Legislature:
Category:
Reset
Active:

NI

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm qed jinġabru NI's inklużi arretrati minn soċjetajiet u kumpaniji privati , inklużi dawk parastatali, u dan matul s-snin mill-1996 sa l-aħħar tas-sena 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalma diġa' għidt f'risposti oħra, il-ġbir tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali m'għadhiex ir-responsabbilta' tal-Ministeru tiegħi u għaldaqstant din id-domanda għandha tiġi magħmula lill-Ministru kkonċernat.

Servizz ta' Helper

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu passi biex l-anzjana ta' kważi 80 sena li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija li għandha problemi serji bil-vista u biex timxi, jkollha s-servizz tal-helper ta' l-anzjani sagħtejn kuljum bejn it-8.00am u l-10.00am flok fil-ħinijiet li qed ikollha bħalissa

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-Home Help jingħata dejjem biex l-anzjani jkunu moqdija skond il-bżonnijiet tagħhom. Biss jibqa' l-fatt li l-persuna għandha tkun raġonevoli biżżejjed u tikkopera mad-Dipartiment. L-anzjana msemmija ilha moqdija mis-servizz minn April 1991 u sallum, diġa' marru 18-il ASK li għal xi raġuni jew oħra ħadd ma baqa' magħha. Ma naħsibx li dawn it-18-il ASK huma kollha nkompatibbli ma' din il-persuna. Tajjeb li jingħad, li saru xi arranġamenti dan l-aħħar biex is-servizz ikun jista' jingħata, dejjem b'sens ta' rieda tajba wkoll minn naha ta' l-anzjana msemmija.

Servizz ta' Helpers

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandna anzjani li għandhom is-servizz ta' helpers f'Malta u f'Għawdex lokalita' b'lokalita'? Kemm hemm helpers magħhom? Min hu ntitolat għal dawn il-helpers? X'minimu ta' siegħat u x'massimu ta' siegħat iqattgħu l-helpers ma' l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' l-anzjani li għandhom servizz ta' Home Help f'Malta hu ta' 2,589 filwaqt li dak f'Għawdex hu ta' 681. F'Malta hemm 344 helper jaħdmu ma' l-anzjani waqt li f'Għawdex hemm 136. Dan is-servizz jingħata lill-persuni li għandhom fuq is-sittin sena u lil min għandu bżonn tas-servizz wara deċiżjoni tal-Bord ta' l-Allokazzjoni. Il-ħin minimu li jingħata dan ise-servizz hu ta' sagħtejn fil-ġimgħa u dak massimu hu ta' tlitt siegħat kuljum, skond il-każ.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament hijiex se tieħu l-SKA u benefiċċju soċjali oħra li ħaqqa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

TARIC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani kif se jkunu assigurati l-impjiegi tal-ħaddiema fl-industrija tal-minerali lokali wara li Malta tintroduċi t-TARIC fuq il-materja prima importata f'pajjiżna għal din l-industrija mill-pajjiżi li ma jkunux membri ta' l-UE? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra studju li sar mill-Gvern matul l-1999 u 2000 dwar dan l-impatt negattiv li se jkollha ssofri l-industrija tal-minerali lokali b'kawża ta' sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22215 f'Seduta Numru 466.

TARIC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani kif se jkunu assigurati l-impjiegi tal-ħaddiema fl-industrija lokali tal-ħelu wara li Malta tintroduċi t-TARIC fuq il-materja prima mportata f'pajjiżna għal din l-industrija mill-pajjiżi li ma jkunux membri ta' l-UE? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra studju li sar mill-Gvern matul l-1999 u 2000 dwar dan l-impatt negattiv li se jkollha sofri l-industrija tal-ħelu lokali b'kawża ta' sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23417 f'din l-istess Seduta.

TARIC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani kif se jkunu assigurati l-impjiegi tal-ħaddiema fl-industrija lokali tal-laħam wara li Malta tintroduċi t-TARIC fuq il-materja prima mportata f'pajjiżna għal din l-industrija mill-pajjiżi li ma jkunux membri ta' l-UE? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra studju li sar mill-Gvern matul l-1999 u 2000 dwar dan l-impatt negattiv li se jkollha sofri l-industrija tal-laħam lokali b'kawża ta' sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23417 f'din l-istess Seduta.

TARIC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani kif se jkunu assigurati l-impjiegi tal-ħaddiema fl-agro-industrija wara li Malta tintroduċi t-TARIC fuq il-materja prima mportata f'pajjiżna għal din l-industrija mill-pajjiżi li ma jkunux membri ta' l-UE? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra studju li sar mill-Gvern matul l-1999 u 2000 dwar dan l-impatt negattiv li se jkollha sofri l-agro-industrija b'kawża ta' sħubija sħiħa ta' Malta fl-UE?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23417 f'din l-istess Seduta.

