Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #12658 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Bastiment Erika

Question

Jista' l-Ministru jgħidli jekk il-bastiment Erika li kien involut fl-inċident ħdejn il-kosta Franċiża, qattx daħal Malta taħt dan l-isem jew xi isem ieħor? Jekk fl-affermattiv, meta daħal u kemm dam Malta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-Tanker Erika daħal fl-ibħra territorjali u portijiet Maltin 12-il darba, kif ġej: ISEM IT-TANKER DATA META WASAL DATA META TELAQ Nobless 28.01.96 29.01.96 Nobless 30.01.96 31.01.96 Nobless 18.04.96 27.04.96 Erika 19.12.96 19.12.96 Erika 25.03.97 27.03.97 Erika 27.03.97 27.03.97 Erika 12.05.97 12.05.97 Erika 13.05.97 13.05.97 Erika 13.07.97 13.07.97 Erika 11.06.98 12.06.98 Erika 28.11.98 30.11.98 Erika 02.05.99 04.05.99

Imtarfa — Bypass

Question

Peress li tafal li hemm mal-ġenb tal-bypass ta' l-Imtarfa, inti u niżel qed dejjem jiżbroffa fit-triq u issa naturalment jibda jiżbroffa fuq il-bankina li saret, jista' l-Ministru jikkonsidra li jsir ilqugħ bis-sistema tal-gabrijolini li ntużaw fuq il-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa u li huma aktar environmental friendly u kompatibbli mal-ħarsien ta' l-ambjent?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment qiegħed jara x`inhu l-aħjar li jsir f`dan ir-rigward biex ma jkunx hemm periklu fit-triq u fl-istess ħin l-ambjent ikun salvagwardjat.

Rabat — Xogħlijiet fil-bypass

Question

B'riferenza għat-tweġiba tal-Ministru dwar l-ilment fuq ix-xogħlijiet li qed isiru fuq il-bypass fil-mument, jista' l-Ministru jinfurmani meta rċieva l-ittra/fax mill-Kunsill Lokali tar-Rabat dwar ix-xogħlijiet fuq il-bypass? X'follow up sar fuq din l-ittra/fax tal-Kunsill Lokali tar-Rabat u meta saru u x'ġie diskuss? Meta huwa pprogettat li jiġu ffinalizzati x-xogħlijiet fuq din il-bypass u kemm swew f'ċifra ta' flus s'issa x-xogħlijiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li d-Dipartiment ma rċieva l-ebda ittra/fax mill-Kunsill Lokali tar-Rabat dwar ix-xogħolijiet imsemmija, u għalhekk ma kienx hemm passi x`jittieħdu.

Storm Water Division

Question

Possibbli li l-iStorm Water Division u d-Dipartiment tat-Toroq jinvestigaw u possibbilment jirrimedjaw il-ħsara li qed tħalli fir-raba' li hemm fi Triq il-Gardel, Wied il-Għajn, għax l-ilma m'għandux minn fejn jgħaddi minħabba car park li nbena quddiem restaurant? Billi bost bdiewa qed ibatu għadd ta' ħsara fl-uċuħ tagħhom, possibbli jittieħdu passi immedjati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li peress li l-`car park` huwa mibni fuq art privata u mhux parti minn triq pubblika, mhix kompetenza tad-Dipartiment tat-Toroq jew ta` l-`Istorm Water Section` biex jikkunsidra l-każ imqajjem mill-Onor. Interpellant.

Wied il-Għajn — Triq il-Qaliet - Over speeding

Question

Wara diversi korrispondenza tiegħi u diversi mistoqsijiet parlamentari tiegħi biex fi Triq il-Qaliet, Wied il-Għajn issir xi ħaġa biex jinqata' l-abbuż ta' l-overspeeding, possibbli li t-Traffic Control Board jikkonsidra li jagħmel traffic lights f'din it-triq qabel issir xi inċident fatali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-'traffic lights' fi Triq il-Qaliet ġew approvati mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku fl-1 ta' Diċembru 1999.

