Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kwistjoni fuq post — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi kkuntattajat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament minħabba kwistjoni dwar post li dwaru hemm imkjesta pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jidderieġi l-persuna konċernata tkellem avukat tal-fiduċja tagħha sabiex tieħu parir dwar id-drittijiet li hija għandha, inkluż li tagħmel rikors fejn tressaq it-talba tagħha għall-konsiderazzjoni tal-Qorti. L-Onor. Interpellant jifhimni u ċert li japprezza li fir-rwol tiegħi m'huwiex deżiderabbli li b'xi mod nuri xi interess f'inkjesti li għadhom pendenti.

Il-Belt – Financial Statements tal-Kunsill lokali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Financial Statements tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għas-snin 2013 u 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-Rapport tal-2013. Għar-rigward ir-Rapport tal-2014, dan ir-rapport għadu ma wasalx għand l-Awditur Ġenerali. Nissolleċita lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li jirregola ruħu kemm jista’ jkun malajr.

Il-Ħamrun – Financial Statements tal-Kunsill lokali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Financial Statements tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun għas-snin 2013 u 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inqiegħed l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Furjana – Financial Statements tal-Kunsill lokali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Financial Statements tal-Kunsill Lokali tal-Furjana għas-snin 2013 u 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inqiegħed l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tal-Pietà – Financial Statements tal-Kunsill lokali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Financial Statements tal-Kunsill Lokali tal-Pietà għas-snin 2013 u 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inqiegħed l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Santa Venera – Financial Statements tal-Kunsill lokali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Financial Statements tal-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera għas-snin 2013 u 2014?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inqiegħed l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — nefqa fuq reklamar u informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21337 u jgħid x'kienet in-nefqa fuq kampanji ta' reklamar u informazzjoni mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti din l-informazzjoni sena b'sena mill-2013 'l hawn, entità b'entità u dipartiment b'dipartiment?

Response (BONNICI, OWEN)

M’għandi xejn x’inzid mat-tweġiba li tgħajt għal mistoqsija parlamentari numru 21414.

Tribunal Lokali tax-Xlokk – kera għall-uffiċċju fiż-Żejtun

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-kera li qed titħallas għall-ispazju okkupat mit-Tribunal Lokali tax-Xlokk li jinsab fiż-Żejtun? Lil min qed titħallas u meta bdiet titħallas? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt relattiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kera mħallsa għas-sena 2015 hija ta’ €1304,56 kull xahar. Liema kera tiżdied bi 3% kull sena. Il-kera titħallas lill-Kunsill Lokali taż-Żejtun u ilha titħallas minn meta beda jopera t-Tribunal, l-ewwel mill-Kumitat konġunt u wara mir-Reġjun. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt relattiv datat is-sena 2005 li ġie mġedded skont it-termini tal-Kuntratt.

VAT — Persuni l-ħabs wara li naqsu li jħallsu multa jew penali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna marret il-ħabs fl-2015 talli kellha l-multa jew penali tal-VAT konvertita fi priġunerija wara sentenza mill-Qrati tagħna?

Response (BONNICI, OWEN)

Din hija lista ta’ multi jew penali tal-VAT li ġew konvertiti fi priġunerija bejn is-snin 2010 u 2015 fil-Qorti ta’ Malta (Fir-rigward tal-Qorti ta Għawdex ma tinżammx statistika dwar kemm-il-persuna kellhom il-multa jew penali tal-VAT konvertita fi priġunerija) : · 2010 – 124 · 2011 – 235 · 2012 – 319 · 2013 – 225 · 2014 – 136 · 2015 - 104 Ma jfissirx li effettivament il-persuni kollha ndikati marru l-ħabs. Fil-fatt kien hemm 5 persuni li marru effettivament il-ħabs fl-2015, fejn dawn kienu kollha minn Malta. F’kull każ dawn il-5 persuni ngħataw opportunita’ u żmien li jagħmlu l-ħlas in kwistjoni.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – karozza uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozza uffiċjali li kien juża l-Ministru responsabbli minn dan il-qasam bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013 kenitx tinkera jew kenitx mixtrija mill-Gvern? Jista’ jgħid ta’ liema mudell kienet il-karozza? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża xahar b’xahar matul l-istess perjodu f’każ li kienet mikrija? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża f’każ li l-karozza kienet inxtrat mill-Gvern u meta nxtrat? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswija li saru fuq din l-istess karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kiri ta’ karozzi li ntużaw minflokk il-karozza uffiċjali matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u kemm intuża petrol jew diesel bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, xahar b’xahar b’mod separat, għall-karozza/i li għamel użu minnhom il-Ministru?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Ħal Qormi — gandott

