Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sports Fund

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu jeżisti l-isports fund? Jista’ jagħti rendikont ta’ dħul u ħruġ tal-istess fond matul l-aħħar ħames snin, sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fond għall-Isport ilu jeżisti sa minn qabel daħal fis-seħħ l-Att Dwar l-Isport fl-2002. Infatti Artikolu 19(1) jistipula li “il-fond li immedjatament qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att kien imsemmi "Fond għall-Isport" u li kien amministrat mill-Kunsill Malti għall-Isport għandu jiġi vestit fil-Kunsill u għandu jibqa’ jiġi msejjaħ "Fond għall-Isport"”. L-istess artikolu f’sub-artikolu (3) ikompli jgħid li “il-Fond għall-Isport għandu jkun utilizzat primarjament għall-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ faċilitajiet sportivi u għal dawk l-iskopijiet l-oħra li jaqgħu taħt il-funzjonijiet tal-Kunsill skont kif il-Ministru jista’ jawtorizza minn żmien għal żmien”. It-tagħrif mitlub fit-tieni parti tal-mistoqsija qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Malti għall-Isport – ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema mal-Kunsill Malti għall-Isport li huma ħaddiema taċ-ċivil, maqsuma skont il-grad?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel Sekondarju u Junior Lyceums — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'nuqqasijiet ta' għalliema hemm fi skejjel sekondarji u Junior Lyceums u f'liema suġġetti? X'qed isir biex jimtlew dawn il-vakanzi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li bħalissa mhemm ebda vakanza ta' għalliema fi skejjel sekondarji u Junior Lyceums.

ETC – studenti li bbenefikaw minn skemi għax-xogħol f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar 2012 sal-lum kemm studenti bbenefikaw minn skemi tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) biex jingħataw opportunità ta' xogħol ma' kunsilli lokali jew għaqdiet non governattivi f'Għawdex? F'kull każ jista' jelenka l-kunsilli lokali jew għaqdiet non governattivi li magħhom ingħataw din l-esperjenza u f'kull każ għal kemm sigħat jew ġranet kienet twila?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC) m'għandhiex skema tat-tip li qed jistaqsi l-Onor. Interpellant.

Eżamijiet taċ-Ċivil

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li qagħdu għal kull wieħed mill-eżamijiet taċ-Ċivil li saru dan l-aħħar? Kemm kien in-numru ta' dawk li għaddew minn kull wieħed minn dawn l-eżamijiet, u x'persentaġġ kien jikkostitwixxi dan in-numru min-numru totali ta' dawk li qagħdu għall-eżami?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kulleġġi – popolazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inhi fil-preżent il-popolazzjoni ta’ kull kulleġġ skola bi skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra listi li juru kif inhi fil-preżent il-popolazzjoni ta' kull kulleġġ skola bi skola.

Popolazzjoni fil-kulleġġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif hija ppjanata li tkun il-popolazzjoni ta’ kull kulleġġ wara li tiġi rriorganizzata l-formazzjoni tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-pjan hu li l-għadd ta' studenti f'kull Kulleġġ ikun mifrux b'mod aktar ekwu. Bħalissa hemm diskrepanza bejn il-Kulleġġi f'dan ir-rigward. L-iżgħar Kulleġġ għandu 1879 student, filwaqt li l-akbar għandu 4333 student. Il-pjan hu li jkun hemm tqassim aħjar.

Skejjel primarji u Sekondarji – popolazzjoni medja ta’ studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-popolazzjoni medja ta’ studenti fil-primarja u fis-sekondarja b’mod separat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3146.

Klassijiet – medja ta’ studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iqiesx il-mejda ta’ studenti f’kull klassi bħala waħda ideali? Jekk le, jista’ jgħid xi pjanijiet għandhu biex iqarreb lejn is-sitwazzjoni ideali? Sa meta se jiġu fis-seħħ dawn il-pjanijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun iżjed speċifiku fid-domanda tiegħu.

Numru ideali ta’ studenti fi klassijiet — impatt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif, xi pjanijiet li jista’ għandu biex iżomm rata ta’ studenti ideali f’kull klassi tista’ timpatta in-numru ta’ klassijiet, għalliema, u spiża neċessarja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jipprova li waqt li jżomm in-numru ta' studenti fi klassi raġonevoli u addattat għal tagħlim ta' kwalità, jieħu wkoll inkonsiderazzjoni id-daqs tal-klassijiet fl-iskola kkonċernata, l-ispazju disponibbli ġo skola, in-numru ta' għalliema li jistgħu jiġu ngaġġati u anke l-ispiża finanzjarja. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jagħmel ħiltu kollha biex jinstab bilanċ bejn dawn il-fatturi.

