B’riferenza għal mistoqsija parlamentari 7426 u għar-risposta relattiva, jista’ il-Viċi Prim Ministru jagħti d-dettalji kollha u r-raġunijiet għalfejn l-art in kwestjoni ġiet dikjarata meħtieġa għal skop pubbliku u mbagħad tali dikjarazzjoni ġiet revokata? In oltre jista’ jgħid u jispjega kif issa reġgħet spiċċat għand il-gvern?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proprjeta' in kwistjoni fil-fatt minn dejjem kienet tal-Gvern. Kien hemm xi żmien meta din l-art kienet maħsuba privata minħabba żball fl-arkivji tal-proprjeta' tal-Gvern ġewwa s-sezzjoni ta' Għawdex. Kien għalhekk li kien inbeda proċess ta' esproprju li pero' kien irtirat wara li l-proġett li kien hemm ippjanat twaqqaf mill-Gvern. Sussegwentement ġie skopert l-iżball li kien hemm fl-arkivji li issa ġie irranġat. Ta' min igħid li fuq din l-art kien hemm kawża fejn fis-sentenza relattiva l-Qorti ddikjarat li l-art hija tal-Gvern. Din is-sentenza bħalissa qiegħdha taħt appell.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm dewmien fil-ħruġ tal-liċenzja bl-applikazzjoni li għandha numru 38/04 għal gwardjan lokali? Jista' jgħid meta se toħroġ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni imsemmija li twasslet għand il-Pulizija nhar l-1 ta' Ottubru 2004, għadha qed tkun proċessata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslet it-talba għaċ-ċittadinanza Maltija li saret minn refuġjat ta' nisel Palestinjan - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għadha qiegħda tiġi pproċessata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk iż-żewġ postijiet indikati separatament, wieħed fil-Birgu u l-ieħor f'Bormla, inxtrawx jew ġewx mitluba biex jixtruhom mid-dipartiment ta' l-artijiet? Huma milquta mil-liġi possession and use? Jistgħu jixtruhom l-inkwilini rikonoxxuti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern il-postijiet indikati mill-Onorevoli Interpellant huma t-tnejn esproprjati mill-Gvern taħt titlu ta' "possession and use" u għalhekk ma jistgħux jinxtraw mill-inkwilini tagħhom għalissa. It-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma rċeviet l-ebda talba sabiex dawn il-postijiet jinxtraw.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinħareġ il-permess lill-persuna mis-Sirja - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - biex joqgħod hawn Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8851 għadha tgħodd. Infurmat ukoll illi hekk kif il-proċessar ikun komplut, il-persuna ikkonċernata tkun infurmata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk f'Malta jeżistix post fejn tfal ta' taħt is-16-il sena li jkunu kkommettew xi reat jew reati u jkunu issentenzjati mill-qorti jistgħux jinżammu detenuti bl-iskop li jiġu riabilitati? Jekk le, fejn jinżammu żgħażagħ bħal dawn? Kemm hemm żgħażagħ Maltin u Għawdxin li qed jinżammu detenuti u li għandhom taħt is-16-il sena? Kemm għandu żmien l-iżgħar persuna?
Response (BORG, TONIO)
Meta l-Qorti, kemm dik Istruttorja kif ukoll dik tal-Minorenni jagħtu piena karċerarja jew ta' detenzjoni lill-persuni taħt is-sittax-il sena, dawk referuti lid-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi, jiskontaw din il-piena fil-Youth Offenders Unit Rehabilitation Section; proġett ieħor li nieda u ġie attivat minn dal-Gvern.
Dan il-Unit huwa awtonomu u mifrud mill-bqija tal-ħabs.