ETC — Europass Training

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'sar s'issa dwar il-programm Europass Training li suppost l-ETC qed tieħu ħsieb?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ qiegħda f'kuntatt mal-Kummissjoni Ewropeja dwar l-implementazzjoni f'Malta tal-EUROPASS Training Scheme. S'issa din l-iskema għadha qiegħda tiġi ntrodotta fi stati membri ta' l-Unjoni Ewropeja. L-estensjoni ta' l-iskema għal pajjiżi li qiegħdin jipparteċipaw fi programmi ta' taħriġ u edukazzjoni ta' l-Unjoni Ewropeja ser issir aktar tard.

ETC — Korsijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid isirux korsijiet għall-persuni b'ċertu diżabilita' mill-ETC jew minn organizzaturi ta' korsijiet oħra u jistax jinforma lill-ġenituri tal-persuna li ser insemmi separatament, x'jista' jsir għat-tifla tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Preżentament il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ qiegħda toffri korsijiet għall-persuni b'diżabilita' b'arranġamenti ma' l-Eden Foundation u Richmond Foundation. Fil-każ tal-persuna mmsemmija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22870.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament se tieħu r-relief u l-benefiċċji soċjali li ħaqqa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

EU

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ikkummisjonati rapporti mad-dekasteru tiegħu marbuta mas-sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea minn Ottubru 1998 sallum? Jista' jgħid wkoll fuq liema suġġett kienu, min għamel dan ir-rapport u kemm tħallas ta' dan ir-rapport? Jista' ġentilment ipoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ġie kkommissjonat rapport wieħed wara sejħa għal offerti. Dan ir-rapport kien jirrigwarda ħamsa u għoxrin Direttiva ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa u s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol u erba Direttivi dwar ix-xogħol. Dan ir-rapport, li sewa Lm28,750 (inkluż il-Vat), sar mill-kumpanniji KPMG, MISCO u EuropAdvise flimkien. Din kienet l-unika offerta sottomessa. Ir-rapport tqassam lill-membri tal-MEUSAC biex dawn jifhmu l-pożizzjoni tal-Gvern fin-negozjati għas-sħubija. Kieku l-Oppożizzjoni taċċetta l-istedina tal-Gvern biex tipparteċipa fil-MEUSAC, allura jkollha aċċess ukoll għal dan id-dokument. F'dan l-istadju ma jidhirlix li hu fl-interess ta' Malta li npoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra.

ETC — Rapporti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ikkummissjonati rapporti mill-ETC minn Ottubru 1998 sal-lum? Jista' f'kull każ jgħid minn min saru u kemm qamu? Jista' jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li minn Ottubru 1998 sallum, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ ikkummissjonat rapport wieħed. Dan ir-rapport sar mill-aġenzija FAS ta' l-Irlanda u sewa Lm32,921.26. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21023 f'Seduta Numru 422.

Żwiġijiet bejn l-istess sess

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-dipartiment tas-servizzi soċjali jirrikonoxxix żwiġijiet bejn persuni ta' l-istess sess li saru barra minn Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-Tweġiba hija "le". Madanakollu rrid niġbed l-attenzjoni lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali mhux l-awtorita' kompetenti li tirrikonoxxi ż-żwiġijiet, kemm dawk li jsiru f'Malta kif ukoll barra.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk it-tfajla li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament hijiex intitolati għal xi benefiċċju soċjali peress li tieħu ħsieb ommha - marida mentalment - u li tiddependi minn missierha li d-dħul tiegħu ġej mill-benefiċċju tal-qgħad?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Persuni B'Diżabilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid mill-1994 sa l-2000 kemm kienu dawk il-persuni b'diżabilita' li kienu qed ifittxu xogħol fl-aħħar tas-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba skond ir-rekords miżmuma mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.

Istituti Reliġjużi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm tfal ġo istituti reliġjużi llum? Kemm għandhom eta' u x'inhi r-raġuni li qegħdin hemm?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond l-informazzjoni li għandu d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja, preżentement hemm 300 tifel u tifla fi 17 il-Dar Residenzjali. L-eta' ta' dawn it-tfal tvarja bejn ġimgħa u tmintax-il sena. Tfal jiddaħħlu fi Djar Residenzjali għal diversi raġunijiet iżda prinċiparjament għax il-ġentituri ma jkunux f'pożizzjoni li jieħdu kura tagħhom jew jipprovdulhom il-protezzjoni meħtieġa.