Swieqi — Triq il-Wejba - Tarmak

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex Triq il-Wejba, Swieqi ssirilha t-tarmac peress li din qatt ma saret u tinstab fi stat ħażin ħafna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li qed isiru diskussjonijiet bejn id-Dipartiment tat-Toroq u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali biex jiġu deċiżi il-prijoritajiet ta' xogħol ta' asfalt ta' toroq ġodda, u għalhekk l-informazzjoni tkun tista tingħata meta dawn il-prijoritajiet ikunu mifthema.

Żejtun — Triq Alfredo Cachia Zammit - One way

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk it-Traffic Control Board irċeviex talba mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun biex Triq Alfredo Cachia Zammit, fiż-Żejtun issir one way kif fil-fatt waslet informazzjoni għandi? Jekk dan hu minnu, jaf it-Traffic Control Board li din it-triq hi ferm wiesgħa u m'hemmx ġustifikazzjoni li din għandha ssir one way? Qabel japprova din it-talba, jekk fil-fatt diġa' saret talba, jista' t-Traffic Control Board jinvestiga bis-serjeta' r-raġuni għaliex saret din it-talba?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku ma saritlu l-ebda talba mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun biex Triq Alfredo Cachia Żammit issir 'one way'.

MMA — Infiq

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' l-infiq permezz ta' credit cards tal-Malta Maritime Authority tul dawn l-aħħar sena xahar b'xahar? Minn min saret n-nefqa u għaliex intnefqu? Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'infiq sar permezz ta' credit cards mid-Direttur tal-Port tal-Merchant Shipping u Yachting individwalment? Għal-liema raġuni sar u min jikkontrolla dan l-infiq u jekk huwiex fil-limiti tat-terms of reference tal-kondizzjonijiet ta' l-impjieg tagħhom? Jaħseb il-Ministru li dan l-infiq huwa esaġerat u jerfa' responsabbilta' ta' dan l-infiq minn fondi pubbliċi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li hu l-Bord tad-Direttturi li japprova każ ta` ħruġ ta` `credit card` lil xi uffiċċjali ta` l-Awtorita` Marittima. Jien infurmat ukoll li l-użu ta` dawn il-`credit cards` huwa sistema ta` pagamenti bħal kull sistema oħra. Għalhekk, pagamenti li jsiru mill-Awotrita` Martittima kemm bis-sistema ta` `credit card` kif ukoll bis-sistema konvenzjonali huma suġġetti għal sistema ta` kontroll kemm fi ħdan l-istess Awtorita` kif ukol għal verifika mill-Awdituri esterni ta` l-Awotrita`. Nemmen li kull infiq hu responsabli għalih min ikun qed iwettqu.

Telekommunikazzjoni — Liberalizzazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi liberalizzat kompletament il-qasam tat-telekommunikazzjoni? Xi problemi hemm pendenti u dawn kif se jissolvew?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ninsab infurmat li d-diskusjonijiet dwar dan l-aspett għadhom għaddejjien.

MMA — Karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' karozzi uffiċjali qegħdin jintużaw mid-diretturi tal-MMA? Meta nxtraw u kemm kienet in-nefqa? Tħallas dazju jew VAT fuqhom? Kif qegħdin jintużaw u għal liema raġuni? Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-karozzi jistgħux jiġu wżati minn persuni oħrajn?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-karozzi uffiċċjali li jintużaw mid-Diretturi ta` l-Awtorita` Marittima ta` Malta huma kif ġej: a) Lancia Dedra li nxtrat Lm6,110 fl-1993 b) Alfa Romeo 155 li nxtrat Lm6,398 fl-1993 c) Saab 9000 CDE li nxtrat Lm17,783 fl-1995 d) Volkswagen Passat li nxtrat Lm9,115 fl-1999 Fil-każ tal-Lancia Dedra u l-Alfa Romeo 155 ma tħallas l-ebda dazju jew VAT. Meta nxtrat is-Saab 9000 CDE tħallsu kemm id-dazju kif ukoll il-VAT. Fil-Każ tal-Volkswagen Passat tħallas biss il-VAT.

