Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 3317?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għad-domanda Nru. 3317 ingħatat waqt il-'question time' fis-seduta Nru. 71 u saru diversi mistoqsijiet supplimentari fuqha.
Minn Settembru 1998 sal-15 ta' Frar, 1999 kemm-il persuna talbet l-għajnuna taċ-Ċentru tad-Detox minħabba abbuż ta' droga?
Jista' l-Ministru jagħti l-figuri xahar b'xahar għal Malta u Għawdex separatament?
Kull xahar kemm-il persuna marret l-ewwel darba għal kura? Kull xahar kemm kien hemm persuni taħt it-18-il sena li talbu l-kura?
Kemm kull xahar kienu qed jabbużaw mill-eroina, kokaina eċċ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5275?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra hi għas-sena 1999 skond kif mitlub fil-Mistoqsija Parlamentari numru 4678. Ma nistax ngħati l-informazzjoni għall-1996, 1997 u 1998 kif mitlub permezz tal-Mistoqsija Parlamentari numru 5275 għaliex f'dawn is-snin ma kienetx tinġabar bid-dettalji kif mitluba.
In-numru t'operazzjonijiet pendenti hu skond il-lista li qed titpoġġa wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija ninforma l-Onor. Membru li l-proċedura normali hi li jsiru operazzjonijiet mill-'waiting list'. Iżda f'każijiet ta' emerġenza p.eż. kanċer, dawn jingħataw preferenza fuq dawk li jkunu fil-'waiting list'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi twila l-waiting list għall-operazzjoni ta' knee replacement fl-Isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li n-numru t'operazzjonijiet ta' Knee Replacement li qegħdin fuq il-'waiting list' bħalissa hu ta'687. Dawn huma mqassma skond kif ġej:-
Mr. C. Apap Bologna 48
Mr. A. Bermard 358
Mr. C. Grixti 56
Mr. C. Sciberras 95
Mr. F. Zammit Maempel 130
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li f'Sant'Anġlu l-Birgu fejn hemm il-bini magħruf bħala Taċ-Ċiniżi, qed ikun hemm żbroff tad-drenaġġ fil-baħar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li jirrizulta li hemm imblokk fis-sistema privata tad-drenagg tal-bini magħruf bħala taċ-Ċiniżi u d-dipartiment tas-Saħħa bagħat avviz bil-miktub sabiex jitneħħa dan l-imblokk. L-Onor. Interpellant jista' jitlob aktar informazzjoni mingħand il-Ministru tal-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex waħda mis-social workers partikolari, li hemm taħdem fl-Isptar Monte Carmeli ta' kuljum imur driver għaliha b'karozza tal-gvern biex iwassalha fuq il-post tax-xogħol? Jista' l-Ministru jirrimedja biex lis-social workers l-oħra jiġu pprovduti bl-istess servizz ta' trasport b'xejn minn u lejn id-dar biex ikun hemm ugwaljanza għal kulħadd?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li bħala regola ġenerali, ħadd mis-Social Workers impjegati mal-Gvern mhu intitolat li jitwassal lejn il-post tax-xogħol u lura lejn daru b'karozza tal-Gvern ħlief jekk ikun hemm raġuni valida u ġustifikata li timmerita din it-tip ta' konċessjoni. Fil każ imsemmi mill-Onor. Interpellant din il-ġustifikazzjoni teżisti. Din il-konċessjoni ilha fis-seħħ mill-1995 u baqgħet tiġi estiża anke tul l-Amministrazzjoni preċedenti.
Peress li ħafna ċittadini Maltin u Għawdxin qed jilmentaw li qed jiżdiedu l-ġrieden f'diversi inħawi tal-gżejjer tagħna, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-programm tar-Rodent Section għal perijodu mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? Xi programm se jkompli jitwettaq? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema f'din is-sezzjoni sena b'sena matul dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sezzjoni tal-Pest Control fi ħdan dan id-dipartiment qiegħda kontinwament tagħmel xogħol regolari fuq strateġija li tilħaq il-pajjiz kollu. Dan ix-xogħol jinkludi tqegħid ta' valenu fis-sistema ta' drenaġġ pubbliku, fil-ħitan tas-sejjieħ, postijiet fil-beraħ, f'postijiet fejn illegalment jintefa' zibel kif ukoll fil-miżbliet. Minn Awissu 1998 s'issa t-tqegħid ta' valenu fis-sistema tad-drenagg ġie intensifikat b'tali mod li s-sistema kollha ta' Malta ġiet ittratta.
Filwaqt li din is-sezzjoni se tkompli bl-istess strateġija ta' kontroll, fi ftit żmien ser jiġi introdott tip ta' valenu ġdid li hu aktar effikaċi minn dak li qed jintuza bħalissa (warfarin).
