Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #24684 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ħamrun - Junior Lyceum

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm staff biex inaddfu l-junior lyceum tas-subien tal-Ħamrun? Hemm biżżejjed persuni biex iżommu l-iskola nadifa? Kemm suppost hemm staff għat-tindif? Kemm spiċċaw staff mill-bidu tas-sena skolastika li kienu jnaddfu? Meta se jkun hemm biżżejjed nies biex inaddfu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-Junior Lyceum tas-subien tal-Ħamrun hemm sitt full timers u wieħed part timer fuq cleaning duties. Il-full complement skond ir-rapport dwar "Support And Cleaning Staff" fl-iskejjel statali għandu jkun ta' tmien full time cleaners. Mill-bidu tas-sena skolastika spiċċaw żewġ general hands, u wieħed qiegħed on long sick leave, u se jirtira mix-xogħol iktar tard din is-sena. Qed jittieħdu l-passi meħtieġa biex jimtlew il-vakanzi msemmija.
Leg 9 PQ #24688 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għajnuna lil Student

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna qed jingħata l-istudent li ismu qed jintbagħat separatament li minħabba l-istat ta' saħħa ma jistax jattendi l-iskola regolarment? Ittieħdu passi biex hu jista' juża s-servizz li jingħata lill-istudneti morda fit-tul biex jintbagħtilhom għalliem id-dar? X'possibbilita' hemm li tintlaqa' t-talba li meta jkun jiflaħ jieħu l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola Guże D'Amata?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qed issir evalwazzjoni tal-każ biex jiġi stabbilit x'servizz jingħata.
Leg 9 PQ #24752 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill ta' l-Universita'

Question

B'riferenza għal rapporti fuq il-media (eż. artiklu f'"l-orizzont" 13/03/01) jista' l-Ministru jgħid jekk l-elezzjoni ta' żewġ membri fuq il-kunsill ta' l-Universita' kienx skond il-liġi? Jekk le, x'passi ħa biex jara li d-deċiżjoni li ttieħdet tkun konformi mal-liġi?

Response (GALEA, LOUIS)

L-awtoritajiet ta' l-Universita` diġa` wieġbu għal dan l-artiklu biex jassiguraw li kollox sar kif titlob il-liġi.
Leg 9 PQ #24829 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid - Kindergarten

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-aħħar żviluppi dwar l-iskola tal-kindergarten fi Triq Brittanja Paola? X'ser isir mill-proġett ta' bini ta' skola mill-ġdid?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni inkludiet il-bini ta' Ċentru tal-Kindergarten fiż-żona f'Ta' Lourdes fil-lista ta' prijoritajiet tagħha.
Leg 9 PQ #24893 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Birgu - Boys Secondary

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux informat li x-xogħol fuq l-iskola Lorenzo Gafa boys secondary tal-Birgu waqa' lura b'xhur?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva, ġejt informat li x-xogħol fuq l-iskola sekondarja tas-subien Lorenzo Gafa' fil-Birgu waqa' lura peress li nqalgħu problemi serji ta' pedamenti meta twaqqgħet il-blokka l-antika u kien għalhekk meħtieġ li jsiru testijiet biex jassiguraw li l-blokka l-ġdida tinbena kif meħtieġ. Dan il-proċess ħa tul ta' żmien konsiderevoli u kien meħtieġ li jinkisbu l-approvazzjonijiet meħtieġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Peress li fix-xogħlijet strutturali kien jidher li sejjer jinqabeż il-valur tal-kuntratt kif mogħti mid-Dipartiment tal-Kuntratti, l-istess Dipartiment iddeċieda li għandha toħroġ offerta ġdida għal xogħlijet ta' finitura. Din l-offerta fil-fatt qiegħdha fi stadju ta' aġġudikazzjoni u hu mistenni li fl-ewwel ġimgħa ta' Mejju 2001 il-kuntrattur appuntat mid-Dipartiment tal-Kuntratti jagħti bidu għax-xogħol meħtieġ. Filwaqt li kien għaddej dan kollu, ix-xogħlijiet ta' servizzi elettriċi u mekkaniċi ma twaqqfu f'ebda mument.
Leg 9 PQ #24894 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Birgu - Boys Secondary