Skejjel primarji – nefqa totali fuq kull student

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi n-nefqa totali fis-sena fuq kull studenti tal-iskejjel primarji? X’qed tinkludi din in-nefqa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li d-Direttorati tal-Edukazzjoni, mitluba jistmaw dan it-tagħrif, qalu li mhumiex f'pożizzjoni jwieġbu din id-domanda. S'issa l-baġit edukattiv kif jinħadem ma jagħtix dan it-tagħrif awtomatikament u dan l-eżerċizzju għad irid jibda jinħadem. Nemmen li eżerċizzju bħal dan għandu jsir. L-uniku studju li naf bih jien li jersaq biex jagħti tagħrif simili huwa dak ikkummissjonat mill-iskejjel indipendenti dwar in-nefqa fuq l-istudenti fis-setturi edukattivi statali, tal-knisja u indipendenti iżda dan l-istudju mhuwiex fid-dominju pubbliku.

Skejjel – Attivitajiet bi qliegħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx skejjel tal-Gvern fit-12-il distrett li għandhom permessi biex ikunu jistgħu jorganizzaw attivitajiet li minnhom ikollhom qliegħ finanzjarju? Jekk iva liema huma dawn l-iskejjel u x'attivitajiet organizzaw matul dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti fuq il-programm Erasmus

Question

Peress li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament kienet nominata fuq il-programm Erasmus għall-Università ta’ Nottingham, u peress li din is-sena erba’ studenti ġew magħżula iżda tnejn minnhom biss se jieħdu l-fondi (il-persuna msemmija u oħra huma esklużi), jista’ l-Ministru jgħid għalfejn, peress li fis-snin li għaddew l-erba’ studenti magħżula kollha kienu rċevew il-fondi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li fi Frar tal-2013, l-Università ta’ Malta irċeviet 408 applikazzjoni mingħand studenti interessati li jipparteċipaw fil-programm Erasmus matul is-sena akkademika 2013/14. Fuq il-bażi ta’ kriterji akkademici u ta’ eliġibilità tal-programm, intagħżlu 394 student għas-sena 2013/2014 u li minnhom 190 ġew allokati fond ta’ għajnuna jew grant, waqt li 201 tpoġġew fuq reserve list fuq raġuni ta’ nuqqas ta’ fondi u/jew placement barra. L-Università ta’ Malta ġiet allokata fondi li jammontaw għal €455,625.00 biex jitqassmu lil 150 student taħt l-iskema Erasmus Student Mobility Studies u €81,000 biex jitqassmu lil 40 student taħt l-iskema Erasmus Student Mobility Placement. L-istudenti jiġu kklassifikati wara xulxin skont il-prestazzjoni akkademika tagħhom u reserve lists jinħadmu għal-kull kors skont kriterji stabbiliti. L-ammont ta’ studenti li jitpoġġew fuq reserve list jiddependi minn kemm ikun hemm fondi u placements. L-Università irċeviet total ta’ 14-il applikazzjoni għal mobilità Erasmus minn studenti li qed isegwu id- Diploma in Health Science with Nursing Studies u li minnhom l-ewwel tnejn ġew allokati fondi waqt li l-oħrajn tpoġġew fuq reserve list . B’referenza għall-persuna li dwarha ingħataw dettalji, din ġiet fit-tielet post (li huwa l-ewwel post fuq ir- reserve list ) u ħadet id-deċiżjoni li tipparteċipa xorta fil-programm mingħajr ma tingħata fondi mill-programm Erasmus. L-istudenti li jiddeċiedu li jipparteċipaw fil-programm mingħajr ma jirċievu fondi xorta jingħataw id-drittijiet kollha bħala studenti Erasmus. L-Università għaddejja b’ħidma kontinwa biex tassigura li meta jirtira student, il- placement u il- grant tiegħu jintiret mill-istudent li jmiss fuq ir- reserve list biex taċċerta li ma jintilfux il-fondi. Naħseb li għandna nimpenjaw irwieħna biex nieħdu l-passi meħtieġa biex iżjed studenti jgawdu minn dawn il-programmi tal-Unjoni Ewropea.

Ftehim ma’ għaqdiet sportivi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2993, jista’ l-Ministru jgħid allura x’qal fil-verità s-Segretarju Parlamentari fil-laqgħa msemmija ġaladarba kien indikat fir-risposta li ġie kkwotat ħażin? Jekk fil-verità ġie kkwotat ħażin, saret kjarifika mal-mezzi tax-xandir dwar dan?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li s-Segretarju Parlamentari ikkritika lill-Gvern preċedenti għall-mod kif iffirma l-memoranda ta’ ftehim bl-għaġġla, bla studju jew ippjanar, u mingħajr ma tqiesu sew l-interessi tal-għaqdiet sportivi. Huwa semma għaqdiet benefiċjarji li lmentaw miegħu li mhumiex f’pożizzjoni li jużaw l-artijiet inkwistjoni b’mod sostenibbli. Huwa għamilha ċara li l-mod kif se jimxi dan il-Gvern huwa li jaħdem ma’ dawn l-istess l-għaqdiet sabiex ma tintilef l-ebda opportunità li minnha jistgħu jgawdu d-dilettanti sportivi.

