Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #24340 Sitting 520 2001-03-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex l-iskejjel primarji ta' Raħal Ġdid ikollhom il-provvista tad-dawl 3-phase biex ikunu jistgħu jużaw prodotti elettro -domestiċi bħal fannijiet meħtieġa anke għal tfal b'diżabilita' li jattendu dawn l-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-Taqsima tal-Bini ta' l-Iskejjel tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għamlet talba, u qed tistenna risposta, lill-Korporazzjoni Enemalta biex tagħtiha stima għall-upgraging tal-provvista ta' l-elettriku fil-kumpless ta' skejjel primarji fir-Raħal il-Ġdid.
Leg 9 PQ #24341 Sitting 520 2001-03-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir pjan ta' azzjoni biex jiġu mibdula t-twieqi fl-iskejjel primarji ta' Raħal Ġdid li ilhom snin twal ma jistgħux jinfetħu, b'inkonvenjent u periklu għall-għalliema u studenti ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni flimkien ma' l-awtoritajiet ta' l-iskejjel primarji u l-Kunsill Lokali tar-Raħal il-Ġdid se jibdew taħditiet biex jaraw liema xogħol hu bżonnjuż li jsir fil-futur qrib. Minbarra l-aperturi ta' kullimkien ('il fuq sew minn mitt tieqa u bieb), jinħtieġ ukoll tibdil tal-madum kollu fis-sular t'isfel u żebgħa tal-klassijiet u kuriduri. Minħabba l-ispejjeż kbar u l-ħin qasir (vaganzi) disponibbli, dawn ix-xogħlijiet ma jistgħux isiru f'daqqa.
Leg 9 PQ #24575 Sitting 520 2001-03-26 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Paolino Vassallo

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 24489?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li billi l-għalliem tal-Physics fl-Iskola Paolino Vassalli, Kordin, telaq ftit ġranet ilu, f'nofs sena skolastika, id-Dipartiment qed isibha diffiċli ħafna li jinstab malajr għalliem ieħor biex jieħu postu. Qed isir kull sforz possibli biex dan l-għalliem jinstab.
Leg 9 PQ #24619 Sitting 520 2001-03-26 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Form V

Question

Jista' l-Ministru jara hux possibli li fejn studenti fil-klassijiet tal-Form V fl-iskejjel sekondarji li jiġu affettwati minn għadd ta' għalliema li jkunu ma jifilħux u allura ma jingħatawx numru sostanzjali ta' lezzjonijiet, dawk l-istudenti li l-ġenituri tagħhom japprovaw, jingħataw il-permess li jmorru d-dar bil-għan li ma jitilfux żmien minħabba l-istudji tagħhom bi thejjija għall-eżamijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-każijiet fejn ħafna għalliema jinzertaw morda f'daqqa huma tassew rari. F'każijiet bħal dawn ikun aħjar li kull skola tistudja s-sitwazzjoni tagħha u tiddeċiedi hi x'inhu fl-aħjar interess ta' l-istudenti. L-istudenti jistgħu jibqgħu jaħdmu l-iskola.
Leg 9 PQ #24637 Sitting 520 2001-03-26 Oral · Interim From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jindika min huma l-lecturers, full time u/jew part time fil-fakulta' tal-Liġi (Universita' ta' Malta) u fuq liema kriterji dawn ġew magħżula u appuntati?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #24640 Sitting 520 2001-03-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill għall-Isport

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li l-Kunsill Malti għall-Isport ser jiltaqa għall-ewwel darba, meta l-kunsill ilu xott minn Diċembru 2000? Jista' jgħid wkoll min huma l-membri kollha tal-kunsill Malti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord Eżekuttiv tal-Kunsill Malti diġa' beda jiffunzjona regolarment. Dan il-Bord huwa kompost minn dawn il-membri: Chairperson: Is-Sur Michael Aquilina Viċi Chairperson: Is-Sur Franco Azzopardi Segretarju Eżekuttiv: Is-Sur Joseph Cassar Membri: Is-Sur John Demanuele L-Imħallef Lino Farrugia Sacco Is-Sur Joseph Psaila Is-Sur David Azzopardi Il-Bord Konsultattiv għadu ma ġiex maħtur uffiċjalment għaliex is-Segretarjat kien għadu qed jistenna informazzjoni mill-Għaqda Kittieba Sports dwar ir-rappreżentant tagħhom fuq dan il-Bord. Din l-informazzjoni waslet għand is-Segretarjat f'dawn il-ġranet. Hu maħsub li dan il-Bord jiġi maħtur fil-jiem li ġejjin.
Leg 9 PQ #24332 Sitting 519 2001-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'rabtiet hemm bejn il-kulleġġ tal-Biedja u l-Istitut tal-Biedja fl-Universita'? Xi pjani hemm biex aktar studenti mill-kulleġġ ikollhom iżjed aċċess għall-kors fl-Universita'

