Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qrati — Separazzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' talbiet għal separazzjoni personali li ġew introdotti fil-qorti tal-familja din is-sena sad-data li tiġi mwieġba din l-interpellanza?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab informat illi n-numru ta' talbiet għal separazzjoni personali li ġew introdotti fil-Qorti tal-Familja mit-2 ta' Jannar, 2004 sa l-14 ta' Diċembru, 2004 kien kif ġej: Fi Stadju Kontenzjuz: Ċitazzjonijiet 133 Fi Stadju ta' Medjazzjoni Ittri f'Medjazzjoni (fejn m'hemmx qbil) 627 Noti f'Medjazzjoni (fejn hemm qbil fuq kuntratt) 355 L-informazzjoni dwar Għawdex għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċvili

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm investiment sar fid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili matul dawn l-aħħar ftit snin sabiex jiġi modernizzat? Fiex kien jikkonsisti dan l-investiment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-investiment li sar matul dawn l-aħħar ftit snin fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex dan jiġi modernizzat hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija — Inċidenti tat-Traffiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku fis-snin 2001, 2002, 2003 u 2004 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ inċidenti tat-traffiku rappurtati lill-Pulizija bejn is-snin 2001 u l-2004 kienu kif ġej: 2001 13,372 2002 14,062 2003 13,982 2004* 5,441 *sat-30.11.04 Infurmat ukoll minn Marzu ta’ din is-sena l-inċidenti tat-traffiku fejn ma jkunx hemm korrimenti jew ħsarat fi proprjeta’ tal-Gvern bdew ikunu rrapurtati u nvestigati mill-Gwardjani Lokali.

Ġustizzja u Intern — Ġarr ta' Għamara

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 9312, jista' il-Viċi Prim Ministru jinformana kemm fil-fatt kienu l-ispejjeż tal-ġarr u ta' l-għamara ġdida li nxtrat u/jew inkriet? Saru xi alterazzjonijiet jew xogħlijiet oħra fil-postijiet il-ġodda u jekk iva, kemm ġew jiswew?

Response (BORG, TONIO)

Qed nipprovdi t-tagħrif mitlub dwar it-trasferiment tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern minn Casa Leone f'Sta. Venera għal Auberge d'Aragon u House of Catalunya fil-Belt Valletta:- Spejjeż tal-Ġarr Lm2,360 Għamara Ġdida Lm3,625 Alterazzjonijiet/xogħlijiet oħra Lm2,854 (Auberge d'Aragon) Lm540 (House of Catalunya)

Assoċjazzjoni tal-Basketball — Passaporti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk irċevix talba mill-assoċjazzjoni tal-basketball sabiex jinħareġ passaport Malti lil sitt players tal-basketball b'kunjom Malti u li jgħixu ġewwa l-Awstralja? Jaħseb li l-ħruġ ta' dawn il-passaporti, u allura dawn il-players ikunu jistgħu jilgħabu mat-timijiet nazzjonali ta' Malta, jgħin sabiex jitjieb il-livell fil-logħba tal-basketball f'pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi applikazzjonijiet għall-passaport ma jsirux minn xi assoċjazzjoni iżda mill-individwu. Id-Dipartiment mhux f'pożizzjoni li jgħid jekk saritx xi applikazzjoni minn players tal-basketball b'kunjom Malti u li jgħixu ġewwa l-Awstralja. Dan għax fl-applikazzjoni tal-passaport ma jintalabx l-isports li jipprattika l-individwu. Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-persuni ta' ċittadinanza Maltija, m'għandux ikun ta' problema li jinħarġilhom passaport Malti; jekk le ma jistax jinħareġ passaport Malti lil min ma hux ċittadin Malti.

Pulizija — Ħanut tax-xorb

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed tkompli tieħu l-pulizija dwar il-kwestjoni mqajma f'mistoqsija parlamentari numru 9499?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tkompli tagħmel spezzjonijiet fil-ħanut imsemmi sabiex kemm jista' jkun ma jkunx hemm abbuż. Fil-fatt minn dawn l-ispezzjonijiet jirriżulta li l-ħanut mhux qed ikun miftuħ u lanqas ma kien hemm ilmenti mal-Pulizija.

Uffiċċju Konġunt — Fidi ta' Ċens

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn waslet it-talba ta' persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - quddiem l-uffiċċju konġunt biex jifdi ċ-ċens?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt ma rċieva ebda talba mill-persuna msemmija sabiex jifdi ċ-ċens, imma biss biex jiġi rikonoxxut bħala ċenswalista. Din l-aħħar talba tiġi kkunsidrata hekk kif id-dokumenti jaslu fl-Uffiċċju Konġunt mingħand l-Awtoritajiet Ekklesjastiċi.

Tribunali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitwaqqfu tribunali/qrati muniċipali f'Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm preżentement m'hemmx il-ħsieb li jitwaqqfu tribunali/qrati muniċipali, pero' din il-miżura m'hiex eskluża kompletament u tista' tiġi proposta wara l-istudju u konsultazzjoni li tinħass opportuna.