Fil-preżent hemm ħames persuni taħt is-sittax-il sena li kollha qegħdin jinżammu taħt arrest preventiv.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li tieqaf l-atitudni u l-prassi ta' uffiċjal għoli tal-korp tal-pulizija li, rinfaċċjat b'applikazzjonijiet minn diversi persuni għal estensjoni tal-visa tagħhom jew ta' nies viċin tagħhom, qiegħed ripetutament jgħidilhom li minn naħa tal-pulizija kollox sew (u li m'hemmx problemi) iżda jonqos ittra ta' rakkomandazzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja, meta dan ma jkunx il-każ għax dan l-uffiċjal jaf ben tajjeb li m'hemm bżonn ebda ittra mill-ministeru (del resto, qatt ma saru) u jaf ukoll li dawn huma każijiet ta' diskrezzjoni assoluta u insindikabbli tal-Principal Immigration Officer (i.e. il-Kummissarju), ħalli b'hekk jieqaf dan il-passing of the buck u jitneħħa l-inkonvenjent ta' nies li ġenwinament qed jgħidulhom din l-istorja u jibqgħu jistennew jew iwaħħlu fil-ministru għad-dewmien, minbarra li min għandu verament jiddeċiedi fil-fatt jiddeċiedi hu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dak li hemm imsemmi f'din il-Mistoqsija ma ġiex konfermat. Pero' jekk l-Onorevoli Interpellant jagħtini iktar dettalji nkun nista' nivverifika ulterjorment.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw donazzjonijiet fi flus mill-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex matul is-snin 2000-2004? Hemm limitu għal kemm jistgħu jingħataw donazzjonijiet kontanti minn kunsilli lokali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema kienet l-ogħla donazzjoni fi flus kontanti li saret minn kunsill lokali matul is-snin 2000-2004, sena b'sena u minn liema kunsill?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb jew l-intenzjoni li jilleġisla dwar il-metodi ta' inseminazzjoni artifiċjali li qed isiru f'pajjiżna sabiex jiġi assigurat li l-prinċipji etiċi jkunu osservati dejjem u kullimkien?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għandu l-ħsieb li jilleġisla fuq din il-materja.
Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid meta għalqet ir-reġistrazzjoni ta' artijiet ta' Wied il-Għajn u fl-inħawi ta' madwar? Hemm ħsieb li jerġa' jinfetah il-proċess ta' reġistrazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
L-Onor. Interpellant huwa ġentilment mitlub jinnota li Wied il-Għajn qatt ma kien jaqa’ f’ “Registration Area” skond l-Artikolu 10 ta’ l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ l-Artijiet (Kap. 296) u għalhekk, minbarra kazijiet fejn ried jirreġistra f’ismu l-Gvern ta’ Malta, ir-Registru ta’ l-Artijiet ma setax jaċċetta applikazzjonijiet għall-reġistrazzjoni ta’ proprjeta’ li tinsab fl-imsemmi lokal.
Wieħed irid jippreċiża madanakollu, li l-inħawi ta’ Xrobb l-Għaġin, fil-limiti ta’ Wied il-Għajn kienu ġew dikjarati bħala Registration Area skond l-imsemmi Artikolu mill-1 ta’ Marzu 1983 u proprjeta’ li taqa’ f’dawk l-inħawi, infatti għadha tista’ tiġi reġistrata sal-ġurnata ta’ llum.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jixtarr is-suġġeriment li, stante l-importanza tal-karta ta' l-identita' bħala dokument ta' l-ivjaġġar flok il-passaport, u stante li fuq quddiem ta' kull ID card imkien m'hemm imniżżel il-kelma "MALTA" (u fuq wara tagħha hemm biss, b'tipa żgħira "Repubblika ta' Malta''), isiru tibdiliet neċessarji sabiex il-kelma "MALTA" tibda titniżżel ukoll fuq quddiem, eżatt wara l-indirizz, ħalli jkun iktar faċli għal awtoritajiet barranin fl-airports barranin li jinduna mill-ewwel li si tratta ta' ċittadin Malti u b'hekk jiġu evitati malintiżi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dan l-aħħar ġie mwaqqaf kumitat sabiex jiddiskuti x'tibdil għandu jsir fil-Karta tal-Identita', kif ukoll fil-liġi relatata (Kap 258). Dan il-kumitat huwa presedut minn rappreżentant mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u bħala membri hemm rappreżentant tal-Korp tal-Pulizija u ta' l-Uffiċċju Elettorali. Għaldaqstant is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ser jiġi mressaq lill-kumitat imsemmi għal kunsiderazzjoi tiegħu.
Belt Valletta — Triq San Kristofru - Arkivji Notarili
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet sabiex l-Arkivji Notarili fi Triq San Kristofru l-Belt Valletta jingħataw aktar attenzjoni, inkluż xogħol ta' restawr, biex ma jintilfux arkivji importanti u storiċi minħabba l-istat preżenti tal-bini?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi qed isiru pjanijiet sabiex isir ir-restawr neċessarju mifrux fuq medda ta' snin.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħtini breakdown ta' kemm hi ċ-ċifra ta' flus globali f'pagamenti li l-Ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu għandhom iħallsu fil-preżent?