Response (GALEA, LOUIS)

Ma hemm ebda rabta formali bejn il-Kulleġġ tal-Biedja u l-Istitut ta' l-Agrikultura ta' l-Universita`. Għal ħafna żmien il-Kap tal-Kulleġġ kien membru (co-opted) tal-Bord ta' l-Istitut, imma l-Kap ta' l-Istitut qatt ma kien membru tal-Bord tal-Kulleġġ. Informat li l-aċċess għall-kors fl-Universita` diġa` jeżisti b'mod adekwat. Minn naħa l-oħra qed insegwi mill-qrib l-iżvilupp tal-Kulleġġ Vokazzjonali fejn ser ikollna l-Istitut ta' l-Agri-kummerċ biex nassiguraw li dan il-qasam ta' sudju u taħriġ jiżvluppa b'mod tajjeb u bil-koordinament meħtieġ.
Leg 9 PQ #24333 Sitting 519 2001-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'effett qed iħalli fuq il-kulleġġ u l-iskola tal-biedja, l-istudenti u l-animali li jitrabbew hemm mill-ħmieġ tal-qtates li hemm fis-santwarju qrib?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Santwarju tal-qtates qiegħed 'il bogħol miċ-ċentru ta' l-iskola u tal-Kulleġġ u mill-annimali tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. Il-ħmieġ tal-qtates li hemm fis-santwarju hu minimu u jidher li mhux qiegħed jitħalla ebda effett, fuq l-ambjent, l-istudenti u fuq l-annimali.
Leg 9 PQ #24334 Sitting 519 2001-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Santwarju tal-Qtates

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri fis-snin li ġejjin mis-santwarju tal-qtates meta jirtira minn kap tal-kulleġġ tal-biedja l-persuna li bħalissa jokkupa din il-kariga? Qatt saret xi offerta lill-kap preżenti biex dan is-santwarju jiċċaqlaq lejn post iżjed addattat f' Ta' Qali? X'sar minn din l-offerta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, għamlet talba lill-Kap tal-Kulleġġ ta' l-Agrikoltura biex l-għaqda volontarja li tieħu ħsieb il-qtates issib post alternattiv. Id-Diviżjoni qatt ma għamlet offerta lill-Kap biex dan is-santwarju jiċċaqlaq lejn xi post f'Ta' Qali.
Leg 9 PQ #24335 Sitting 519 2001-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Santwarju tal-Qtates

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġament hemm bejn il-kulleġġ tal-biedja u l-għaqda volotarja li tieħu ħsieb is-santwarju tal-qtates li hemm ħdejn dan il-kulleġġ? B'liema finanzi jitmexxa dak is-santwarju? X'rendikont pubbliku hemm dwar il-fondi tas-Santwarju tal-Qtates?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma tat ebda permess biex ikun hemm santwarju tal-qtates fil-Kulleġġ ta' l-Agrikoltura. Malli saret taf bl-eżistenza ta' dan is-santwarju, id-Diviżjoni talbet lill-Kap ta' l-iskola biex jieħu passi ħalli dan is-Santwarju jsir f'xi post ieħor. Għaldaqstant ma talbitx għall-informazzjoni u ma approvat ebda arranġament li jista' jkun hemm bejn l-iskola u l-għaqda volontarja li tieħu ħsieb is-santwarju.
Leg 9 PQ #24463 Sitting 519 2001-03-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Solar Energy

Question

Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari nru. 22264, Seduta 468 dwar solar energy u jpoġġi kopji relattivi fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22264.
Leg 9 PQ #24329 Sitting 518 2001-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jintemm ix-xogħol meħtieġ wara l-iskejjel primarji ta' Raħal Ġdid u jingħalqu l-kappelli tad-drenaġġ biex ma jibqgħux joħorġu ġrieden u jidħlu fl-iskejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kapitelli tad-drenaġġ li qed jirreferi għalihom l-Onor. Membru kienu ingħalqu malli l-awtoritajiet ta' l-iskejjel infurmaw id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni b'din il-problema. Informat ukoll li l-ftit xogħol li baqa' jsir se jitlesta fi żmien tliet ġimgħat oħra.
Leg 9 PQ #24330 Sitting 518 2001-03-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Stipendju

