Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb — Membri

Question

Jista’ il-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kunsill nazzjonali tal-ktieb? Jista’ jgħid kemm-il darba jiltaqa’ dan il-kunsill u x’ħidma jwettaq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb hu kompost minn dawn il-membri : Chairman -Is-Sur Philip Borġ Segretarju -Is-Sur Joe Debattista Membri -Is-Sur Victor Fenech -Is-Sur Trevor Zahra -Is-Sur Anthony Mangion -Is-Sur Louis Scerri -Is-Sinjura Priscilla Camilleri -Is-Sur Paul Mizzi -Is-Sur George Borġ -Is-Sinjura Marlene Mifsud Chircop -Is-Sinjura Tessa Balucci -Is-Sinjorina Catherine Vella Informat li dan il-Kunsill iltaqa' 11-il darba fil-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru 2003 u l-lum. Informat ukoll li l-Kunsill tal-Ktieb iwettaq ħidma li timxi fuq it-termini ta' referenza mogħtija lilu. Kopja tagħhom ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Fiera tal-Ktieb

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk huwiex informat fuq id-diżgwid li nqala’ dan l-aħħar dwar l-organizzazzjoni tal-fiera tal-ktieb li se ssir f’Novembru li ġej bejn il-11 u l-14 tax-xahar? Jista’ jgħid ukoll x’jaħseb fuq din is-sitwazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Ministeru tiegħi kien informat kontinwament b'dak li kien qed iseħħ u fil-laqgħat li saru biex l-organizzaturi u l-parteċipanti ftiehmu dwar il-punti kollha, uffiċjal għoli tal-Ministeru kien preżenti bħala osservatur u li ta kontribut ta' siwi għas-soluzzjonijiet meħtieġa. Informat ukoll li l-Fiera tal-Ktieb 2004 ser tkun Fiera mimlija b'attivitajiet edukattivi organizzati mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u b'attivita' marbuta mad-dinja tal-ktieb bis-sehem sħiħ ta' pubblikaturi, distributuri u bejjiegħa tal-kotba.

Fiera tal-Ktieb

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm tiġi tqum l-organizzazzjoni tal-fiera tal-ktieb u x’inhu s-sehem tal-gvern f’dan ir-rigward?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ispejjeż involuti fl-organizzazzjoni tal-Fiera tal-Ktieb ivarjaw minn sena għall-oħra minħabba diversi fatturi. L-ispejjeż totali huma: Sena Spiża Totali ta' l-Organizzazzjoni Għotja mill-Gvern 2001 Lm20,389.01 Lm8,000 2002 Lm18,456.40 Lm8,000 2003 Lm20,801.80 Lm10,000 Informat ukoll li l-għotja tal-Gvern b'risq il-Fiera tal-Ktieb tikber aktar jekk jitqies il-ħin iddedikat għall-organizzazzjoni tal-Fiera min-numru ta' impjegati tal-Gvern li jieħdu ħsieb l-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tal-Fiera.

Malta Darts Association — Għajnuna Finanzjarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna ngħatat il-Malta darts association għaż-żamma ta' kompetizzjoni internazzjonali fis-snin li għaddew, wara li kienet imwegħda għajnuna finanzjarja mill-Ministru ta' l-isports?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-Isports, li ha 'over' mingħand id-Dipartiment ta' l-Isports, ma sab l-ebda commitment finanzjarju fir-rigward tal-Malta Darts Association bħala għajnuna għaż-żamma ta' kompetizzjoni internazzjonali li saret din is-sena.

Għaqda ta' Żfin għall-Persuni b'Diżabilita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna lest li jagħti l-Ministeru lill-għaqda lokali li qed torganizza f'pajjiżna kompetizzjoni taż-żfin għall-persuni b'diżabilita'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-Isports irċieva talba għall-assistenza mingħand l-Għaqda f'Ġunju li għadda. L-allokazzjonijiet tal-budget fir-rigward t'attivitajiet internazzjonali għas-sena 2004 kien diġa ġie committed. Bħala għajnuna l-Kunsill ser jgħin lill-Għaqda billi tingħata sussidju fuq il-ħlas tal-post li ser jintuża għal kompetizzjonijiet taż-żfin għall-persuni b'diżabilita' f'Diċembru li ġej.

