Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħareġ flus il-gvern fuq children's allowance għal dawn l-aħħar ħames snin? Kemm huwa maħsub li se joħroġ il-gvern din is-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa fuq l-Allowance tat-Tfal għal dawn l-aħħar ħames snin hija kif ġej:
1996 Lm18,333,539
1997 Lm20,369,590
1998 Lm20,111,471
1999 Lm19,034,766
2000 (prov) Lm18,430,359
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu mitluba jħallsu oriġinarjament l-anzjani residenti fid-dar ta' Bormla? X'inhu l-ħlas mitlub bħalissa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-anzjani fid-Dar ta' Bormla, l-istess bħall-anzjani fid-Djar Residenzjali ta' l-istat kollha, huma mitluba jħallsu 60% tad-dħul totali tagħhom, basta dan:
(a) l-ammont ta' kontribuzzjoni ma' jkunx iżjed minn Lm6 kuljum u
(b) r-resident jibqa' mhux b'inqas minn Lm550 fis-sena għad-dispożizzjoni tiegħu.
Dawn ir-rati ġodda daħlu fis-seħħ b'effett mill-1 ta' Jannar 2000. Qabel dik id-data l-ammont ta' kontribuzzjoni dovut mill-anzjani fid-djar tal-Gvern kien l-istess ta" 60% pero':
(a) l-massimu kien ta' Lm4 kuljum
(b) l-ammont minimu għad-dispożizzjoni ta' l-anzjan kien ta' Lm360 fis-sena
(c) l-ewwel Lm100 dħul minn imgħax ma kienx jiġi magħdud ma' l-ammont ta' dħul totali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li spiċċaw bla xogħol mill-1994 sa l-1999, sena b'sena, minħabba redundancy?
X'tip ta' xogħol kienu jagħmlu? Jista' jgħid ukoll x'kienu l-etajiet tagħhom skond kif tingħata l-istatistika mill-ETC normalment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma tinżammx informazzjoni fil-format mitlub.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni ġodda li bdew jirreġistraw għax-xogħol sena sena mill-1994 sa l-1999?
Jista' jagħti din l-informazzjoni skond l-etajiet tagħhom?
X'livell ta' edukazzjoni kellhom dawn il-persuni meta bdew jirreġistraw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma tinżammx informazzjoni fil-format mitlub.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 22986, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'livell ta' edukazzjoni kellhom meta bdew jirreġistraw u l-etajiet tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dawk il-familji li mhux qed jikkwalifikaw għac-children allowance u għandhom tfal b'diżabilita' iffissirx li dawn m'humiex se jikkwalifikaw għall-allowance tad-diżabilita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-test tal-mezzi għal talbiet ta' l-Allowance għal tfal b'Diżabilita' huwa aktar miftuħ minn dak għal talbiet għal Allowance tat-Tfal. Infatti, fil-każ ta' ġenituri li għandhom tfal b'Diżabilita' jittieħed biss l-ogħla dħul ta' wieħed mill-ġenituri, u sakemm dan ma kienx iżjed minn Lm13,270 fis-sena preċedenti, il-ġenituri jiġu mħallsa l-Allowance għal tfal b'Diżabilita'.
Għalhekk mhux il-każ li familji li ma jikkwalifikawx għall-Allowance tat-Tfal minħabba l-meżżi, neċessarjament ma jikkwalifikawx għall-Allowance għal Tfal b'Diżabilita'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet għal ħaddiema jaħdmu bla permess is-sena l-oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-uffiċċjali tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma jagħmlux spezzjonijiet speċifikament biex jaqbdu ħaddiema jaħdmu mingħajr permess u għalhekk ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba.
Ninsab infurmat li matul is-sena 2000, l-uffiċċjali tal-Korporazzjoni għamlu b'kollox 6,888 spezzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tistax issir laqgħa bejn uffiċjal fid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li kif tista' tixhed il-Caritas hija l-mara ta' vittma ta' l-użura u saret taf li waqgħet lura b'erba snin fil-pagamenti tal-kera, biex tagħmel arranġament sostenibbli biex tħallas fuq medda ta' snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-post indikat hu tal-privat u rekwiżizzjonat. Il-persuna ndikata ġiet infurmata b'ittra sabiex tħallas l-arretrati tal-kera direttament lil sid il-post. Għalhekk il-mod ta' kif jitħallsu dawn l-arretrati għandu jsir b'arranġament bejniethom.
Madankollu ser nibgħat għal persuna konċernata biex naraw jekk tistax tiġi identifikata xi forma ta' għajnuna.
Jista' l-Ministru jieħdu passi biex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament tingħata b'mod urġenti s-servizz tat-telecare peress li għadu kemm kellha bidu ta' attakk ta' anġina u tgħix waħedha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda applikazzjoni bl-isem indikat ma waslet fit-Telecare Section.
Jista' l-Ministru jgħid fil-każ li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li tieħu Schizophrenic Allowance, din tikkwalifika għal xi forma ta' għajnuna oħra u/jew pensjoni? Jekk jiġu nieqsin il-ġenituri tagħha tkun intitolata għal xi forma ta' għajnuna soċjali addizzjonali għal dik li qed tieħu bħalissa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal il-każ tal-housing authority HA 541/99 acknowledged 19.12.2000 dwar il-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħatu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-familja ndikata mill-Onor. Interpellant xtrat il-post tal-Gvern li tirrisjedi fiħ fit-18 ta' Mejju 2000.
Jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-ittra mibgħuta minn din il-familja fil-15 ta' Diċembru 2000, dwar il-flat ta' fuqha, ninsab infurmat li kopja ta' l-imsemmija ittra ntbgħatet lill-Kummissarju ta' l-Art peress li dan il-flat jidher li hu proprjeta' tal-Gvern.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-każ ta' ġuvni li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u li l-każ tiegħu qiegħed quddiem il-board biex jieħu l-benefiċċju Soċjali jitmexxa minħabba l-bżonn finanzjarju ta' din il-familja? Jista' jinforma bil-miktub lil dan l-individwu dwar il-każ tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara l-każ ta' missier li l-dettalji tiegħu jinsabu separatament minn din il-mistoqsija, ta' familja li qiegħed jagħmel kontra DSS jasal għad-deċiżjoni minħabba t-tbatija finanzjarja li qiegħda tbati din il-familja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-persuna kkonċernata qiegħed għad-deċiżjoni ta' l-Arbitru maħtur skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318). Din id-deċiżjoni hija mistennija li tingħata fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi ħsieb hemm li jiġu istallati lifts fl-appartamenti f'block VIII, Triq il-Ballut, San Ġwann
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Iskema dwar l-istallar ta' lifts fi blokki tal-Gvern ġiet imnedija għall-blokki tal-Gvern fil-Furjana, l-Belt Valletta, l-Birgu, l-Isla, Bormla u l-Kalkara u għal dawk il-blokki madwar Malta u Għawdex li fihom jgħixu persuni b'diżabilita' li tirriżulta f'nuqqas ta' mobilita'.
Għalhekk, l-istallazzjoni ta' lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant jiġi ikkunsidrat jekk hemm tgħix fiħ persuna b'diżabilita' bi problemi ta' mobilita'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jieħu d-dipartiment ikkonċernat biex tiġi indirizzata il-problema ta' l-umdita' fl-appartamenti ta' block VIII, Bieb A, Ballut Street, San Ġwann ikkawżata mil-kundizjoni tal-bejt tal-block ta' flats?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba tal-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li diskriminazjoni bejn il-mara u r-raġel fejn mara armla jew single-parent bi tfal taħt is-16-il sena u li tieħu xi tip ta' għajnuna soċjali jew qiegħda fuq ir-relief, tista' tagħmel part-time job sa Lm 17 fil-ġimgħa, filwaqt li raġel fl-istess sitwazzjoni ma jistax?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Artiklu 30(7) jipprovdi li "Meta l-kap tal-familja tkun persuna li mhix miżżewġa li ma tkunx tista' taħdem bi qliegħ full-time għax tkun trid tieħu ħsieb it-tarbija tagħha stess, hija tkun intitolata għal Għajnuna Soċjali skond ..."
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant kap ta' familja jista' jkun kemm raġel kif ukoll mara għalhekk ma teżisti l-ebda diskriminazzjoni. Ta' min iżid li hemm numru żgħir ta' rġiel li jieħdu l-Għajnuna Soċjali u jaħdmu part-time u jaqilgħu sa Lm17.58 fil-ġimgħa, u dan bla ma titnaqqsilhom ir-rata ta' l-Għajnuna Soċjali.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 19349?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' CSAs li daħlu mad-Dipartiment tal-Ħarsien ta' l-Anzjani minn Settembru 1998 sallum hu ta' 248. Minn dawn, 155 kienu 'replacements' filwaqt 93 kienu ġodda.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuna li jkollha l-pensjoni massima ta' 2/3 tan-National Insurance, tistax tieħu wkoll magħha il-pensjoni privata li tkun ħalset għaliha, hu x'inhu l-ammont?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Biex nirrispondi d-domanda ta' l-Onor. Interpellant tajjeb li jiġi ċċarat li fil-kalkolu tar-rata tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali tiġi kunsidrata biss 'pensjoni tas-servizz' skond kif definita fl-Att dwar is Sigurta' Soċjali (Kap 318).
Din id-definizzjoni fi ftit kliem tistabilixxi li pensjoni (barra minn pensjoni tas-sigurta' soċjali) titqies bħala 'pensjoni tas-servizz' għall-finijiet ta' l-istess Liġi kemm il-darba din tingħata jew tiġi akkwiżita bħala rikompens għal servizz mogħti lil xi mgħallem (employer) li kellu l-persuna assigurata.
Għaldaqstant, jekk il-'pensjoni privata' l-persuna tikkwalifika għaliha wara li l-employer ikun ħallas il-premium bħala rikonoxximent għas-servizz li l-impjegat ikun radd lejn l-intrapriża, din titqies bħala pensjoni tas-servizz u trid tiġi kunsidrata skond il-kriterji stabbilit fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali biex tiġi stabbilita r-rata tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali dovuta.
Iżda jekk il-'pensjoni privata' li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġejja minn xi skema privata li ħallset għaliha kompletament il-persuna u m'għandiex rbit mas-servizz li tkun tat lil xi employer, din ma titqiesx għal finijiet ta' sigurta' soċjali.