Għaqdiet Sportivi – sidien tal-art

Question

B'referenza għall-artiklu li deher fuq l-ewwel u t-tielet paġna tat-Torċa ta' nhar il-Ħadd 30 ta' Ġunju u rapport imxandar fuq One News dwar l-istess artiklu, jista' l-Ministru jgħid min fil-Kunsill Malti għall-Isport huwa responsabbli li jagħmel riċerka fuq l-artijiet, fosthom biex ikun stabbilit min hu sid l-art, qabel dawn jgħaddu għand l-għaqdiet sportivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li meta tiġi segwita korrettament, il-proċedura biex art tgħaddi għand għaqda sportiva hija kif se nsemmi: 1. L-għaqda sportiva innifisha tkun identifikat is-sit jew qablet mal-Kunsill Malti għall-Isport li s-sit identifikat huwa wieħed adekwat għall-użu sportiv tal-għaqda sportiva in kwistjoni. 2. Il-Kunsill Malti għall-Isport jagħmel talba lid-Dipartiment tal-Artijiet biex is-sit in kwistjoni li jkun jidher fuq il-pjanta provduta mill-organizzazzjoni sportiva innifisha, jiġi mgħoddi lill-Kunsill Malti għall-Isport bħala Sports Designated . 3. Id-Dipartiment tal-Artijiet jagħmel ir-riċerki u proċessi kollha meħtieġa, inkluż imma mhux limitat għal jekk is-sit in kwistjoni huwiex propjeta’ tal-Gvern, jekk huwiex okkupat minn ħaddieħor u affarijiet relatati oħra bħal qwiebel, eċċ. biex jiddetermina jekk din l-art tistax tgħaddi għand il-Kunsill Malti għall-Isport. 4. Sussegwenti għall-proċess kollu, joħroġ Avviż Legali li jkun qed jiddikjara s-sit deskritt fl-istess Avviż Legali u fil-pjanta ppublikata mal-istess Avviż Legali bħala propjeta’ tal-KMS u li qed tiġi ddikjarata bħala Sports Designated . Dan l-Avviż Legali ma jkunx preparat mill-Kunsill Malti għall-Isport. 5. Wara li l-Kunsill Malti għall-Isport jiġi infurmat illi s-sit għadda għandu, l-istess Kunsill jibda l-proċess biex jittrasferixxi s-sit għand l-għaqda sportiva. 6. Wara li jiġi abbozzat kuntratt minn Nutar Pubbliku, dan jiġi ffirmat mill-Kunsill Malti għall-Isport u l-għaqda sportiva, fejn sussegwentement jiġi intavolat mis-Segretarju Parlamentari fil-Parlament għall-iskrutinju tal-Membri Parlamentari, fejn idum aċċessibli għal tali skrutinju għal 28 ġurnata. Wara l-iskadenza ta’ dan il-perjodu, il-kuntratt jidħol fis-seħħ. Għaldaqstant l-ebda persuna fil-Kunsill Malti għall-Isport mhi responsabbli tagħmel riċerka fuq l-artijiet, fosthom biex ikun stabbilit min hu sid l-art, qabel dawn jgħaddu għand l-għaqdiet sportivi. Dan minħabba l-fatt li dak ix-xogħol isir mid-Dipartiment tal-Artijiet.

Skejjel pubbliċi — Rapporti dwar bullying

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm waslu rapporti għand il-Ministeru ta' każijiet ta' bullying fi skejjel pubbliċi f'dawn l-aħħar snin fil-livelli varji edukattivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra hemm in-numru ta' allegati każijiet ta' bullying li ġew irrapportati lis-Servizz ta' Kontra l-Ibbuljar li jagħmel parti mis-Safe School Programme fi ħdan is-Servizzi Edukattivi Psikosoċjali tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi matul dawn l-aħħar erba' snin waqt is-sena skolastika. Ninsab infurmat ukoll li f'dawn l-aħħar snin fl-MCAST ġie rrappurtat każ wieħed ta' bullying.

Iż-Żejtun – kindergarten — tapit

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1793, jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni jekk dan ix-xogħol hux se jsir matul is-sajf li ġej?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li hemm tender rigward dan ix-xogħol li ġiet ippubblikata fl-14 ta' Ġunju 2013. Wara li tiġi aġġudikata u tingħata l-Letter of Acceptance jkun jista' jinbeda x-xogħol possibilment fil-vakanzi tas-sajf.

Middle schools – sistema tal-co-ed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux maħsub li l-middle schools jaddottaw is-sistema co-ed minn kif jiftħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li huwa l-ħsieb li l-Middle Schools jaddottaw is-sistema co-ed - jekk il-Kulleġġ fejn jiddaħħlu jaqbel.

Introduzzjoni ta’ middle schools

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-introduzzjoni tal-middle schools hix se tkun obligatorja biss għall-iskejjel tal-istat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-middle schools se jkunu ntrodotti fl-iskejjel tal-Istat. Xi skejjel mhux tal-Istat ilhom snin twal bil-middle school. Oħrajn jistgħu jaddottawha jekk jixtiequ.