Jaħseb il-Ministru li l-probation officers lil hemm fil-Probation Services m'għandhomx jitħallew jagħmlu użu mill-karozzi privati tagħhom biex jagħmlu l-home visits għax dawn isiru klijenti, li xi ħadd minnhom jista' faċilment jieħu n-numru tal-karozza u jagħmlilhom xi vendizzjoni?
Jaħseb li minħabba l-ammont ta' viżti u ġiri li jkollhom lanqas hu prattikabbli li jużaw il-karozzi tal-linja?
Jaħseb il-Ministru li l-aħjar alternattiva hi li l-probation services ikollhom karozzi allokati għal użu esklussiv tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li s-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant ser jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet minn membri tal-korp tal-pulizija f'dawn l-aħħar sitt xhur fi Triq id-Dulliegħ, Żejtun? X'irriżulta u x'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-lokalita` li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant saru diversi spezzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett. Ma jirriżultax li kienu osservati xi ksur ta` liġi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-regolamenti ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tinfetah dar għall-anzjani?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar m`għandhiex gwida speċifika dwar l-iżvilupp ta` djar għall-Anzjani. Meta l-Awtorita` tirċievi applikazzjonijiet għal dan it-tip ta` żvilupp, jiġu konsultati s-Segretarjat għall-Anzjani u dipartimenti oħra konċernati ma` dan it-tip ta` żvilupp.
Ninsab infurmat ukoll li dan l-aħħar, is-Segretarjat għall-Anzjani għadda lill-Awtorita` abbozz ta` parametri li huma relevanti għal dan it-tip ta` żvilupp. Dawn il-parametri jgħinu fit-teħid ta` deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-iżvilupp ta` djar għall-anzjani.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji saret search mill-pulizija tad-droga lill-familja li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħatu separatament minn din il-mistoqsija? Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-pulizija tmurx fuq ittra anonima? Aktar minn pulizija wieħed ifittex fid-dar? Jista' l-Ministru jgħid x'sar minn dan il-każ? Jekk il-każ irriżulta fin-negattiv, x'kumpens se jieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Il-Pulizija, skond il-Kodiċi Kriminali għandha d-dritt li tagħmel perkwiżizzjoni fi kwalunkwe post f'Malta meta jkun hemm suspett raġonevoli li ġie kommess reat u li l-perkwiżizzjoni hi meħtieġa sabiex jiġi investigat il-każ.
Dan isir a bażi ta' informazzjoni li tirċievi l-Pulizija u li tevalwa qabel ma tieħu azzjoni. Ġaladarba l-Pulizija teżerċita l-poteri tagħha skond il-liġi m'hemmx lok għal ħlas ta` xi kumpens.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta'kollużjonijiet/aċċidenti tat-traffiku rrapportati lill-pulizija bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena? Kemm-il darba kellha tissejjaħ l-ambulanza u l-SAG u kemm minn dawn l-inċidenti kienu fatali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Awissu 1999, kien hemm 7,462 inċidenti tat-traffiku u kolliżżjonijiet irrappurtati lill-Pulizija, li f`654 minnhom kien hemm il-feruti filwaqt li 7 kienu fatali. Ir-Rescue Unit ta` l-SAG, ġiet imsejħa fuq 33 minn dawn l-inċidenti. Dwar kemm il-darba kellha tissejjaħ l-ambulanza, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista'l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal bdil ta' użu minn abitazzjoni għall-uffiċċju kemm ilha mwaqqfa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar sat-30 ta' Ġunju, 1999?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm permessi maħruġa għal bdil ta' użu minn abitazzjoni għal uffiċċju kemm ilha mwaqqfa l-Awtorita' ta'l-Ippjanar sat-30 ta' Ġunju, 1999?
Jista'l-Ministru jgħid ukoll kemm kien hemm applikazzjonijiet pendenti għal bdil ta' użu minn abitazzjoni għal uffiċċju taħt il-PAPB li ntirtu għall-ipproċessar mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar, 1992?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jiddentifika liema huma l-kmamar imtellgħin fuq art tal-gvern mingħajr permess fl-area f'Tal-Farsina, Qormi? Liema huma dawk il-kmamar li ttellgħu b'dan il-mod u li l-awtoritajiet ordnaw it-twaqqigħ tagħhom matul din l-aħħar sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor Interpellanti hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet mill-pulizija lil sidien ta' ħwienet u negozji oħra għax ikollhom esposti għall-bejgħ ġugarelli f'forma ta' armi tan-nar?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti tispeċifika l-perijodu li dwaru qed tintalab l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu ċitazzjonijiet lil persuni dwar ksur tal-Litter Act fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena? Kemm minn dawn eventwalment instabu ħatja ta' ksur tal-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru ta` l-1999, il-Pulizija ħarket 51 persuna dwar ksur tal-Litter Act, li minnhom, sa l-aħħar ta` Settembru, 11 instabu ħatja.