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17806, jista’ l-Ministru jara li jitranġa gandott li jinsab fi Triq Kardinal Xiberras Ħal Qormi peress li qiegħed joħloq inkonvenjent bl-istorbju li jagħmel bil-lejl meta jgħaddu l-karozzi minn fuqu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi vverifika l-informazzjoni fil-mistoqsija parlamentati, fejn ma nstab l-ebda gandott fi Triq il-Kardinal Sciberras. Madankollu, jassumi li l-mistoqsija qed tirreferi għal trinek tal-WSC li saru matul iż-żminijiet u li għalkemm ġew re-instated, f’uħud minnhom it-tarmak niżel ftit. Għaldaqstant il-Kunsill se jkun qed jitlob l-intervent tal-WSC sabiex jirranġa x-xogħol ta’ trinek li wettaq f’din it-triq.

Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali – petrol u diesel — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21634 u jgħid kemm intuża petrol u diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti, għall-karozza li juża s-Segretarju Parlamentari fl-uffiċċju tal-istess Ministru minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015? Jista’ jgħid ukoll kemm intuża petrol u/jew diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti għat-tieni karozza u karozzi oħra li juża s-Segretarju Parlamentari fl-uffiċċju tal-istess Ministru, jew xi ħadd awtorizzat minnu, minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – petrol u diesel — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21633 u jgħid kemm intuża petrol u diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti, għall-karozza li juża l-istess Ministru minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015? Jista’ jgħid ukoll kemm intuża petrol u/jew diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti għat-tieni karozza u karozzi oħra li juża l-istess Ministru, jew xi ħadd awtorizzat minnu, minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Manuskritti oriġinali bil-partitura tal-mużika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx li l-manuskritti oriġinali tal-partitura tal-mużika komposta mill-mibki Maestro Carmelo Pace għall-opri tiegħu ‘Caterina Desguanez’, ‘I Martiri’, ‘Angelica’ u ‘Ipogeana’, ġew mgħoddija lit-Teatru Manoel permezz tal-Att Notarili tat-13 ta’ Ottubru 1988? Jaf li dan it-trasferiment kellu bħala kondizzjoni li t-Teatru Manoel ifittex li kultant żmien jara li tiġi esegwita xi waħda minn dawn l-opri ta’ wieħed mill-aqwa kompożituri Maltin tas-seklu għoxrin? Jaf li l-istejjer li huma s-suġġett ta’ dawn l-erba’ opri huma marbuta mal-istorja u fil-każ tal-opra ‘Ipogeana’mal-preistorja ta’ pajjiżna? Jaqbilx li jkun sewwa kieku t-Teatru Manoel jieħu ħsieb li tiġi esegwita xi waħda mill-opri msemmija u b’hekk ikun qeda l-obbligu li ntrabat bih fl-Att tat-13 ta’ Ottubru 1988? Jarax ukoll is-siwi li l-produzzjoni tiġi mtennija fl-okkażjoni tas-sena li fiha l-Belt Valletta tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura?