Rigward it-tielet parti tad-domanda qed nissottometti lista tan-numru ta' nies li ħadmu fis-sezzjoni tal-Pest Control f'Malta u Għawdex:
Malta Ghawdex
1989 26 8
1990 27 8
1991 27 8
1992 40 10
1993 37 10
1994 39 9
1995 36 7
1996 39 7
1997 40 7
1998 44 8
1999 (April) 43 8
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-pilloli li kienu out of stock matul ix-xahar ta' Diċembru, 1998, ix-xahar ta' Jannar, 1999 u x-xahar ta' Frar, 1999 fl-isptarijiet ta' l-Istat ta' Malta u Għawdex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li s-Servizzi Farmaċewtici tal-Gvern joħorġu 'Out of stock list' darba fil-ġimgħa. Għaldaqstant l-informazzjoni li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ttieħdet mill-listi li ħerġin fit-tieni ġimgħa ta' kull xahar li għalih l-Onorevoli staqsa fuqhom.
Dawn il-listi jinkludu:
1. mediċini li qegħdin jiġu diskussi mis-'Drugs and Therapeutics Committee (DTC)' biex jiġu maqtugħa minn fuq il-formularju.
2. mediċini li s-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern għandu problema biex jixtihom minħabba li ħadd ma qiegħed jikkwota għalihom.
3. mediċini li għalkemm ma jinstabux fl-imħażen tas-Servizzi Farmaċewtici tal-Gvern ikun fadal stokk minnhom fl-ispiżeriji tal-Gvern.
Issa li l-poliklinika ta' Bormla dalwaqt se tiftaħ, jista' l-Ministru jara li, l-faċċata ta' barra, mill-ewwel sular 'il fuq isirilha x-xogħol sabiex tkun tista' tidher aħjar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ser jiġi ikkunsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pilloli out of stock bħalissa fl-ispiżeriji tal-gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-pilloli li kienu 'out of stock' fil-25 ta' Jannar fl-ispiżeriji tal-Gvern huma dawn:
1. Pilloli li qegħdin jiġu diskussi mid-'DrugsandTherapeutics Committee (DTC)' biex jiġu maqtugħa minn fuq il-formularju
Stilboestrol 1mg tablets
2. Pilloli li s-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern għandu problema biex jixtrihom.
Hydroxychloroquine 200mg tablets
Methylergometrine tablets
Pancreatin high dose tablets
Stilboestrol 5mg tablets
3. Pilloli li għalkemm ma jinstabux fl-imħażen tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern ikun fadal stokk minnhom f'xi spiżeriji tal-Gvern.
Methylcellulose tablets
Sucralfate 1G tablets
Hyoscine butylbromide 10mg tablets
Senna tablets
Quinidine sulphate tablets
Prothionamide tablets
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3294, jista' l-Ministru jpoġġi l-irċevuti konnessi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Peress li l-informazzjoni mitluba, inkluż in-nefqiet li saru għar-riċevimenti jew ikliet diġa ngħatat, ma narax l-iskop li wieħed joqgħod jipproduċi rċevuti ta' kull ma tħallas kif qiegħed jitlob l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet għall-HIV kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li n-numru ta' testijiet li saru għall-HIV kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin hu kif ġej:
--------------------------------
SENA NUMRU TA' TESTIJIET
--------------------------------
1988 3750
1989 2495
1990 2118
1991 2461
1992 3131
1993 2396
1994 3935
1995 3963
1996 3912
1997 3809
1998 4249
1999
(sa l-aħħar
ta' Marzu) 1008
--------------------------------
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il delegazzjoni mill-ministeru, segretarjat parlamentari meta jagħti l-każ u mid-dipartimenti governattivi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu li żaret pajjiżi barra minn Malta minn Ottubr 1998 sal-lum? Minn min kienu magħmula d-delegazzjonijiet msemmija? Fuq liema xogħol attendiet kull delegazzjoni? Kemm swiet l-ispiża ta' kull delegazzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-Informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant li tirrigwarda delegazzjonijiet Ministerjali u mid-Dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabbilita tiegħi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-ftuħ tas-Seclusion Unit fis-Sala Nru. 2 ta' l-irġiel fl-Isptar Monte Carmeli, jista' l-Ministru jgħid: (a) min kien il-perit li għamel il-pjanti; (b) intalab permess mill-Planning Authority u jekk fl-affermattiv, meta; (ċ) jaf li fis-single rooms m'hemmx twieqi biex tidħol l-arja; (d) kemm kienet l-ispiża biex infetħu dawn is-single rooms; (e) kemm daħlu pazjenti sal-lum; u (f) x'inhu l-protocol li qed jitħaddem fit-tmexxija ta' din il-unit vis-a-vis l-impjegati u l-pazjenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li:-
a) ix-xogħol meħtieġ sar taħt is-superviżjoni tal-Works Division fil-Ministeru għall-Ambjent.