Kemm hi l-parti li trid titħallas mill-voti ta' l-estimi tas-sena d-dieħla minħabba li vot allokat għal din is-sena diġa' spiċċa?
Response (BORG, TONIO)
Il-ħlas ta' pagamenti huwa proċess kontinwu fejn it-Teżor jipproċessa pagamenti mgħoddija lilu mid-diversi Ministeri u Dipartimenti u għaldaqstant biex wieħed ikollu stampa korretta ta' l-ammonti pendenti irid isir il-proċess ta' l-estimi supplimentari ta' kull Ministeru u Dipartiment f'nofs Diċembru. Wara li tagħlaq is-sena ikun magħruf jekk u kemm kontijiet ma tħallsux sa l-aħħar ta' Diċembru u li għaldaqstant ikunu ser jitħallsu fis-sena l-ġdida.
Il-politika tal-Gvern hi li ma jiġux eċċeduti il-fondi provduti fl-estimi u qed isir kull sforz ma' kull Dipartiment biex ma jitħallewx pagamenti pendenti ta' xogħol magħmul jew servizzi mogħtija.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadu f'dawn l-aħħar 6 snin il-Pulizija fir-rigward ta' ħafna lmenti li saru mir-residenti ta' Triq Sant Ursula u Triq Old Wells, Valletta vis-a-vis ħsejjes ta' air conditioners u mużika għolja min-naħa ta' Dar il-Mediterran?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kull meta irċeviet xi lmenti, il-Pulizija dejjem proċediet fuq il-post u investigat l-ilment. Meta nstab li kien hemm xi ħsejjes għolja ta' mużika, il-Pulizija dejjem ordnat li l-mużika tieqaf. Fil-fatt mir-records disponibbli, il-Pulizija kien ilha ma jkollha xi lment, ħlief għal rapport wieħed f'Novembru, fejn il-mużika kienet twaqqfet fil-11.00pm. Il-Pulizija ukoll infurmat lill-management taċ-ċentru b'dawn l-ilmenti u skond tagħrif li kisbet il-Pulizija diġa' beda jsir xi xogħol sabiex jitnaqqsu l-ħsejjes kemm tal-mużika kif ukoll mill-apparat ta' l-air conditioning.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9490 u l-pjanti relatati, jista' l-Ministru jindika b'mod kulurit, separatament u dettaljament liema huma l-partijiet privati, liema x'aktarx privati u liema huma pubbliċi?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Tweġiba ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili u jispjega kemm hemm verita' jew sustanza fl-għajdut li l-Police Academy dalwaqt se tiċċaqlaq mill-Forti Sant'Iermu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent m'hemm l-ebda ħsieb li l-Akkademja tal-Pulizija tiċċaqlaq minn Sant Elmo.
F'każ li jiġi żviluppat il-proġett ta' Sant Elmo fil-parti ta' fuq, l-Akkademja tista' tiġi trasferita.
Sidien ta' ħwienet — Bejgħ ta' sigaretti lil żgħażagħ taħt l-eta'
Question
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew rappurtati u/jew tressqu l-Qorti sidien tal-ħwienet talli biegħu sigaretti lil tfal taħt l-eta` ta’ 18–il sena? Isiru spezzjonijiet għall-għarrieda biex ikun żgurat li l-makni tas-sigaretti huma fejn jidhru u jistgħu jiġu kontrollati minn min ikun inkarigat mill-ħanut?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8706, ninsab infurmat illi l-ispezzjonijiet fil-ħwienet isiru għal kull ksur ta' regolamenti.
Dipartiment ta' l-artijiet — Applikazzjonijiet għal xiri ta' proprjeta'
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien it-total ta' applikazzjonijiet taħt kull skema ta' xiri kif ukoll kemm ġew konklużi kuntratti u kemm daħħal flus il-gvern għal kull skema sa l-aħħar ta' Awissu 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-total ta' applikazzjonijiet taħt kull skema maħruġa mill-Uffiċċju Konġunt dwar xiri u fidi ta' ċnus huma kif ġej:
Skema Numru ta' Applikazzjonijiet
1996 1,520
1998 91
2001 (sa 05/10/2004) 3,294
In-numru ta' kuntratti konklużi u d-dħul minnhom huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.