Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10877 Sitting 168 1999-11-01 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — PAB 587/95E

Question

Jista' l-Ministru jara u dan b'riferenza għall-PAB 587/95E li skond kif qal hu stess "fiċ-ċirkostanzi l-każ qiegħed jiġi eżaminat sabiex jittieħdu dawk il-passi neċessarji skond il-liġi u possibbilment segwenti bit-tneħħija tal-ksur diretta mill-awtorita' għas-spejjeż tas-sid" jgħid għaliex sal-lum għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni u jew inizjattiva mill-Planning Authority u dan wara kważi sena mis-seduta parlamentari numru 35?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ġie mgħoddi għall-azzjoni diretta fit-28 ta` Ottubru, 1999.
Leg 9 PQ #9384 Sitting 167 1999-10-27 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pembroke — Ftuħ ta' għassa tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni biex tinfetaħ għassa tal-pulizija f'Pembroke peress li dik l-aktar viċin hija ta' San Ġiljan li għar-residenti ta' dan il-lokal speċjalment għal anzjani u persuni b'diżabilita' tinsab 'il bogħod u awtomatikament toħloqilhom tbatija żejda?

Response (BORG, TONIO)

Għaddejt din it-talba lill-awtoritajiet tal-Pulizija.
Leg 9 PQ #9638 Sitting 167 1999-10-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Mtarfa — Għassa tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani jekk għandux pjanijiet li jiftaħ għassa tal-pulizija fl-Imtarfa? Jekk iva, meta u jekk le, għaliex? Kemm kien in-numru ta' inċidenti, serqiet eċċ li seħħew fl-Imtarfa rrapportati lill-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa` kelli okkażżjoni ngħid fi Tweġibiet għall-Mistoqsijiet preċedenti fuq dan is-suġġett, huwa maħsub li tinfetaħ Għassa tal-Pulizija fl-Imtarfa wara li jispiċċa l-proċess ta` l-ingaġġ ta` rekluti ġodda. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika l-perijodu li dwaru qed tintalab l-informazzjoni.
Leg 9 PQ #10550 Sitting 167 1999-10-27 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

CCF — Taqsima tal-klieb

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li t-taqsima tal-klieb tal-Faċilita' Kottettiva ta' Kordin tkun inkorporata mat-taqsima speċjalizzata tal-Mosta? Għaliex hemm żewġ taqsimiet differenti tal-klieb?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sal-lum ma hemm ebda ħsieb illi t-taqsima tal-klieb tal-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin tiġi inkorporata ma` dik tal-Mosta. It-taqsima tal-Mosta hija kompletament imexxija mill-pulizija filwaqt li dik tal-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin tipprovdi għall-ħtiġijiet speċifiċi ta` l-istess Faċilita`.
Leg 9 PQ #10551 Sitting 167 1999-10-27 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Muturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-pulizija tat-traffiku jerġa' jkollhom il-mutur tagħhom u m'hux mutur ikun maqsum bejn tnejn jew tliet pulizija bil-perikli u inkonvenjenti kollha li ġġib ħaġa bħal din?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 851.
Leg 9 PQ #10552 Sitting 167 1999-10-27 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Sezzjoni tal-mounting

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-qagħda attwali tas-sezzjoni tal-mounting fil-korp tal-Pulizija? Fil-preżent kemm hemm żwiemel u x'inhi l-eta' tagħhom? Hemm il-ħsieb li jinġiebu żwiemel ġodda minn barra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija hija komposta minn 19-il membru. Fil-preżent din għandha 19-il żiemel li l-eta` tagħhom tvarja bejn 8 u 24 sena. Iva, huwa maħsub li jinġiebu aktar żwiemel għal din it-taqsima.
Leg 9 PQ #10553 Sitting 167 1999-10-27 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ċitazzjonijiet

Question

Fl-ewwel disa' xhur tas-sena kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-pulizija minħabba kontravenzjonijiet tat-traffiku? Fl-istess perjodu kemm iddaħħlu flus minn ħlasijiet ta' ċitazzjonijiet maħruġa mill-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru 1999, ingħataw 86,340 ċitazzjoni tat-Traffiku. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li l-Pulizija tiġbor biss ħlas ta` traffic offence tickets li jitħallsu barra mill-Qorti li kien jammonta għal Lm132,555. Fil-każi l-oħra, il-ħlas jinġabar mir-reġistratur tal-Qorti.
Leg 9 PQ #10554 Sitting 167 1999-10-27 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel disa' xhur tas-sena, kemm inħarġu ċitazzjonijiet dwar nuqqas ta' lbies ta' seat belt? Kemm minn dawk kienu sewwieqa u kemm kienu passiġġieri fuq quddiem?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li peress li l-informazzjoni li qed tintalab mhix miġbura f`forma ta` statistika, din l-informazzjoni tinħtieġ ċertu żmien biex tinġabar u għalhekk l-informazzjoni tingħata meta din tiġi miġbura.
Leg 9 PQ #10555 Sitting 167 1999-10-27 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Vetturi abbandunati

