-xogħolijiet li hemm bżonn sabiex din it-Triq titkompla.

White taxis — Permessi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li se jinħarġu l-permessi għat-taxis bojod? Jekk iva, kemm ħarġu u meta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi għalissa l-Awtorita dwar it-Trasport ta' Malta mhux qed tikkunsidra iżżid il-permessi eżistenti tat-taxis. Fil-ġimgħat li ġejjien sejjer ikun studjat l-operat ta-taxis u deċiżjoni dwar żieda lill-permessi tittieħed aktar il-quddiem.

Ħal Qormi — Triq il-Biegħa - bini ta' culvert

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-Awtorita' dwar it-Trasport dwar Triq il-Biegħa f'Ħal Qormi minħabba l-problema li l-ilma tax-xita fit-triq m'għandux fejn imur ħlief ġo Palazzo Stagno li hija proprjeta' skedata u meqjusa bħala bini ta' importanza storika? Jista' jgħid għaliex l-awtorita' injorat il-proposti mressqa mill-kunsill lokali Qormi dwar bini ta' culvert żgħir fil-bidu tat-triq sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-problema?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Tweġieba tingħata f'seduta oħra.

Żabbar — Triq il-Marloċċ - Tabelli tat-traffiku

Question

Jista' il-Minsitru jara li jsiru tabelli ġodda għat-traffiku kif ukoll is-sinjali sofor quddiem garaxxijiet u oħrajn bojod li jindikaw fejn għandu jsir il-parking fi Triq il-Marloċċ, f'Ħaż Żabbar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Minn riċerka li saret fir-records tad-Direttorat ta' l-Immaniġġjar tat-Traffiku irriżulta li ma kien hemm l-ebda talba mill-Kunsill Lokali għal dawn il-miżuri ta' Traffic Management. Għaldaqstant id-Direttorat ser jikkuntattja lill-Kunsill Lokali ta' Haż-Zabbar sabiex jara x'jista' jsir.

Toroq — Tiswija ta' bankina

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir il-bankina tat-triq li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li din taqa' taħt il-gvern ċentrali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita ser tibgħat perit f'din it-triq sabiex tara x' l-aħjar li jsir.

Għajn Dwieli — Tiswija ta' triq

Question

Jista' il-Ministru jara li tissewwa l-ħsara fit-triq li hemm maġenb il-lights ta' Għajn Dwieli qabel il-mini lejn Bormla, peress li kull karozza qed ikollha tgħaddi minn skoss kbir? Ma jidhirlux il-Ministru li dan in-nuqqas ma jikkumplimentax ix-xogħol tajjeb li sar taħt il-mini ta' Għajn Dwieli?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita dwar it-Trasport ser tibgħat perit sabiex jispezzjona din it-triq u jara x' l-aħjar li jsir biex kemm jista' jkun malajr jiġi evitat kull inkonvenjent.

San Ġiljan — Triq Andre' Maurois

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi biex Triq Andre' Maurois f'San Ġiljan tingħata l-asfalt peress li tinsab fi stat ħażin ħafna? Jista' jara li jinbena ċint fil-parti tat-triq li tagħti għall-wied, peress li din il-parti hija perikoluża speċjalment għat-tfal ta' l-inħawi? Jista' jara wkoll li t-tabella ta' l-isem tat-triq tiġi kkorreġuta peress li din hija miktuba ħażin bil-konsegwenza għall-pustiera u kull min ifittex din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita dwar it-Trasport bagħtet perit sabiex jispezzjona t-triq imsemmija u nstab li triq għandha parti minnha asfaltata u l-parti li għadha ma ġietx asfaltata ġiet inkluża fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isir mid-direttorat, liema xogħol isir aktar il-quddiem skond il-prijoritajiet. Jien infurmat illi x-xogħol mistenni jinkludi wkoll il-bini tal-ħajt imsemmi fil-mistoqsija parlamentari. Fir-rigward tat-tielet parti tal-mistoqsija, jien infurmat illi tabelli bl-ismijiet tat-toroq huma responsabilta tal-Kunsill Lokali għalhekk l-Onorevoli Interpellant humitlub jressaq l-ilment direttament lill-Kunsill Lokali.

Kuntratturi Lokali — Prezzijiet ta' Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'deċiżjoni ttieħdet mill-ministeru tiegħu dwar il-kwestjoni dwar il-prezzijiet ta' asfaltar offruti mill-kuntratturi lokali għal xogħlijiet fit-toroq li hu responsabbli minnhom il-gvern ċentrali? Kien hemm xi soluzzjoni għal din il-kwestjoni li ilha għaddejja għal aktar minn sena u bix-xogħol li jinsab wieqaf f'diversi nħawi madwar il-pajjiż?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi l-Awtorita Dwar it-Trasport xi xhur ilu irrivedit ir-rati tagħha sabiex jirriflettu aħjar il-prezzijiet reċenti tal-materjal. Sadanittant qed issir valutazzjoni tat-tenders bir-rati li kienu sottomessi sabiex tibgħat għall-kuntratturi u jippruvaw jaslu għall-kompromess. Dan il-proċess wassal sabiex diġa ingħataw numru ta' tenders. Sadanittant fil-jiem li ġejjien mistennija ssir laqgħa mal-kuntratturi fejn fost l-oħrajn ser tiġi spjegata il-formula li ġiet użata mill-Awtorita biex waslet għar-rati l-ġodda.