Response (BONNICI, OWEN)

It-Teatru Manoel jista jikkonferma li l-manuskritti oriġinali tal-partitura tal-mużika komposta mill-mibki Maestro Carmelo Pace għall-opri tiegħu ‘Caterina Desguanez’, ‘I Martiri’, ‘Angelica’ u ‘Ipogeana’ jinstabu fil-librerija tal-Orkestra Nazzjonali u mhux f’tagħha. Il-kondizzjoni li tiġi esegwita xi waħda minn dawn l-opri ma’ tistax tiġi obligata mit-Teatru Manoel minħabba l-fatt li, minbarra li dawn l-opri jirrikjedu fondi sostanzjali biex jittellaw, huma wkoll produzzjonijiet kbar għad-daqs tal-palk tal-Manoel. Biex dawn il-produzzjonijiet jiġu mtennija b’mod li jagħtu ġieħ lil-mużika u l-kompożitur irid jinstabu fondi speċjali u lokal adattat għalihom.

San Ġiljan u Tas-Sliema – advertising boards mal-bankini

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21111, jista’ l-Ministru jgħid jekk ħarġux xi tenders għal dawk l-advertising boards mal-ġnub tal-bankini f’diversi lokalitajiet, fosthom San Ġiljan u Tas-Sliema? Jekk ħarġu tenders, minn min intrebħu? Il-kunsilli għandhom xi sehem minnhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsilli Lokali ta’ San Ġiljan u ta’ Tas-Sliema li ma hemm l-ebda proċess ta’ tendering għal reklamar fuq l-advertising boards fiż-żewġ lokalitajiet, iżda għandhom bye-laws apposta f’dan ir-rigward. Il-Kunsilli jirċievu talbiet mingħand terzi sabiex jirreklamaw fuq dawn l-advertising boards. Il-Kunsilli joħorġu l-permess meħtieġ waqt li jintalab il-ħlas skont il-bye-law konċernata.

Qrati — Proġett pilota fis-sistema ta’ notifiki

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’benefiċċju qed jinħass bl-implimentazzjoni ta’ proġett pilota fis-sistema ta’ notifiki fl-awli taż-żewġ membri tal-Ġudikatura li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Waħda mill-affarijiet li tikkawża dewmien fil-proċeduri kriminali hija l-kwistjoni tan-notifika, ċioe’ biex akkużat jew imputat jew xhud jirċievi d-dokumentazzjoni neċessarja biex jitla’ l-Qorti. Nazzarda ngħid li kultant in-nies iktar jiġu frustrati li jitilgħu l-Qorti għalxejn għaliex xhud jew imputat jew akkużat ma jkunx instab milli għaliex ma jingħatawx raġun mat-tmiem tal-proċeduri ġudizzjarji. Għandhom raġun biex ibiegħu. Għalhekk il-Gvern ħa d-deċiżjoni li jtejjeb is-sistema u beda billi implimenta s-sistema l-ġdida l-ewwel f’awla waħda u mbagħad f’awla oħra. Is-sistema l-ġdida rat bidla fil-liġi kif issir in-notifika, sistema ġdida tal-IT li tagħmel tracking ta’ kull stadju tal-proċess u kif ukoll bidla on the ground minn min fiżikament jagħmel in-notifika. Irrid ngħid li kellna riżultati tajbin ħafna. Bħala regola ġenerali il-kawżi qed jiġu notifikati kollha kemm huma. S’intendi, ma jfissirx li għaliex bniedem jiġi notifikat bilfors dan se jitla’ għas-seduta għaliex ikun hemm min jagħzel li jisfida l-liġi u ma jitlax xorta waħda bil-konsegwenza li mbagħad jinħariġlu mandat t’arrest. Biss il-fatt li prattikament il-kawzi kollha f’dawn iż-żewġ awli qed jiġu notifikati statistikament wassal għal iktar qtugħ ta’ kawzi u iktar imputati qegħdin jidhru quddiem il-Maġistrati konċernati. B’hekk is-sistema qegħda tkun aktar effiċċjenti b’inqas dewmien u differimenti bla bżonn. Is-sistema indrat tajjeb kemm mill-akkużati u anke mill- avukati. Irrid ngħid ukoll li vantaġġ ieħor ta’ din is-sistema hi li kulħadd jiġi mgħajjat fis-seduta bil-ħin benefiċċju kemm għall –akkużati mhux jagħmlu nofs ta’ nhar Qorti kif ukoll għall-avukat illi jkun jista jiskeda l-ġurnata tiegħu aħjar. Tibqa’ l-isfida ta’ dawk li minkejja li jiġu notifikati jagħzlu li jisfidaw il-Qorti u ma jitilgħux. Jiena għamilt stedina lill-Oppozizzjoni sabiex flimkien indaħħlu l-prinċipju – bis-salvagwardji kollha meħtieġa u fil-proċeduri kriminali bl-inqas konsewgenzi serji - li bniedem jekk notifikat tista’ tinstema’ l-kawza tiegħu in absentia. Sal-lum sfortunatament għad m’għandix risposta.