Question

Fl-ewwel disa' xhur tas-sena kemm inġabru vetturi mit-toroq mill-pulizija għaliex kienu ilhom abbandunati? X'inhu n-numru ta' vetturi irrapportati abbandunati li għadhom ma nġabrux? X'inhu t-timeframe biex dawn jinġabru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-ewwel disa` xhur ta` din is-sena, it-Taqsima ta` l-ALE tal-Pulizija ġabret 209 vettura li kienu mitluqin fit-toroq, filwaqt li 63 vettura oħra ġew imneħħija minn sidhom wara li kien hekk ordnat mill-pulizija. Hemm 794 vettura rrappurtati bħala derelicts li għad iridu jitneħħew. Ma hemmx żmien stipulat li fih vettura rrapurtata abbandunata trid tinġabar, pero` dan jiddependi minn diversi fatturi, fosthom id-disponibilita` ta` mezzi biex jitneħħew u spazju fejn jinżammu. Fil-jiem li ġejjin, il-Kunsilli Lokali ser jingħataw il-poter li b`liġi ikunu jistgħu jneħħu dawn il-vetturi.
Leg 9 PQ #10584 Sitting 167 1999-10-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kors Universitarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li bħalissa qegħdin jagħmlu kors fl-Universita'? Min huma? X'kors qegħdin isegwu? Meta bdew il-kors? Meta huwa mistenni li kull wieħed jintemm? Meta membru tal-korp jingħata permess isegwi kors fl-Universita' dan isirulu xi kondizzjonijiet dwar is-servizz tiegħu fil-korp wara li jintemm il-kors?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għall-ewwel ħames partijiet tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li minbarra l-kondizzjonijiet vigenti għall-impjegati tal-Gvern li jingħataw l-opportunita` jattendu korsijiet l-Universita`, il-membri tal-Korp ikollhom il-kundizzjoni li jservu fil-Korp tal-Pulizija għal sena minn meta jtemmu b`suċċess il-kors.
Leg 9 PQ #10586 Sitting 167 1999-10-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Furjana - Excelsior Hotel

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett ta' dik li qabel kienet l-lukanda Excelsior fil-Furjana? L-Awtorita' ta' l-Ippjanar hija sodisfatta bix-xogħol u li kollox sar skond il-permessi maħruġa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent l-iżvilupp fuq l-ex Lukanda Excelsior jinsab fi stadju fejn qiegħed jiġi finalizzat xogħol fuq ġewwa tal-lukanda, bħal kisi, irtokki, żebgħa, eċċ. Ninsab infurmat ukoll li minn żmien għall-ieħor l-Awtorita` ta` l-Ippjanar tagħmel spezzjjonijiet biex tassigura li l-kundizzjonijiet tal-permessi jibqgħu jiġu osservati. Sa l-aħħar spezzjoni li saret, l-iżvilupp kien qed isir skond il-permess.
Leg 9 PQ #10587 Sitting 167 1999-10-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Żgħażagħ arrestati

Question

Wara li l-ġimgħa li għaddiet żewġ żgħażagħ - wieħed ta' 17-il sena minn Ħ'Attard u l-ieħor ta' 16-il sena mill-Imtarfa - ma ingħatawx pleġġ mill-qorti wara akkużi ta'serq, fejn inżammu arrestati? Hemm post li huwa separat minn priġunieri ferm akbar minnhom biex ma jkunux esposti għall-perikoli fiżiċi jew xorta oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ż-żewġ żgħażagħ li għalihom qiegħed jirreferi l-Onor. Interpellant qegħdin jinżammu fis-sezzjoni ġdida tal-YOURS li nfetħet f`Ġunju li għadda, li fiha jinżammu priġunieri ta` bejn is-16 u l-21 sena. Billi din it-taqsima hija totalment separata mill-bqija tal-ħabs, il-priġunieri li hemm fiha ma jistgħux jitħalltu ma` oħrajn u għalhekk ma jistgħux jiġu esposti għall-perikoli fiżiċi jew ta` xorta oħra minn priġunieri ta` eta` akbar.
Leg 9 PQ #10499 Sitting 166 1999-10-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ta' Kandja - Persuni Barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm persuni barranin miżmuma f'Ta' Kandja jew f'postijiet oħra li huma taħt il-kustodja tal-Gvern Malti? Ta' liema nazzjonalista' huma? Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom hawn dawk li waslu l-ewwel? Kien hemm xi talba għal status ta' refuġjati f'dawn l-aħħar sentejn? Kemm ġew milqugħa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif dwar l-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija hu kif ġej : PAJJIŻ NUMRU PAJJIŻ NUMRU Alerġija 10 Tuneżija 1 Iraq 2 Liberja 1 Sierra Leone 2 Somalja 1 Ghana 1 Niġerja 1 Georgia 1 Eġittu 1 Ġordan 2 Libja 8 Palestina 1 Indja 45 Pakistan 25 Sri Lanka 5 Dawk li l-aktar li ilhom huma tnejn li ilhom ħames snin. Dwar ir-raba` u l-ħames parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan it-tagħrif ma jinżammx mill-Pulizija. Hu l-Uffiċċju ta` l-U.N.H.C.R. f`Malta li jieħu ħsieb l-interessi ta` persuni meqjusa bħala refujati.
Leg 9 PQ #10503 Sitting 166 1999-10-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Vetturi tat-turisti