St Dorothy's Convent School — Xogħlijiet fit-Toroq

Question

B'riferenza għax-xogħlijiet fit-toroq li qed isiru fl-arterja prinċipali li hemm biswit l-iskola ta' St Dorothy's Convent School fi Triq Imdina, Ħaż-Żebbuġ, jista' il-Ministru jgħid hux possibbli li l-karreġġjata li s-soltu twassal għall-entrance gate għall-istess skola tiġi pavimentata mill-aktar fis possibbli, jew definittivament jew proviżorjament, billi t-traffiku minn u għal ġo l-iskola qed jgħaddi kollu mill-exit gate ta' l-istess skola bil-konsegwenza li qed tinqala' konfużjoni sħiħa ta' vetturi privati u ta' l-iskola deħlin u ħerġin mill-istess gate u bil-konsegwenti konfużjoni fil-parking grounds ta' l-istess skola ta' vetturi privati u ta' l-iskola li jsibu diffikultajiet kbar biex jimmanuvraw?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi fil-ġranet li għaddew l-Awtorita dwar it-Trasport illivelat il-karreġġjata li tagħti għall-entraturi ta' l-iskola ta' St Dorothy barra minhekk fil-ġranet li ġejjien sejjer jingħata wiċċ temporanju f'din il-karreġġjata li tista' tintuża b'sikurezza mill-vetturi kollha li jkunu deħlin u ħerġin mill-iskola. Sadanittant l-Awtorita ħadet il-passi meħtieġa biex sa mill-bidu tas-sena skolastika jintbgħat enforcement officer quddiem l-entratura ta' l-iskola sabiex jiġi evitat kull inkonvenjent.

Tigne' — Triq tax-Xatt

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6733 u cioe' jgħid jekk jistax ikun hemm aċċess għal dik il-parti tax-Xatt ta' Tigne' li tinsab magħluqa minn fejn hemm il-lukanda Fortina għal skop ta' sajd minn fuq il-moll billi hemm min għandu dan id-delizzju u ilu snin twal jipprattikah?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Id-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku huwa nfurmat li din iż-żona hija żona ta' kostruzzjoni u għalhekk, għal fini ta' sigurta, dan it-tip ta' aċċess mhux rakkomandabli għal żmien temporanju sakemm jitlestew ix-xogħolijiet.

Pembroke — Triq bejn Triq San Patrizju u trejqet Don G Miriti

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-triq li tinsab bejn Triq San Patrizju taqsam għal ġo trejqet Don G Miriti f'Pembroke saritx mid-dipartiment tat-toroq u jekk hemmx permess, peress li jista' jagħti l-każ li ħafna ilma tax-xita li jkun ġej mit-toroq ta' fuq se jibqa' sejjer lejn il-housing estate?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi t-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant kienet saret mill-Gvern Ċentrali żmien ilu u għalhekk il-manutenzjoni tagħha hija responsabilita tal-Kunsill Lokali. Madankollu l-Awtorita dwar it-Trasport għaddiet l-ilment tal-Onorevoli Interpellant lill-Kunsill Lokali sabiex jara x' l-aħjar li jsir.

Proġetti ta' bini ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-iskema ta' proġetti ta' bini ta' toroq bejn il-gvern u l-kunsilli lokali għal massimu ta' Lm75,000 ġiet imwaqqfa? Hemm xi ħsieb li titnieda xi skema simili fil-futur?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 6611 kont għidt li mhux il-ħsieb li jingħataw kuntratti lill-Kunsill Lokali. Fir-risposti supplementari li kont tajt hemm indikati r-raġunijiet bħal :- - raġunijiet ta' budgeting - kontrol tal-kwalita - kontrol ta' l-ipprogrammar - kontrol tal-kwalita' - kontrol fl-ippjanar

Triq li tagħti mill-Mosta għall-Bidnija — Tiswija ta' pont

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġi rranġat il-pont li hemm fit-triq li tagħti mill-Mosta għall-Bidnija, li jinsab f'qagħda perikoluża ħafna tant li hemm biża' li dan se jikkollassa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li dan il-pont rega' ġie spezzjonat tlett ġimgħat ilu fejn ġie stabbilit li ma huwiex fil-periklu imminenti li jikkollassa. Minkejja dan, qed isiru xogħolijiet temporanji mid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet sabiex jipprevenu id-deterjorament tas-sitwazzjoni. Sadanittant, id-Direttorat tat-Toroq qed jipprepara stima sabiex isiru x-xogħolijiet ta' manutenzjoni u infurzar neċessarji.