Qasam tal-Ġustizzja – riforma ħolistika

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ x’miżuri saru s’issa biex tiġi implimentata riforma ħolistika fil-qasam tal-Ġustizzja?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Gvern embarka mill-ewwel fuq riforma ħolistika fil-qasam tal-Ġustizzja sabiex iwettaq wegħda kruċjali fil-manifest elettorali. Ma nħela ebda żmien u immedjatament appunta Kummissjoni ta’ esperti bil-għan li toħroġ proposti għal titjib fil-qasam tal-Ġustizzja u fil-fatt gew promulgati 450 proposta li issa qed jiġu implimentati b’mod spedit iżda ordnat. Uħud mill-proposti ġew varjati wara konsultazzjoni ulterjuri mal-istakeholders. Waħda mill-isfidi l-aktar kruċjali kien in-nuqqas ta' spazju fil-Qrati li kien qed joħnoq kull prospett ta’ żvilupp fir-riżorsi umani f’dan is-settur tant kruċjali fid-demokrazija. Dan il-Gvern investa f’refurbishment totali ta’ binja fil-Belt Valletta u f'Ottubru 2014 il- Binja St. Thomas More ġiet inawgurata. B’hekk inħoloq spazju fiżiku ġdid iwitti t-triq għal żieda, matul iż-żmien u b'mod studjati, tar-riżorsi umani. Eżempju ċar huwa li issa l-amministrazzjoni tal-Qorti tista’ tippjana u żżid tliet awli ġodda u b’hekk jiżdiedu s-seduti tal-qorti. Għadd ta’ sistemi teknoloġiċi u proċedurali ġodda ġew introdotti biex inaqqsu l-burokrazija u dewmien fil-Qrati Ċivili. Dawn jinkludu: 1. Informazzjoni mibgħuta lill-avukati u l-klijenti permezz ta 'SMS b'xejn fil-każ ta differiment fil-Qrati Ċivili; 2. Servizz b'xejn ta’ emails mibgħuta lill-avukati bid-digrieti mill-Qrati Ċivili; 3. Servizz b'xejn ta’ emails mibgħuta lill-avukati bit- transcripts tal-istqarrijiet tax-xhieda; 4. Servizz b'xejn ta’ emails mibgħuta lill-avukati u lill-prokuraturi legali b'informazzjoni dwar jekk it-taħrika tax-xhieda tkunx pożittiva jew negattiva; 5. Aċċess online b’xejn għall-professjonisti legali għall-atti, warrants u informazzjoni dwar kawża fil-qorti ċivili; 6. Aċċess Online mingħajr ħlas mogħti liċ-ċittadin biex jara atti relatati mal-każ tiegħu; 7. Video-conferencing għall-kumpilazzjoni tax-xhieda f’awla waħda meta dan ikun hekk meħtieġ; 8. FAQ dwar il-portal web tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali; 9. E-filing tal-applikazzjonijiet għat-Tribunal għal Talbiet Żgħar u l-Appelli minn dawk id-deċiżjonijiet - estiż ukoll għal applikazzjonijiet quddiem it-Tribunal għar-Reviżjoni Amministrattiva. Parir kostanti kien illi wieħed isegwi para f’ġurisdizzjonijiet barranin u jitgħallem mill-esperjenza tagħhom. F’ġurisdizzjonijiet barranin, meta l-Ġudikatura tkun rinffaċċata b’backlog ta’ każijiet, il-Qorti tinvesti fl-ingaġġ ta’ avukati tal-qorti full time u ta’ esperjenza biex jghinu lill-imħallfin bir-riċerka u l-abbozzar preliminari tas-sentenzi. Il-Gvern iddeċieda li jimplimenta riforma simili. Fil-fatt fl-aħħar xhur, kull imħallef fil-Qrati Ċivili ngħata avukat full-time b’esperjenza magħżul mill-Ġudikatura nnifisha, bid-dmir li jassisti lill-imħallef fl-abbozzar ta' sentenzi b’performance indicators ċari; tfassil ta’ memoranda fuq kawżi pendenti, u jassisti lill-Imħallef fl-abbozzar ta' ordnijiet tal-qorti. Implimentajna rakkomandazzjoni speċifika li għandha twassal għal titjib fl-Għajnuna Legali. L- Ordni Dwar It-Twaqqif Tal-Aġenzija Tal-Għajnuna Legali (Avviż Legali 414 tal-2014) li ġiet adottata fit-28 ta’ Novembru 2014, stabbilixxiet għall-ewwel darba Aġenzija Għajnuna Legali (Għajnuna Legali Malta) li tkun responsabbli għal u li jamministra l-provvista tas-servizz tal-għajnuna legali fl-oqsma kollha fejn dan ikun meħtieġ. Matul l-2015, l-arranġamenti meħtieġa saru sabiex jinagħtaw ir-riżorsi meħtieġa għall-ġestjoni effettiva u effiċjenti tal-Aġenzija Għajnuna Legali. L-iżvilupp ewlieni huwa l-istabbiliment ta’ one-stop shop għal kull persuna li tixtieq tapplika għall-għajnuna legali. L-Aġenzija Għajnuna Legali, barra minn hekk, tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-avukati ta' għajnuna legali u l-prokuraturi legali li joperaw f'Malta u Għawdex, inkluż il-ħlas ta' allowances tagħhom b’mod awtonomu mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kif kien isir qabel. Il-Gvern investa wkoll fil-ħolqien ta’ direttorat ġdid, separat mill-Qorti, li jiffoka fuq il-Qasam tal-Ġustizzja. Waħda mill-funzjonijiet ta’ dan id-direttorat huwa li jkejjel il-performance tal-Qrati tagħna abbazi ta’ metodi stabbiliti fi ħdan il-Kunsill ta’ l-Ewropa (senjatament is-CEPEJ). Dan id-Direttorat applika it-tagħlim li ġej mis-CEPEJ għall-istatistika f’pajjiżna u b’hekk issa għandna kriterji oġġettivi sabiex wieħed ikun jaf fejn sejjer. L-istatistika ġiet imtejba u mqiegħda fuq is-sit pubbliku tal-Qorti sabiex kulħadd ikun jista’ josserva l-andament tal-Qrati tagħna. Għall-ewwel darba mill-2011, il-clearance rate u d-disposition time tal-Qrati