b) fil-fehma tagħna ma kienx hemm bżonn li jintalab permess mill-Planning Authority għax ix-xogħol strutturali ma kienx estensiv u kien jinvolvi intern biss. Fil-fatt li-ispiża tax-xogħol strutturali kienet ta' xi Lm600.
c) fis-single rooms ma tistax tagħmel twieqi jinfetħu minħabba s-sigurta' tal-pazjent. Pero kull kamra hija fornuta bl-'Air conditioning' li jiċċirkola l-arja.
d) l-ispiża totali laħqet is-somma ta' Lm13,420.
e) in-numru ta' pazjenti li daħlu fis-Seclusion Ward kien ħdax (sat-22 ta' Marzu 1999).
f) għandna Internal Protocol li jkopri kemm il-bżonnijiet u d-drittijiet tal-pazjenti kif ukoll ta' l-impjegati. Dan ġie żviluppat skond il-kriterji internazzjonali u l-esperjenza lokali bil-perteċipazzjoni ta' l-istaff mediku u paramediku. Dan il-Protocol isegwi wkoll il-pariri tal-Committee for the Prevention of Torture tal-Kunsill ta' l-Ewropa.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa tal-hospitality vote tal-ministeru u d-dipartimenti konċernati mill-5 ta' Settembru, 1998? X'kienet in-nefqa għas-safar tal-ministeru u d-dipartiment għall-istess perijodu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li mill-5 ta' Settembru s'issa, n-nefqa fuq il-'Hospitality vote' u għas-safar, kemm mill-Ministeru u kemm mid-Dipartiment kienu kif ġej:-
Hospitality Vote Safar
------------------------------
Ministeru LM1934.23 LM4166
Dipartiment LM1065.38 LM15349
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa jew il-Ministeru rċevewx ilmenti dwar nuqqasijiet u abbużi, bħal ngħidu aħna teħid ta' ikel li jkun qiegħed hemm għall-ħruq, li qed isiru fejn hemm l-incinerator li jintuża mill-Air Malta Cargo Division fl-Ajruport ta' Malta? Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa rċieva verbalment rapport wieħed fil-bidu ta' din is-sena dwar l-abbuż imsemmi minn persuna li barra li ma riditx tidentifika ruħha, l-anqas ma riedet tagħti dettalji jew informazzjoni sabiex dak ir-rapport ikun jista' jiġi nvestigat.
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli li abbużi simili jkun tajjeb li jiġu rrapurtati lid-Direttur tas-Servizzi Veterinarji peress li l-Avviż Legali 125/93 jawtorizza lilu biex jilliċenzja lill kolleturi tas-'swill' eċċ. u ħadd ma jista' jagħmel tali xogħol mingħajr permess tiegħu (Avviż Legali 125/93 Artiklu 8).
Jista' l-Ministru jara li l-pazjent bl-ID card No., li qed jintbagħat separatament, jingħata l-mediċina ordnata mill-ispeċjalista tal-gvern ARICEPT?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-mediċina Aricept hija wżata għal marda tad-dementia li mhix inkluża fil-lista ta' Schedule V. Din il-mediċina tista' tiġi kkunsidrata biss għal pazjenti li għandhom il kartuna r-roża u dan f'każ li jkun hemm evidenza ċara li l-mediċina hi effettiva. Dan għaliex il-mediċina Aricept hija waħda ġdida.
Dan li ġej huwa parti mid-'drug insert' li tipprovdi l-kumpanija li tipproduċi din il-mediċina:
"L-użu tal-mediċina Aricept huwa assoċjat ma titjib modest fil-memorja u l-kapaċita' li wieħed jitgħallem. Il-mediċina Aricept ma tfejjaqx il-marda ta' l-Alzheimer, ma tnaqqasx il-progress tal-marda u lanqas ma tipproduċi titjib sostanzjali fil-funzjoni tal-pazjent".
Jista' l-Ministru jara li l-pazjent bl-ID card No., li qed jintbagħat separatament, jingħata l-mediċina ordnata mill-ispeċjalista tal-gvern Finasteside?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li peress li 'benign prostatic hypertrophy' mhix waħda mill-mardiet taħt 'Schedule V', il-pazjent imsemmi ma jistax jingħata din il-mediċina b'xejn taħt 'Schedule V'.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistennija ssir l-operazzjoni fl-Isptar San Luqa fuq il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament dwar każ ta' artrite akut li ilu pendenti ġimgħat sħaħ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija tpoġġiet fuq il-'waiting list' għal-operazzjoni ta' 'total hip replacement' fit-22 ta' Settembru 1998.
Fl-istorja hemm imniżżel li jekk is-sitwazzjoni tiggrava kellha tattendi qabel. Il-persuna m'attendietx.