MPVQAC

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-funzjoni tal-Malta Prof and Vocational Qualifications Awards Council? X'sar tul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Dwar il-funzjoni tal-Malta Professional and Vocational Qualifications Awards Council nirreferi lill-Hon. Membru għall-Avviż Legali 215 ta' l-2000, Att Dwar Is-Servizzi ta' l-Impjiegi u Taħriġ (Kap.343).

Ċirkolari dwar il-Ħinijiet ta' l-Iskejjel

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja taċ-ċirkolari li permezz tagħha kienu ġew iffissati l-ħinijiet illi fihom għandhom jinġabru t-tfal ta' l-iskola filgħodu (tat-22 ta' Settembru 2004)? Jista' jara li dawn il-ħinijiet jiġu rispettati?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub jingħata f'xi Seduta oħra.

Skola Vincenzo Bugeja — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm studenti mil-lokalita' ta' Ħal Qormi jattendu l-iskola sekondarja tas-subien Vincenzo Bugeja, Santa Venera f'forms 1, 2, 3, 4 u 5?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Raħal Ġdid — Skola Ġuże' D'Amato

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex minnhom l-ilmenti li wasluli li fl-iskola Ġuże` D’Amato ta’ Raħal Ġdid, l-istudenti qed ikollhom bosta free lessons, tant li x-xogħol li jkollhom għad-dar jilħqu jlestuh l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Iskola konċernata, jirriżulta li mill-bidu tas-sena skolastika kurrenti, kull klassi kellha lezzjoni waħda biss fil-ġimgħa 'free' minn totali ta' 35 lezzjoni. Kien hemm iżda klassi waħda li kellha 'average' ta' żewġ lezzjonijiet 'free' fil-ġimgħa mill-istess total ta' lezzjonijiet. Informat li r-raġuni għal dawn il-'free lessons' hi l-assenza ta' l-għalliema konċernata minħabba raġunijiet ta' mard.

Ħal Kirkop — Ċentru tal-komunita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux fis-seħħ il-pjan tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni li jinbena ċ-Ċentru tal-Komunita` li jiġbor fih ukoll l-Iskola Primarja San Benedettu, Ħal Kirkop, b'sala komunitarja li tlaħħaq ma' l-esiġenzi tal-komunita’?

Response (GALEA, LOUIS)

Skond il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali l-Iskejjel Primarji għandhom funzjoni ta' ċentru ta' tagħlim u kultura fil-komunita'. Ix-xogħolijiet meħtieġa isiru skond prioritajiet. Bħalissa l-FTS qed tagħmel xogħol fuq is-sit f'Ħal Kirkop.

Ħal Kirkop — Ċentru tal-komunita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx sar xi ftehim mal-Kunsill Lokali ta' Ħal Kirkop fl-1999 sabiex l-istess Kunsill jippreżenta l-pjanti taċ-Ċentru tal-Komunita` ħalli l-Ministeru ta’ l-Edukaazjoni jibni l-binja taċ-Ċentru tal-Komunita` f'Ħal Kirkop għas-spejjeż tal-Ministeru? Jista’ l-Ministeru jgħid jekk ħallasx għall-pjanti u x-xogħol li twettaq mill-periti mqabbda sabiex jiġu fornuti l-pjanti taċ-Ċentru Kommunitarju li kien ġie mwiegħed ġewwa l-iskola f'jum il-premjazzjoni mill-Ministru bħala l-proġett tal-millenju għall-komunita` ta' Ħal Kirkop?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm arranġament bejn l-FTS u l-Kunsilli lokali sabiex xi xogħolijiet isiru mill-FTS u oħrajn isiru mill-Kunsill Lokali. Informat ukoll illi l-FTS u d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni applikat għal dawn il-permessi : 1-Application 5472/01 - "Provision for Sports facilities including 5 aside football pitch, dressing rooms and landscaping to existing primary school" - Application - Education Division. 2-Application5660/02 - "To upgrade existing school and community facilities" - Application - FTS. 3-PA2259/03 - "To amend permit PA5472/01 - "To remove change in level, remove running track and shift dressing rooms" - Application - FTS. Informat ukoll li l-FTS ħallset dawn il-pagamenti - MEPA - Lm2,842 : MP&DC - Lm6,000. Bħala parti mill-arranġament li kien sar, parti minn dawn l-ispejjeż ser jitħallsu lura lill-FTS mill-Kunsill Lokali.