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent x'inhi l-popolazzjoni fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin u kif inhi maqsuma bejn priġunieri li qed jistennew li jkunu pproċessati u oħrajn li diġa' kienu pproċessati? Kemm hemm priġunieri Maltin, barranin u l-barranin minn liema pajjiż huma? Kemm hemm priġunieri nisa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet irrapportata nieqsa mill-1 ta' Jannar, 1999? Min kienu? Kemm minnhom instabu? X'inhu n-numru ta' persuni li ġew irrapportati nieqsa f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm minnhom għadhom neqsin? Liema huma dawk li ma nstabux?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar u d-19 ta` Ottubru 1999, ġew irrappurtati lill-Pulizija 143 persuna bħala nieqsa. Minn dawn persuna waħda għadha tidher nieqsa. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta` persuni rrappurtati nieqsa matul dawn l-aħħar ħames snin kien kif ġej : -
Sena Persuni rrapurtati nieqsa Għadhom nieqsa
--- ------------------------- --------------
1995 179 xejn
1996 151 1
1997 159 xejn
1998 157 1
1999* 143 1
* Sad-19 ta` Ottubru.
Dwar l-identita` tal-persuni nvoluti ma jidhirlix li għandi nagħmel pubbliku din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm dam il-ħabs il-Libjan Azzabi qabel ma ħarab?
Kemm-il darba għamel visti fl-isptar?
F'liema sptarijiet ingħata l-kura?
Jista' l-Ministru jgħid għal-liema mard ġie kkurat?
Minbarra l-visti fl-isptar, inħareġ xi drabi oħra? Fejn mar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet ilha tinżamm il-ħabs mill-11 ta` Novembru 1998.
Ninsab infurmat ukoll li din il-persuna ġiet meħuda darba l-isptar San Luqa u darbtejn oħra, inkluż dakinhar tal-ħarba, l-isptar Boffa.
Ma nħossx li għandi niżvela tagħrif dwar l-aspett purament mediku iżda kull darba li mar l-isptar, dan sar fuq rakkomandazzjoni speċifika tat-tabib tal-ħabs.
Minbarra l-visiti fl-isptar, din il-persuna ttieħdet diversi drabi l-Poliklinika ta` Raħal Ġdid u l-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena finanzjarja kemm-il membru tal-korp tal-pulizija ntbagħtu barra minn Malta għat-taħriġ?
Fejn marru? Fuq liema tip ta' xogħol? Ta'liema rank kienu?
Kemm dam f'kull każ dan it-taħriġ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskrittura privata tat-12 ta' Ottubru, 1999 bejn Dottor Godwin Grima, għan-nom tal-Gvern, u Dottor Joseph Tabone għan-nom tas-Soċjeta' Eureka Services Limited u Dottor Mario Grech għan-nom tas-Soċjeta' RG Services Ltd ġiet skrutinata mid-Direttur tal-Kuntratti qabel ma ġiet iffirmata?
Saret xi sejħa għall-offerti qabel ma ġiet iffirmata din l-iskrittura privata? Għaliex tintgħażel il-forma ta'skrittura privata minflok kuntratt pubbliku?
Ġew konsultati n-nutara li jaħdmu f'Għawdex qabel ma ġiet iffirmata din l-iskrittura privata?
Hija regolari li bini tal-Gvern u ħwejjeġ oħra mobbli, proprjeta' tal-Gvern, jingħataw għal użu esklusiv ta' żewġ kumpanniji privati li skond din l-iskrittura privata għandha l-monolju assolut f'dan ir-rigward?
Għaliex dan il-ftehim ma ġiex ippreżentat fuq il-Mejda tal-Kamra tal-Parlament?
X'inhuma r-rati u l-ħlasijet li se jkunu dovuti?
Response (BORG, TONIO)
Għandu jingħad li dan huwa ftehim 'sui generis' li prinċipalment jikkonsisti f`xiri mill-Gvern ta` databases dwar materjal tar-Reġistru Pubbliku. Bis-saħħa ta` dan il-ftehim, il-Gvern akkwista bi proprjeta` mil-lum stess u mingħajr ebda nefqa kapitali : -
(a) id-database attwali tal-kumpanija Eureka li tkopri 2.5 miljun data;
(b) il-komputerizzazzjoni tad-data kollha rilevanti fir-Reġistru Pubbliku matul dawn l-aħħar 150 sena;
(c) il-komputerizzazzjoni tan-noti kollha li jidħlu kuljum fir-Reġistru Pubbliku sakemm idum fis-seħħ il-ftehim.