Qrati — Maġistrati

Question

Jista' il-Vici Prim Ministru jgħid kemm tħallsu l-esperti nominati mill-maġistrati fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 - sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Diviżjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja għamlet ħlasijiet kif ġej: Sena Għawdex Lm Malta Lm 2000 5,114.17 227,198.88 2001 13,300.75 273,076.62 2002 10,051.61 317,453.86 2003 18,383.49 284,713.42 2004 12,782.18 273,366.93

Distrett Nru. 4 — Libreriji lokali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir id-devoluzzjoni tal-libreriji lokali fil-Marsa, Raħal Ġdid, Tarxien u Sta. Luċija lill-kunsilli lokali rispettivi?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-pożizzjoni tal-Kunsilli Lokali msemmija fil-mistoqsija tiegħu fuq id-devoluzzjoni rispettivi u proposti huma dawn: 1. Marsa: Il-Kunsill qiegħed jipproġetta li jibni ufficcji amministrattivi ġodda li jkun jista' jinkorpora fihom il-bini ta' librerija. 2. Santa Luċija: Il-Kunsill qed ikollu diffikulta' li jsib post adegwat għal dan il-għan u li dan ikollu aċċess għal persuni b'diżabilita' speċjali. 3. Tarxien: Il-Kunsill Lokali ta’ Hal-Tarxien għandu l-ħsieb li jiftaħ waħda u qiegħed jidentifika post. 4. Raħal Ġdid: Minħabba li hemm diġa' waħda distrettwali fil-lokal, il-Kunsill Lokali Paola s’issa m għandux il-ħsieb li tinfetaħ librerija.

Kunsilli Lokali — Quality Service Charter

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li nedew quality service charter? Hemm oħrajn li huma fil-proċess li jiġu mnedija? Fil-prattika, xi tfisser it-tnedija ta' charter bħal dan?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm Kunsill wieħed li nieda quality service charter. Dan huwa l-Kunsill Lokali ta' Santa Venera. Hemm tlett Kunsilli oħra, dawk tal-Birgu, tal-Għargħur u tal-Mellieħa li bdew taħdidiet maċ-Charter Support Unit ta' l-Uffiċċju ta' l-Prim Ministru biex huma wkoll ikollhom Quality Service Charter. Meta entita' tniedi Quality Service Charter tkun qed tintrabat li tipprovdi s-servizzi kif elenkati fic-Charter partikulari tagħha.

Ħaż-Żabbar — Proprjeta'

Question

B'riferenza għall-ittra li qed tintbagħat separatament jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk is-sit f'Ħaż-Żabbar huwiex proprjeta' tad-dipartiment ta' l-artijiet jew ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija tal-Gvern.

Pulizija — Ħanut tax-xorb

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-pulizija wara li fil-weekend li għadda, 5 u 6 ta' Diċembru, instabu numru ta' żgħażagħ taħt l-eta' f'ħanut tax-xorb li ismu qiegħed jintbagħat separatament? Jista' jgħid kemm instabu żgħażagħ ġewwa? Jista' il-Viċi Prim Ministru jinnota li dan il-ħanut huwa wieħed minn dawk li kull tmiem il-ġimgħa jkun mimli b'persuni taħt l-eta'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi b'riżultat ta' spezzjonijiet li l-Pulizija tagħmel f'postijiet ta' divertiment u ħwienet tax-xorb, fil-lejl ta' nhar il-Ħadd 5 ta' Diċembru 2004, instab li fil-ħanut li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant kien hemm ħames żagħżagħ taħt l-eta'. Infurmat ukoll li l-Pulizija qed tieħu passi kontra s-sid skond il-liġi.

Pulizija — Rapporti fuq ċekkijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi jittieħdu mill-pulizija wara li jsir rapport fuq ċekkijiet ta' bank lokali, meta jsir pagament u ċ-ċekk jiġi dikjarat refer/forward drawer? Dan għandu jiġi ikkunsidrat bħala frodi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tinvestiga r-rapporti li jsirulha. Ikun wara li tkun tlestiet l-investigazzjoni u tkun evalwata l-evidenza miġbura, li jiġi deċiż jekk l-evidenza hekk miġbura tkunx twassal sabiex jinbdew proċeduri kriminali jew le.

Xtajtiet Privati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 9490 u 9547 u l-pjanti relatati, u cioe' jista' jindika b'mod kulurit, separatament u dettaljament liema huma l-partijiet privati, liema x'aktarx privati u liema huma pubbliċi?

Response (BORG, TONIO)

Bi tweġiba għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 9490 u Nru. 9547, qed nehmeż żewġ pjanti li juru b'kulur aħmar proprjeta' biswit il-baħar fil-Ponta tal-Balluta u fil-Ponta tad-Dragonara fejn l-indikazzjonijiet li għandha t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern sa issa huma li din il-proprjeta' aktarx hija privata.