Tal-Karwija — Skola Sekondarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskola sekondarja tal-Karwija hix se tiftaħ il-bibien is-sena d-diehla (2005)? Jista’ jgħid ukoll meta se jkun varat il-kumpless sportiv biswit din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li l-FTS qegħda tagħmel minn kollox biex l-iskola l-ġdida fil-Karwija tiftaħ il-bibien tagħha s-sena d-dieħla.

Tal-Karwija — Garaxx

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-bodybuilder tal-karozzi tal-linja li bħalissa qiegħed jaqla' l-għajxien tiegħu minn garaxx mibni fuq il-post fejn se jiġi utilizzat bħala car park ta’ l-iskola tal-Karwija, hux se jiġi megħjun biex jingħata post alternattiv?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-FTS qegħda tagħmel dak kollu possibli biex jingħata post alternattiv.

Skejjel — Każi ta' sexual abuse

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi ta' sexual abuse fl-iskejjel sekondarji, post sekondarji u fl-Universita' din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din is-sena ma ġie rrapurtat l-ebda każ ta' abbuż sesswali fl-iskejjel sekondarji, post sekondarji u fl-Universita' ta' Malta.

FTS — Rapporti dwar l-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapport dwar l-istat ta’ kull skola li kien qed isir mill-FTS tlestiex jew le? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-FTS għandha rapport dwar il-bżonnijiet ta' immodernizzar fuq kull skola tal-Gvern li jiġbor fih ċertu ammont ta' dettal. Ma jidhirlix li hu l-każ li f'dan l-istadju ir-rapporti jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Marsa Sports Ground — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlesta x-xogħol li qed isir fil-Marsa Sports Ground fejn hemm il-ground li fuqu jsir il-logħob tar-rugby? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol hux ser ikun lest fil-ħin għal logħob internazzjonali tat-tim nazzjonali tar-rugby?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li x-xogħol li kellu jsir minn naħa tal-Kunsill Malti għall-Isports fil-Marsa Sports Ground sar, inkluż iż-żriegħ ta' l-istess grawnd. Informat li l-grawnd ser ikun lest għall-ewwel logħba internazzjonali li ser issir nhar is-Sibt 6 ta' Novembru.

FTS — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema jaħdmu mal-FTS? Min huma u x’inhu x-xogħol li dawn qed jagħmlu? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn hux qed jaħdmu b’kuntratt jew le?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-FTS timpjega fuq bażi ta' kuntratt 19 il-impjegat kif ġej : 4 Periti, Inġinier Elettriku, 3 Draughtsman, Chief Finance Officer, Executive Accountant, Koordinatur tal-Proġetti, Management Consultant, tliet persuni fuq xogħol klerikali / segretarjali, Receptionist, Koordinatur Servizzi Skejjel u Messaġġier / Handyman.

FTS — Membri tal-bord

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord tal-FTS li jinsabu mmexxija mis-Sur Ray Fenech? Jista’ jgħid ukoll xi kriterji ntużaw għall-għażla tagħhom u x’inhu l-qasam li ġejjin minnu? X’inhuma r-responsabiltajiet tagħhom fi ħdan l-istess fondazzjoni? Kemm qed jitħallsu kull wieħed u waħda minnhom?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Bord tal-FTS huwa magħmul minn : Mr.Raymond Fenech - Chairman Ms.Louise Aquilina - Board Member (Ministeru Edukazzjoni) Dr.Peter Fenech - Board Member (Avukat) Mr. Joseph Magro - Vice Chairman (Direttur Edukazzjoni) Mr.Alfred Rizzo - Board Member (Ministeru Finanzi) Ms.Marilyn Sciortino - Board Member (Assistent Direttur Edukazzjoni) Informat li l-membri ta' dan il-Bord huma intitolati Lm100 fix-xahar bħala onorarju. Ir-responsabilitajiet tagħhom huma dawk ta' membri ta' Bord ta' Ente Pubblika kif stabbilit fl-Istatut li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.