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija li qed isegwi kors ta' refrigeration and airconditioning milli jingħata stipendju? Għaliex ma jingħatax dan l-istipendju meta student ieħor fl-istess ċirkostanzi qed jingħata stipendju?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudent imsemmi fil-mistoqsija għamel l-ewwel sena ta' l-apprendistat u wara reġa' beda l-ewwel sena ta' l-apprendistat f'kors ieħor. Skond ir-regolamenti pubblikati fil-gazzetta tal-gvern tad-29 ta' Ottubru 1999, (AL 18 ta' 1999) paragrafu (8), "L-apprendisti li jkunu meħtieġa jirrepetu xi sena mill-apprendistat tagħhom, ma jkollhomx jedd għall-għotja ta' manteniment matul is-sena li jkunu qed jirrepetu ......." Il-Bord għall-Għotjiet ta' Manteniment ġie kkonsultat, u filwaqt li qabel ma' din id-deċiżjoni, ma jaf b'ebda każ ieħor, simili għal dan, fejn xi student ingħata l-istipendju.
Leg 9 PQ #24235 Sitting 517 2001-03-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużewijiet — Group-4

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arraġamenti hemm mal-Group 4 għal xogħol ta' sigurta' fil-Mużew tal-Fine Arts u fil-Mużew ta l-Arkeoloġija? Minn meta beda jseħħ dan l-arranġament? Kemm jiswa? X'konsultazzjonijiet saru mal-unions dwar preżenza tal-Group 4 f'dawn iż-żewġ mużewijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tal-Mużew ta lill-Group 4 inkarigu temporanju. Dan l-inkarigu beda' s-sibt 3 ta' Marzu b'rata ta' Lm2.25 fis-siegħa. Il-kwestjoni hija materja ta' sigurta` u ma tinvolvix kundizzjonijiet ta' xogħol ħlief li qed ikunu kumplimentati l-livelli eżistenti ta' sigurta` u jsiru studji neċessarji.
Leg 9 PQ #24237 Sitting 517 2001-03-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mużew tal-Fine Arts — Watchmen

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sentejn jekk sarux xi rapporti li l-watchmen tal-Mużew tal-Fine Arts kienu qed idaħlu nies iżuru l-mużew wara l-ħin ta' l-għeluq uffiċjali tal-mużew? Meta saru dawn ir-rapporti? X'passi ttieħdu dwar dawn ir-rapporti? Meta ttieħdu dawn il-passi jekk ittieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-risposta hi fin-negattiv.
Leg 9 PQ #24240 Sitting 517 2001-03-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skorba u Ta' Ħaġrat

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qed jieħu ħsieb idawwar in-nies li jkunu jridu jżuru s-siti ta' skorba u ta' ħaġrat? Fl-1999 u fis-sena 2000, kemm persuni żaru dawn is-siti? Meta hemm il-ħsieb li dawn il-persuni li jżuru dawn it-tempji jibdew jiġu ċċarġjati biex il-flus jintużaw għar-riabilitazzjoni u l-preżentazzjoni tagħhom aħjar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-siti ta' Skorba u Ta' Ħaġrat huma miftuħin b'mod regolari għall-pubbliku. Aċċess għal dan is-sit huwa permezz ta' appuntament mal-Museum Officer konċernat. Ta' min jinnota li d-dħul għal dawn is-siti huwa preżentament b'xejn. Bħalissa qed issir reviżjoni ta' l-Att Legali li jirregola -ħlas fil-Mużewijiet u siti storiċi biex fil-fatt jibda jsir ħlas għal żjarat fi Skorba u Ta' Ħaġrat. Billi l-iskema bdiet fl-2000, l-istatistika hija kif ġej: 102 fi Skorba 151 f'Ta Ħaġrat.
Leg 9 PQ #24436 Sitting 517 2001-03-20 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Imsida — Skola St Mary's

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-futur tal-iskola St Mary's ta' l-Imsida? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi xogħolijiet għaddejjin f'din l-iskola bħal issa? Jista' jgħid wkoll jekk din is-sena skolastika li qegħdin fiha, hix ser tkun konkluża f'St Mary's jew jekk hux ser isir ċaqliq tul din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma għandha ebda skola l-Imsida bl-isem ta' St Mary's. Jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għall-iskola Santa Marija, allura nirreferih għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 23689 u 24262.
Leg 9 PQ #24163 Sitting 516 2001-03-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn mindu inkriet vettura mill-Pixxina Nazzjonali? Min fejn inkriet? B'kemm kull jum? Saret sejħa għall-offerti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-karozza li nkiret mill-Pixxina Nazzjonali ġiet mikrija mingħand Merlin Car Hire. Il-kirja bdiet fit-8 ta' Frar 2001 bil-prezz ta' Lm4.95 kuljum. Qabel ma nkriet il-karozza saret sejħa għall-offerti mingħand dawn il-kumpaniji: A.L.M Garage Transport Services * Lm5.40 John's Garage Limited * Lm5.75 MELI Car Rentals Ltd * Lm8.00 Merlin Car Hire Ltd * Lm4.95 * Il-prezzijiet indikati huma eskluż il-VAT.
Leg 9 PQ #24166 Sitting 516 2001-03-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PE