Question

Jaf il-Ministru li ġie tterminat qabel iż-żmien it-tender ta' l-ideal dwellings? Jekk dan hu minnu lil min ingħatat t-tender, meta se jibda x-xogħol u meta hu mistenni li jintemm fl-iskola Lorenzo Gafa' Boys Secondary school, Birgu

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-Taqsima Bini ta' Skejjel tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni ġiet mgħarrfa mid-Dipartiment tal-Kuntratti li peress li x-xogħlijiet esegwiti mill-kuntrattur Ideal Dwellings (Turnkey) Ltd qabżu l-valur ta' l-offerta kif ingħatat mill-istess Dipartiment għar-raġunijiet li ngħataw fit-tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari Numru 24893, ġie deċiż li dan il-kuntratt tax-xogħol jingħalaq. Kif spjegajt fl-istess tweġiba hawn ċitata, fil-preżent l-offerti għal xogħlijiet ta' finitura qegħdin fi stadju ta' aġġudikazzjoni u hu previst li x-xogħol jinbeda f'Mejju 2001.
Leg 9 PQ #24895 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Birgu - Boys secondary school

Question

Jaf il-Ministru bl-istat ta' nuqqas ta' kuntentizza minħabba l-periklu u nuqqas ta' iġjene, bħala riżultat tal-bini, fl-iskola Lorenza Gafa' boys secondary school, Birgu u li dan qed jaffettwa l-moral ta' l-istaff, ġenituri u studenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Dan wieħed jifhmu meta jaf li fi kwalunkwe post fejn ikun qed isir xogħol ta' kostruzzjoni, kif qed jiġri f'dan il-każ, jinqalgħu trabijiet, ħsejjes u mitt inkonvenjent ieħor. Biss kulħadd japprezz li bl-estensjonjijiet li qed isiru, din l-iskola se tkun attrezzata ferm aħjar għall-ħtiġijiet skolastiċi ta' dawn iż-żminijiet. Bix-xogħol li sar s'issa, il-faċilitajiet rikrejattivi u akkademiċi fl-imsemmija skola żdiedu. Għad jonqos aktar xogħol u kulħadd jaf li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tagħmel dak kollu possibbli sabiex ix-xogħol jitlesta fl-inqas żmien u jitneħħa kull inkonvenjent li jġib miegħu. Wieħed japprezza wkoll li xogħol ta' titjib kbir estensiv jieħu żmien biex jitwettaq, sepċjalment jekk jinqalgħu problemi mhux mistennija kif hu f'dan il-każ. Wieħed irid josserva li t-tkabbir u t-tijib sosanzjali fl-iskola għandhom jagħtu ħajja ġdida li tixraq lill-ambjent edukattiv ta' l-istudenti.
Leg 9 PQ #24738 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill Malti għall-Isport

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq, il-Mejda tal-Kamra t-terms of reference tal-bord eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Isport u tal-bord konsultattiv?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-materja ser tiġi trattata mill-Kunsill Malti għall-Isports. Tweġiba tingħata meta tkun ġiet definita.
Leg 9 PQ #24740 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Sports Ground

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 24213?

Response (GALEA, LOUIS)

Lista tal-ħlasijet kollha li saru minn Ottubru 1998 sal-lum fuq xogħlijiet li saru fil-Marsa Sports Ground, klassifikata skond il-kuntrattur, natura tax-xogħol/servizz, valur u l-metodu ta' kif saret l-ordni għax-xogħol jew servizz, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Informat li hija l-prattika normali li l-ħaddiema tad-Dipartiment ikunu nvoluti f'xogħol li jkunu qed iwettqu kuntratturi privati.
Leg 9 PQ #24787 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Institute of Health Care — Stipendji

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 23505 dwar stipendji ta' l-institute of health care, jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-verifiki msemmija dwar il-każ u x'riżultati inkisbu?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif wegħdt fir-risposta għall-Mistoqsija 23505, saru l-verifiki meħtieġa kemm ma' l-amministrazzjoni ta' l-Institute of Health Care kif ukoll mat-taqsima tat-Teżor inkarigata minn dawn il-ħlasijiet u ma rriżulta li kien hemm ebda dewmien kif allegat. Anqas l-Istitut stess ma kellu ilmenti minn studenti li rċivew il-ħlasijiet tagħhom tard bi tliet ġimgħat kif kienet infurmata l-Onor. Membru. Jekk kien hemm xi każ partikolari li l-Onor. Membru taf bih u tista' tagħtini d-dettalji tiegħu, inkun nista' nerġa' nitlob li ssir verifika partikolari għal dan il-każ.
Leg 9 PQ #24814 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kors ta' Restawr — Venezja