Question

Jista' l-Ministru jara li jkun hemm kontroll tal-pulizija meta numru ta' vetturi li jġorru t-turisti jipparkjaw b'mod ħażin fejn ir-Roman Villa, ir-Rabat, u barra l-Bieb ta' l-Imdina?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ngħataw struzzjonijiet sabiex il-kuntistabbli li jkun għassa l-Imdina jissorvelja dawn l-inħawi sabiex jittrażżnu l-abbużi li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #10544 Sitting 166 1999-10-27 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Qbid ta' droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar, fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, kemm inqabdet droga u x'tip ta' droga nqabdet? Fl-istess perjodu kemm kienu arrestati persuni biex jgħinu lill-pulizija fl-istħarriġ u kemm tressqu persuni l-qorti? F'liema lokalitajiet saru r-raids tal-pulizija u kemm saru raids b'kollox?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti dwar it-tip u l-ammont ta` droga li nqabdet fl-ewwel 9 xhur ta` din is-sena hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li matul l-istess perijodu ġew miżmuma mill-Pulizija 653 persuna sabiex jgħinuha fl-istħarriġ tagħha, filwaqt li tressqu quddiem il-Qorti 242 persuna. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li tfittxijiet isiru skond il-ħtieġa ta` l-investigazzjoni partikolari li tkun qed issir.
Leg 9 PQ #10545 Sitting 166 1999-10-27 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm persuni l-ħabs dwar droga? Kemm minnhom huma diġa' sentenzjati u kemm hemm li qed jistennew li jgħaddu minn proċeduri legali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-20 ta` Ottubru 1999, in-numru ta` priġunieri li jinsabu fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin u li l-każ tagħhom hu relatat mad-droga kien ta` 106. Minn dawn, 41 qed jistennew li jinbdew il-proċeduri legali dwar il-każ tagħhom, filwaqt li 65 qed iservu sentenza. Kemm dawk sentenzjati kif ukoll dawk li qed jistennew li jinbdew il-proċeduri kontrihom jista` jkollhom aktar minn każ wieħed.
Leg 9 PQ #10546 Sitting 166 1999-10-27 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni mixlija b'serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid xahar b'xahar fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, kemm inqabdu persuni mixlija b'serq? Fl-istess perjodu kemm kienu rrapportati każi ta' serq u x'tip ta' serqiet kienu? Kemm jirriżulta li l-pulizija tad-DIK irnexxilhom isolvu każijiet ta' hold ups?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru ta` din is-sena, in-numru ta` persuni li nqabdu mill-Pulizija fuq każi ta` serq kien kif ġej : Jannar Frar Marzu April Mejju Ġunju Lulju Awissu Settembru 49 35 42 41 40 51 47 65 46 Dwar in-numru ta` rapporti u t-tipi ta` serq irrappurtati lill-Pulizija fl-ewwel 9 xhur ta` din is-sena ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li ġew solvuti 13-il każ.
Leg 9 PQ #10547 Sitting 166 1999-10-27 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Inċidenti fatali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena seħħew inċidenti fatali tat-traffiku? Min kienu l-vittmi? Meta seħħew l-inċidenti u fejn? B'konnessjoni ma' dawn l-inċidenti kien hemm każi fejn xi persuni tressqu l-qorti akkużati bil-kawża ta' traskuraġni fis-sewqan?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru 1999 kien hemm 10 inċidenti tat-traffiku li kienu fatali. Dwar żewġ każi minnhom inbdew proċeduri quddiem il-Qorti. It-tagħrif dwar dawn il-każijiet mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #10548 Sitting 166 1999-10-27 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Towing ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ittowjati karozzi privati mil-lokalitajiet ta' Paceville, San Ġiljan u ta' Swieqi, xahar b'xahar minn Mejju sa Settembru 1999? Kemm minn dawn il-vetturi kienu ta' residenti ta' dawn il-lokalitajiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellanti huwa kif ġej : Mejju Ġunju Lulju Awissu Settembru Paceville 26 18 36 108 44 San Ġiljan 25 17 10 71 39 Swieqi 57 54 49 70 61 Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellanti.
Leg 9 PQ #10549 Sitting 166 1999-10-27 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Taqsima tal-klieb

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm klieb fit-taqsima tal-pulizija fil-Mosta fil-preżent? X'taħriġ qed jingħataw dawn il-klieb? Kemm saru interventi minn dawn il-klieb fl-aħħar sitt xhur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent it-Taqsima tal-Klieb tal-Pulizija għandha 32 kelb u 12-il ġeru. Dawn il-klieb jingħataw taħriġ skond il-linja tax-xogħol li l-kelb ikun assenjat. Din is-Sezzjoni għamlet 49 tfittxija in konnessjoni ma` theddid ta` bombi, 147 tfittxija għad-droga filwaqt li kien hemm 270 okkażżjoni oħra fejn din is-Sezzjoni tat is-servizz tagħha dwar protezzjoni.