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi nru. 23590, jista' jgħid kif se jiġi mgħallem il-P.E. bħala suġġett akademiku jiġifieri fuq liema linji? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sillabu? F'liema klassijiet se jiġi mgħallem?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Edukazzjoni Fiżika se tibqa' suġġett 'core' bħal ma kienet s'issa. Iżda minn Settembru 2001 se tkun tista' tittieħed ukoll bħala 'option' fil-Form 3 tal-Junior Lyceum u minn Settembru 2002 fil-Form 4 ta' l-Iskola Sekondarja. Dan ifisser li l-istudenti li jagħżlu l-E.F. fil-Junior Lyceum ikollhom ħames lezzjonijiet fil-ġimgħa fil-Forms 3, 4 u 5 u l-istudenti li jagħżlu l-E.F. fl-Iskola Sekondarja ikollhom sitt lezzjonijiet fil-ġimgħa fil-Forms 4 u 5. L-Edukazzjoni Fiżika bħala suġġett 'core' għandu l-għan li jsostni l-edukazzjoni 'ħolistika' billi f'kuntest ta' esperjenzi prattiċi edukattivi jgħinu fl-iżvilupp fiżiku, intelletwali u affettiv. Il-programm jibni fuq l-iżvilupp ta' 'movement concepts and skills' b'waqtiet ta' riflessjoni u kerattivita`, f'kuntest ta' logħob li jrawwem ħiliet soċjali. Il-programm ta' E.F. fil-primarja u fl-ewwel snin ta' l-edukazzjonij sekondarja għandu wkoll iservi ta' bażi għal dawk l-istudenti li 'l quddiem ikunu jixtiequ japprofondixxu s-suġġett u jeħduh bħala 'option'. L-Edukazzjoni Fiżika bħala 'option' se jibqa' fil-qofol tiegħu suġġett prattiku. Iżda ikollu wkoll komponent ta' teorija. Fih l-istudenti ingħataw esperjenzi u opportunitajiet biex jiżviluppaw, b'mod iktar wiesa' u fond, ħiliet, tagħrif u attitudnijiet pożittivi. L-E.F. bħala 'option' tħejji lill-istudenti biex fl-aħħar tal-Form 5, ikunu jistgħu jersqu biex jieħdu Secondary Education Certificate fis-suġġett. Fis-sillabu tas-SEC, u għaldaqstant ta' l-'option', fir-rigward tat-taqsima tal-prattika, l-istudent se jkollu jagħżel tlieta minn erba' 'Areas of Activity', li huma (s) Games (b) Gymanstics and Dance (c) Athletics (d) Swimming. F'dawn l-'Areas of Activity' l-istudent irid juri ħiliet waqt li l-'coursework' ('portfolio') se jkun xhieda ta' attitudnijiet pożittivi. Fit-taqsima tat-teorija, l-istudent se jistudja dwar: (a) Movement and Physical Activity (b) Health-Related-Fitness (c) Sport in Society. It-testbook suġġerit huwa 'Examining Physical Education - K. Bizley. Is-Sillabus Panel nominat mill-MATSEC Board ħejja abbozz ta' sillabu għal dawk li jieħdu l-'P.E. option'. Dan is-sillabu qed issa għand il-MATSEC Board biex ikun dan il-Board jagħmel il-proposti tiegħu qabel mas-sillabu jkun ippublikat. Huwa ppjanat li dan ix-xogħol jitlesta fi ftit ġimgħat oħra u għaldaqstant imbagħad inkun nista' nqiegħed kopja tas-sillabu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #24233 Sitting 516 2001-03-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Anzjani

Question

B'referenza għall-ittra annessa jfisser li l-impjegata issa ġiet aġġornata fil-lista ta' l-anzjanita' u qed tirkupra s-snin li tilfet s'issa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa għaddejja korrispondenza mal Public Service Commission u l-Management and Personnel Office dwar l-ittra u d-data tal-ħatra tal-persuna indikata bħala Kindergarten Assistant. Sa issa, risposta finali għadha ma waslitx.