Ħal Qormi – Għeluq ta’ parti minn Triq l-Imdina
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W228 u d-deċiżjoni li ħa l-Gvern biex tingħalaq parti minn Triq l-Mdina (ħdejn il-Qormi Sports & Fitness Park) għal min irid imur lejn il-Marsa, jista’ l-Ministru jgħid huwiex konxju li r-rapport li ppreżenta huwa stess, biex jiġġustifika din id-deċiżjoni li ma niżlet xejn tajjeb man-nies, huwa rapport iffirmat mill-istess uffiċjal li dan l-aħħar stqarret fuq it-televiżjoni li ‘t-traffiku huwa biss perċezzjoni tan-nies’?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda biex ninforma lill-Onor. Interpellant li il-problema tat-traffiku hija waħda mill-iktar sfidi li qed jiffaċċja pajjiżna sena wara sena u li ilha toħloq problemi kbar ta’ konġestjoni f’ toroq arterjali. Sa mill-bidu nett li ħadna t-tmexxija tal-pajjiż f’ idejna, dan il-Gvern irrikonoxxa li hemm din il-problema. Biżżejjed ngħid li hemm aktar minn 332,000 vettura f’pajjiżna, fil-maġġor parti tagħhom huma vetturi privati. Barra minn hekk wieħed jinnota li hemm nuqqas ta’ dixxiplina minn ċerti mis-sewwieqa u nuqqas ta’ infurzar tar-regolamenti. Għaldaqstant, ħadna ħsieb li nieħdu diversi miżuri biex tittaffa din il-problema, kemm short-term, medium term kif ukoll long term.
Fejn jidħlu miżuri
short term
, id-dipartiment tas-siġurta’ fit-toroq u l-immaniġġjar tat-traffiku fi ħdan Transport Malta, għamel analiżi fuq dawk iż-żoni fejn l-aktar ikun hemm konġestjoni biex jinħoloq pjan li jindirizza is-sebut twil ta’ karozzi li jakkumulaw fil-
peak hours
. Qed jittieħdu diversi miżuri fosthom, disinji ġodda li jgħinu fl-andament tat-traffiku, sinjali ġodda tat-traffiku biex jgħinu lis-sewwieqa , bdil fil-ħinijiet tat-
traffic lights
biex it-traffiku jimxi aħjar, qed nippromwovu il-
car pooling
, kif ukoll saħħaħna it-trasport bil-baħar.
Qed jittieħdu ukoll miżuri
medium term
fejn inbeda studju dwar il-ħolqien ta’ strateġija nazzjonali għat-trasport. Nedejna r-
Road Safety Strategy
li l-prijorita’ tagħha hija s-sigurta’ fit-toroq tagħna. Dan l-istudju jiffoka kif ser innaqqsu l-inċidenti fit-toroq tagħna, inħarsu lejn kif ser intejbu l-infrastruttura tat-toroq arterjali u distributorji, nagħtu attenzjoni lis-sewwieqa żgħażagħ u sewwieqa tal-muturi, nindirizzaw l-atteggjament illegali ta’ċertu sewwieqa kif ukoll intejbu l-għarfien dwar kif isiru toroq iżjed siguri. Matul iż-żmien li ġej, il-Gvern huwa impenjat li jimplimenta firxa wiesgħa ta’ interventi strateġiċi biex jilħaq il-mira Ewropeja li sal-2020 l-inċidenti fatali jonqsu b’ 50 fil-mija, ġrieħi gravi jonqsu bi 30 fil-mija kif ukoll il-ġrieħi ħfief jonqsu b’ 20 fil-mija.
Qed nieħdu ħsieb ukoll li jittieħdu miżuri
long term
biex tingħata prijorita’ lill-proġetti li jħaffu it-traffiku. Hadna ħsieb biex inlestu il-proġett tat-Triq Diċembru 13 wara xhur ta’ telqa mill-Gvern preċedenti, biċ-ċans li jintilfu fondi Ewropej. Barra minn hekk għaddejjin b’ritmu tajjeb ħafna il-proġett ta’ Triq il-Kosta. Ser isir il-proġett tal-
Kappara Junction
kif ukoll issottomejna pjanti għall-proġett tal-
Addolorata Junction
li minbarra ser inaqqas it-traffiku minn u lejn in-naħa ta’ isfel ta’ Malta, ser inżidu is-sigurta’ u l-aċċessibilita’ biex persuni jmorru minn lokalita’ għal oħra.
Fl-aħħar minn l-aħħar l-aktar soluzzjoni effettiva hija dik li innaqsu il-vettura mit-toroq tagħna. Għaldaqstant il-Gvern qed jagħmel dak kollu possibli biex il-poplu jingħata servizz ta’ trasport pubbliku li jixraqlu, b’hekk iħajjar aktar nies biex jużawh.
Dan kollu qed isir bl-inizjattiva tal-Gvern preżenti, wara li dak preċedenti ħalli telqa kbira f’ dan is-settur. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li ir-rapport tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista stess jgħid li “ L-istat tat-toroq u d-dewmien biex jitlestew ċerti toroq u proġetti infrastrutturali oħra wrew nuqqas ta’ kontroll mill-Gvern”. Fir-rigward tat-trasport pubbliku, l-istess rapport jgħid ukoll li “....nħolqu aspettattivi għoljin ħafna, saru ħafna żbalji u ġiet implimentata b’mod mgħaġġel wisq bil-konsegwenza li l-ewwel reazzjoni kienet li r-riforma ma kinitx suċċess.Dan baqa’ jinħass għal ħafna xhur wara li bdiet titwettaq ir-riforma.” Dan kollu wassal biex il-poplu ma jużax it-trasport pubbliku u minflok juża il-karozza privata tiegħu, bil-konsegwena li spiċċajna b’ ħafna aktar vetturi jiċċirkolaw fit-toroq tagħna.
Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li jien , fir-responsabilità tiegħi ta’ Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura, inkun fit-toroq man-nies u naf sew li l-problema tat-traffiku f’ pajjiżna mhux perċezzjoni, bħal ma naf li lanqas hija perċezzjoni li l-problema tat-traffiku ma bdietx illum. Min qed jipprova jattakka fuq it-traffiku, tajjeb iħares lejn ir-rekord ta’ deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu f’ dan il-qasam.