Ċivili u Kriminali ġew kkalkulati, u fil-każ tal-qrati ċivil dawn saru disponibbli online. Barra minn hekk, qedgħin jiġu studjati parametri ta' effiċjenza fuq bażi trimestrali sabiex tiġi żgurata iskoperta bikrija ta' xejriet negattivi. Analiżi interna ta' tali dejta għenet biex jiġu identifikati oqsma li fihom kienu meħtieġa aktar riżorsi, kif ukoll, jiġu enfasizzati oqsma fejn kienu meħtieġa emendi legali. Dan wassal għal riżultati pożittivi. Fl-2014, it-tqabbil annwali tal-effiċjenza fil-qrati ċivili jindikaw li t-Tribunal għal Talbiet Żgħar u t-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva tjiebet ħafna fil-livelli ta' effiċjenza: Small Claims Tribunal Clearance Rate Disposition Time Pending Cases 2013 100% 445 days 1046 2014 123% 284 days 820 2015 123% 156 days 516 Administrative Review Tribunal Clearance Rate Disposition Time Pending Cases 2013 40% 2036 days 753 2014 149% 1408 days 683 2015 411% 495 days 418 Riżultat ieħor li wieħed jinnota fl-2015 kienet it-titjib fil-clearance rate tal-Qrati tal-Appell. Filwaqt li għadhom iridu jintlaħqu l-livelli mixtieqa ta' effiċjenza, dawn il-Qrati ta’ Sekonda Istanza kellha l-iktar rata għolja ta’ clearance rate f’dawn l-aħħar 4 snin, b'rata medja ta’ 80% għal Qorti tal-Appell (Superjuri) u rata ta’ 112% għal Qorti tal-Appell (Inferjuri). B'mod ġenerali, in-numru totali ta' każijiet pendenti fil-qrati kollha ċivili naqas ukoll minn 11,455 fl-2013 għal 10274 fl-2015. Sadanittant fil-Qrati ta’ Ġurisdizzjoni Kriminali kien hemm dawn l-iżviluppi li żiedu l-effiċjenza tal-Qrati filwaqt li żiedu ukoll id-drittijiet liċ-ċittadini: 1. Id-dritt ta’ disclosure waqt l-arrest li jagħti lin-nies arrestati jew dawk li jiffaċċjaw proċeduri kriminali d-dritt li jitolbu aċċess għall-informazzjoni miżmuma dwarhom, normalment mill-pulizija. Dan jippermetti lill-persuni suspettati li jikkontestaw l-arrest tagħhom u jħejju aħjar difiża tagħhom. 2. Implimentazzjoni f'waqtha tad-direttivi rilevanti relatati mal-Isfruttament Sesswali tal-Minuri, Ġestjoni u l-Irkupru tal- assi miksuba minn attività kriminali, u dawk relatati ma' drittijiet proċedurali ġodda bħal informazzjoni u servizzi ta’ traduzzjoni waqt l-arrest. 3. Id-dritt tal-appell minn deċiżjonijiet tal-Avukat Ġenerali dwar l-għażla tal-qorti fil-każ ta’ reati relatati mad-droga. Qabel l-introduzzjoni ta’ dan id-dritt ta' appell, l-Avukat Ġenerali seta’ b'mod unilaterali jagħżel jekk l-akkużat jidhirx quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Ġurisdizzjoni Kriminali) jew jekk dak l-akkużat għandux jidher quddiem Ġurija quddiem il-Qorti Kriminali. Akkużati ngħataw dritt ġdid li jappella mid-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali. Wkoll sett ta' linji gwida tfasslu sabiex jirregolaw il-diskrezzjoni li għandu l-Avukat Ġenerali. 4. L-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ plea bargaining fil-qrati kriminali kollha. Filwaqt li din l-għażla kienet preċedentement biss limitata għall-aktar reati serji, issa din ġiet estiża għall-qrati kriminali kollha. Permezz ta' dan il-kunċett, il-prosekuzzjoni u l-akkużat jistgħu jipproponu piena li tista' tingħata mill-Qorti jekk l-akkużat jiddeċiedi li jammetti l-ħtija fi stadju bikri. Malli l-akkużat jammetti l-ħtija tiegħu, il-Qorti tkun tista’ tgħati sentenza tagħha mill-ewwel. Qabel din l-emenda daħlet fis-seħħ, persuna akkużata b'reat gravi kellhom jgħaddu l-proċeduri ta’ kumpilazzjoni xorta waħda. 5. Riformi sostanzjali fil-liġijiet tad-droga li jiffukaw fuq l-assitenza li għandha tingħata lill-vittma ġenwina tal-vizzju bħala pazjenti aktar milli kriminal. B’din ir-riforma, persuni akkuzati b’pussess sempliċi għall-użu personali ta' sustanza illeċita jidhru quddiem Bord speċjalizzat li se jkollu d-diskrezzjoni li jew jimponi multa jew jirrakkomanda programm ta' riabilitazzjoni. 6. It-tisħiħ tal-Programm Protezzjoni tax-Xhieda bħala inċentiv għal xhieda ewlenin li voluntarjament jgħaddu informazzjoni lill-Pulizija fuq reati li jistgħu jkunu ġew komessi u li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni ta l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Infurmant. Il- Qorti tal-Maġistrati Sede Kriminali li ġġorr 95% tal-każijiet kriminal, solvuti aktar każijiet min-numru ta' każijiet li daħlu, għat-tieni darba fl-aħħar tliet snin b’clearance rate ta’ 101%. Ħarsa ġenerali turi li l-qrati kriminali isolvu ammont ugwali jew aktar każijiet għan-numru ta' każijiet li deħlin għat-tieni darba fl-aħħar tliet snin. Kopja tal-presentazzjoni tal-istatistika dwar kazijiet fil-Qrati kemm kriminali kif ukoll dawk ċivili qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Gvern determinat li jkompli jaħdem sabiex jagħti lill-poplu l-aħjar amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Ħal Luqa — Misraħ iż-Żgħażagħ - Bandli