San Ġiljan — Sleeping policeman

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li ssir sleeping policeman f'Telgħet Birkirkara, San Ġiljan eżattament quddiem il-Club tal-football ta' Ta' Ġiorni Wolves peress li fl-imsemmija triq u fil-post fejn qiegħed nirriferi għalih qiegħed kontinwament isir sewqan b'veloċita' eċċessiva b'periklu kemm għar-residenti kif ukoll għan-nies li jużaw din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Huwa ssuġġerit li l-Kunsill Lokali tal-lokalita` konċernata jagħmel talba lit-Traffic Control Board biex jittieħdu passi neċessarji.

Raħal Ġdid — Triq Żabbar - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jara li Żabbar Road, Raħal Ġdid, faċċata ta' Triq Lampuka tiġi maqlugħa peress li din it-triq taqleb għal djar tan-nies u meta tagħmel ix-xita jidħol fi djarhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jindaga l-problema u jiddiskuti mal-Kunsill peress li t-triq taqa` taħt ir-responsabilta ta` dan ta` l-aħħar.

Mellieħa — Toroq

Question

Jista'l-Ministru jgħid jekk hux se tintlaqa' t-talba tal-kunsill lokali tal-Mellieħa biex it-triq li minn ħdejn il-kumpless ta' Ħal Ferh u li twassal sal-Manikata u li tintuża mill-karozzi tal-linja tiġi rranġata sew mid-Diaprtiment tat-Toroq? Jikkunsidra li jekk din it-talba ma tintlaqax il-kunsill ikollu jagħmel din it-triq u hekk ikollu ferm inqas x'jonfoq mill-Lm40,000 li għandu għat-toroq u l-bankini tal-Manikata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq ilu għal diversi snin jaħdem mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fir-rigward ta` din it-triq u xogħol fiha ikun jista jsir skond programm ta` prijoritajiet li qiegħed jitħejja mill-konsulenti Ġermaniżi għal `link roads` ta` dan it-tip.

San Ġiljan — Telgħet B'Kara - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li wara li jitlesta x-xogħol li qed isir bħalissa fi Telgħet B'Kara, San Ġiljan din it-triq terġa' tingħata t-tarmak mill-ġdid kollha kemm hi peress li tinstab fi stat xejn pjaċevoli?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed f`kuntatt mad-Dipartiment tad-Drenaġġ u l-kuntrattur li ħaffer it-triq dan l-aħħar sabiex ir-`reinstatement` tat-trinka isir sew, biex il-wiċċ tat-triq jerġa jiġi għall-istat li kien qabel sar ix-xogħol.

Dipartiment tat-Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li tintuża u x'regolamenti jew guidelines jeżistu biex kuntratturi, kumpanniji jew individwi jikkwalifikaw biex jittenderjaw u eventwalment jiġu awarded għal xogħol ta' tarmak ta' tenders maħruġa mid-Dipartiment tat-Toroq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-aġġudikazzjoni ta` kuntratti għal xogħol fit-toroq isir skond ir-regolamenti stabbiliti mill-Ministeru tal-Finanzi kif applikati mid-Direttur tad-Dipartiment tal-Kuntratti.

Dipartiment tat-Toroq — Tenders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma u liema huma t-tenders li ħarġu mid-Dipartiment tat-Toroq mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn? Jista'l-Ministru jgħid liema kienu l-kumpanniji, individwi jew kuntratturi li ttenderjaw u li eventwalment ġew awarded it-tender? Jista ' l-Ministru jgħid jekk minn dawk awarded it-tenders, irriżultax li kien hemm xi ħadd li ma kienx jikkwalifika minħabba li ma kienx mgħammar u m'għandux il-makkinarju meħtieġ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mgħotija għall-mistoqsija Parlamentari Nru. 10461 li magħha jien infurmat li jrid jiżdied: TENDERS CONTRACTOR VALUE ACCEPTED Construction of Roundabout ta` Alla u Ommu Calex Cont. Lm9,196 Surfacing works fi Triq Palazz l-Aħmar Roads Group Lm11,490 Land Surveying Services Planning Auth. Lm20,000 Surfacing works at Round- about ta` Alla u Ommu Roads Group Lm18,306 Jien infurmat ukoll li mill-kuntratturi kollha, wieħed talab li jinħall miż-żewġ kuntratti li kellu peress li sab li ma setax jagħmel ix-xogħol. Id-Dipartiment sadanitant qiegħed jevalwa il-pożizzjoni fuq kull kuntratt li qiegħed jitwettaq biex ikun stabbilit jekk, fejn xogħol qed ikun ħażin u qed ikollu jerġa jinqala jew inkella x-xogħol waqa` lura sostanzjonalment, jiġi determinat jekk dan hux kawża ta` nuqqas ta` attrezzament tal-kuntrattur li lilu ngħata x-xogħol.