Bħala konsegwenza loġika ta` dan il-ftehim, il-kumplament isegwi u l-'updates' u d-data capture tas-snin li għadhom mhux koperti fid-database huma wkoll inklużi fl-obbligazzjonijiet tal-kumpanija venditriċi u dan ukoll mingħajr infieq kapitali.
Dan il-ftehim ġie approvat mill-Kabinett u l-firma tiegħu awtorizzata mill-Ministeru tal-Finanzi u ma jidhirx li kien hemm bżonn ta` l-intervent tad-Direttur tal-Kuntratti stante, nirrepeti, n-natura 'sui generis' tal-ftehim fejn sar akwist bla ebda nefqa.
Dwar sejħa għall-offerti u konsultazzjonijiet l-Onor. Interpellant huwa riferut għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10635 iżda jiġi enfasizzat illi ħadd ieħor ma kellu din id-data 'available'.
Il-liġi ma tobbligax li ftehim simili isir b`att pubbliku iżda xorta dan ġie iffirmat quddiem in-Nutar Prinċipali tal-Gvern.
Fl-aħħarnett, niġbed l-attenzjoni ta` l-Onor. Interpellant li l-ftehim ilu li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra mid-19 ta` Ottubru 1999. Minn hemm joħorġu r-risposti dwar użu esklussiv, rati u ħlasijiet.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba lill-Uffiċjal Ewlieni ta' l-Immigrazzjoni fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, minn mara Russa miżżewġa raġel Malti sabiex ommha li qed tgħix fir-Russja tkun tista' tiġi tgħix magħha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li mir-records tal-Pulizija ma jirriżultax li saret xi talba skond id-dettalji mogħtija fil-Mistoqsija. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jgħaddili d-dettalji eżatti ta` l-ismijiet tal-persuni nvoluti, flimkien mad-data ta` meta saret l-applikazzjoni u minn fejn saret, sabiex inkun nista` ninvestiga.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri li qed jiskontaw sentenza fuq: a) serq; b) qtil u c) droga?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li, fis-27 ta` Ottubru, 1999, in-numru ta` priġunieri li kienu qed iservu sentenza fuq reati konnessi ma` serq, qtil u droga kien ta` 46, 23 u 64 rispettivament.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari li kont għamilt jien fid-9.11.93, mistoqsija parlamentari numru 13941, jista'l-Ministru jikkonferma r-risposta li kienet ingħatat għaliex minkejja diversi ittri tiegħi lill-"Planning Control Section TPU", s'issa bqajt bla risposta bil-konsegwenza li hemm familja li tixtieq tirranġa d-dar tagħha u s'issa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar qatt ma tatha risposta definittiva jekk id-dar tagħhom hux se tintmess b'toroq ġodda li jista' jkun hemm ippjanati?
Dan minkejja diversi ittri tiegħi lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar (Planning Control Section TPU) liema l-ewwel ittra intbagħtet fit-23 ta'Diċembru, 1998 u minkejja diversi reminders s'issa dejjem bqajt bla risposta, possibbli l-Ministru jintervjeni biex fl-aħħar issir ġustizzja ma'l-għadd ta' residenti f'din il-parti tal-qalba tar-raħal li jixtiequ risposta definittiva dwar x'se jiġri mir-residenzi tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Dwar il-każ li saret referenza għalih fil-Mistoqsija, ninsab infurmat li, permezz ta` ittra datata 12 ta` Marzu, 1999, mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar, kien ġie ndikat lill-Onor. Interpellant li kien sar survey ta` l-area kollha ta` l-inħawi sabiex l-Awtorita` tara kif bl-aħjar mod tippjana mill-ġdid din l-area. L-Onor. Interpellant japprezza li dan mhux faċli għax wieħed irid jara kif il-bdil meħtieġ tal-pjan jkun jista` jiġi attwat.
Saru wkoll laqgħat ma` l-Onor. Interpellant fejn ġew diskussi l-problemi tad-drenaġġ u tal-ilma tat-triq tal-area, il-bdil meħtieġ biex jiġi protett bini storiku fl-inħawi, kif ukoll l-applikazzjoni għall-żvilupp ta` proġett fl-inħawi.
Kienet saret ukoll laqgħa bejn id-Direttur ta` l-Ippjanar, l-applikant u l-perit tiegħu.
Fil-preżent l-Awtorita` qiegħda tistenna risposta mill-applikant għall-iżvilupp propost, sabiex l-Awtorita` tkun tista` tikkunsidra l-bdil meħtieġ fil-pjan.