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li jibda l-proġett tal-bandli li jinsabu f'Misraħ iż-Żgħażagħ f'Ħal Luqa? Jista' jgħid x'mizuri se jittieħdu sabiex il-parti tal-bandli tkun delineata mill-bar li hemm eżistenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill- Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa li t-tender tal-Bandli għadu kif ġie evalwat u aġġudikat mill-Kunsill fl-aħħar laqgħa li saret f’Diċembru fuq rapport tekniku li kien imħejji mill-Perit apposta fuq dan it-tender u l-offerti li kien hemm. Id-deċiżjoni tal-Kunsill kienet ġiet ikkomunikata lill-offerenti u l-Kunsill qed jistenna l-perjodu li dawn huwa mogħti lilhom bil-liġi li fih jistgħu jagħmlu appell sabiex dan jgħaddi u b’ hekk il-Kunsill Lokali jkun f’ pożizzjoni li jista jattwa d-deċiżjoni tiegħu. Rigward id- delineation tal-bar minn mal-Bandli l-Kunsill għandu żewġ possibiltajiet fejn jew tista issir fence mal-perimetru tal- Clubhouse jew inkella tinbidel l-entratura minn fejn hi eżistenti. Idealment l-aħjar soluzzjoni tkun li tinbidel l-entratura. Il-Kunsill Lokali bħalissa qed jagħmel riċerki mal-Lands Department rigward il-kuntratt tal- Clubhouse biex jara d-drittijiet tiegħu u jkun f’ pożizzjoni aħjar biex jara liema hi l-aħjar azzjoni għad- delineation .