Ħamrun — Tar-Rabbat - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-estimi dwar toroq hemmx inkluż l-għoti tat-tarmac fit-toroq fl-inħawi tar-Rabbat, il-Ħamrun? Jekk fl-affermattiv, liema toroq huma nklużi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li xogħol tat-tip imsemmi mill-Onor. Interpellant isir taħt il-Vot `VII Capital Item 35 sub head 10 - Levelling and Asphalting of private streets`. Id-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha w x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.

Pembroke — Misrah il-Fortizza - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess għal ħruġ ta' tenders biex isir ix-xogħol ta' tarmac f'Misraħ il-Fortizza u l-akwati f'Pembroke?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant ikun jista' jsir meta l-'cables' li hemm fil-wiċċ jitranġaw mill-Maltacom.

Mtarfa — Bypass

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma' min saru l-konsultazzjonijiet dwar l-iżvilupp tal-bypass ta' l-Imtarfa? Meta saru l-laqgħat mal-kunsill lokali tar-Rabat u l-kumitat tar-residenti ta' l-Imtarfa qabel ma bdew ix-xogħlijiet fuq il-bypass? Peress li tqanqlu ħafna lmenti dwar il-mod ta' kif qed tiġi ddisinjata din il-bypass u ċioe' dwar l-aċċess ta' l-ispazju tat-triq fil-parti li minnha tkun niżel minn din il-bypass, jista' l-Ministru jinformana x'investigazzjoni saret dwar dawn l-ilmenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq għamel ix-xogħol li kien hemm bżonn biex jiġu ppreparati l-pjanti meħtieġa għal dan il-proġett b`konsultazzjoni sħieħa ma l-esperti Ġermaniżi li għandu l-Gvern għal dan il-għan. Id-Dipartiment tat-Toroq irċieva lment wieħed biss mingħand persuna li normalment tinżel bit-truck minn niżla ta` l-Imtarfa, u l-bankina f`din il-lokalita ġiet irranġata biex dan it-tip ta` truck kbir ikun jista` jimanuvra bla tfixkil. Minbarra hekk meta tfassal ix-xogħol meħtieġ ittieħed in konsiderazzjoni l-volum tat-traffiku li jgħaddi jew jista` jgħaddi minn din it-triq. Fil-fatt, wara din l-analiżi ġie deċiż li filwaqt li fid-direzzjoni t`isfel hemm lane wieħed tal-`lay bys`, id-direzzjoni `l fuq ser issir b`żewġ lanes.

Zabbar — Triq in-Nissieġ - Toroq

Question

Jista'l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li l-Istorm Water Division u d-Dipartiment tat-Toroq jagħmlu spezzjonijiet fl-iqsar żmien possibbli fl-għelieqi li jagħtu għal Triq in-Nissieġ, Ħaż-Żabbar, minħabba li infaqgħu xi dorog ta' l-ilma bil-konsegwenza li l-ilma kollu mill-għelieqi u mill-by-pass ta' Wied il-Għajn qed jispiċċa f'din it-triq fejn qed jegħrqu diversi djar u qed isiru ħsarat f'diversi djar u basements? Billi din it-triq hi kollha abitata, possibbli jittieħdu passi fl-iqsar żmien possibbli?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt l-informazzjoni mgħoddija mill-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tat-Toroq biex ikun jista jara sewwa l-każ x`hemm bżonn li jsir.