Tħaffir u xogħlijiet għall-istallazzjoni ta’ xelters għaż-żwiemel

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-permessi jew awtorizzazzjonijiet maħruġa mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali għal tħaffir u xogħlijiet oħra relatati ma’ stallazzjoni ta’ xelters għaż-żwiemel matul il-perjodu li jkopri Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Bejn il-perjodu Marzu 2013 u l-11 ta’ Diċembru 2015 s-Sovrintendenza awtorizzat 10 permessi għal tħaffir u xogħolijiet relatati ma’ stallazzjoni ta’ xelters għaż-żiemel. Disa’ awtorizzazzjonijet minn dawn kienu għal trial pits esploratorji biss. Dawn id-disa’ permessi jirrigwardjaw road work permits maħruġa minn Transport Malta. F’kull każ kien impost monitoring. Każ wieħed minn dawn l-għaxra kien DNO għal xelter u settling tank. Dan ix-xelter sar ħdejn bieb l-Imdina u sar mid-Dipartiment tar-Restawr għan-nom tal-Kunsill Lokali tal-Imdina. Dan il-permess kien approvat b’kundizzjoni ta’ monitoring. Kopja tad-DNO qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Fl-2012 is-Sovrintendenza approvat erba' permessi u rrifjutat applikazzjoni waħda. Mill-erba' permessi approvati, tlieta kienu road works permit ta’ Transport Malta għal trial pit biss, u ieħor kien full development permit tal-MEPA għal xelter, fossa u sinjali tat-triq (road markings). Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-approvazzjonijiet maħruġa mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali għal tħaffir u xogħolijiet oħra relatati ma’ stallazzjoni ta’ xelters għaż-żwiemel għall-perjodu bejn l-2012 u l-2013.