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni lill-Kamra dwar il-ħaddiema li marru Venezja jistudjaw fuq kors ta' restawr eż: Jekk dawn il-ħaddiema humiex se jiġu upgraded fil-pożizzjoni attwali tagħhom ta' skola? Hux il-każ li joħorġu applikazzjonijiet jew inkella rakkmandazzjoni minħabba l-esperjenza tagħhom? Meta hemm il-ħsieb li jsir dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li, wara sejħa għall-applikazzjonijet miftuħa lill-impjegati kollha tas-servizz pubbliku bil-kwalifiċi meħtieġa, intgħażlu erba' ħaddiema biex imorru ċ-Ċentru Ewropew għat-Taħriġ fis-Snajja' tal-Wirt Kulturali ta' Venezia għall-kors ta' Mastro fir-Restawr tal-ġebel li nżamm bejn Settembru u Diċembru 2000. L-erba' ħaddiem amagħżula lkoll jaħdmu fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, tlieta fi gradi tekniċi mal-"Ġlormu Cassar Restoration Unit" u wieħed għalliem fi skola tas-snajja'. Dawn għaddew b'suċċess il-kors li għalih intbgħatu u bħal issa qiegħdin jipparteċipaw fit-tħejjija għall-korsijiet ta' bennejja u ta' restawr tal-ġebel liema xogħol qiegħed isir mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenta u Teknoloġija (KMAXT) u ċ-Ċentru Malti għar-Restawr (ĊMR). Hu maħsub li kwalunkwe upgrading ta' dawn il-ħaddiema għandu jsir billi jiġu segwiti proċeduri normali jiġifieri li l-esperjenza u t-taħriġ li huma ħadu jiġu kkunsidrati meta jiġu pproċessati r-risposti għas-sejħiet ta' promozzjoni fis-servizz pubbliku jew għar-rekrutaġġ ma' xi enti pubblika awtonoma bħal m'huma il-KMAXT u ċ-ĊMR. Ninsab informat li l-KMAXT beħsiebu joħroġ sejħiet għall-għalliema fl-Istitut għall-Inġinerija tal-Bini u Kostruzzjoni.
Leg 9 PQ #24850 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Football Teams — Għajnuna Finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk l-istess għajnuna finanzjarja li qed tingħata lill-Belt (football team) għat-turfing tal-ground tal-football hix tingħata wkoll lill-Birkirkara FC?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għajnuna li qegħda tingħata lill-Valletta F.C. hi skond il-ftehim li kien sar fl-1996 meta kien inħass il-bżonn ta' investiment għal faċilta` sportiva fil-Belt Valletta minħabba n-nuqqas ta' faċilitajiet f'din il-lokalita`. Ix-xogħol li qiegħed isisr bħalissa huwa mmirat sabiex ikun konkluż il-proġett marbut ma' din l-għajnuna. Il-Club tal-Football ta' B'Kara irċieva għajnuna diretta għall-manutenzjoni tal-pitch tal-Football mid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport fis-sena 2000. L-istess Club irċieva għotja ta' floodlights, arbli u cable tad-dawl mill-Korporazzjoni Enemalta biex jitwaħħlu fil-5-a-side football pitch li kien inawgurat fis-sena 2000. Ma sareb ebda talba oħra għal għajnuna minn B'Kara F.C. Il-Budget kapitali għall-isports fit-tlett snin li ġejjin huwa kommess għall-bini ta' kumplessi sportivi nazzjonali kif imwiegħed fil-programm elettorali u għal upgrading tal-faċilitajiet li ser jintużaw għall-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Leg 9 PQ #24350 Sitting 522 2001-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex jiġi żgurat li x-xogħol fuq il-bini taż l-iskejjel primarji ta' Raħal Ġdid sar skond il-ftehim mal-kuntrattur? X'nuqqasijiet kien hemm min-naħa tal-kuntrattur f'dan ix-xogħol? X'se jsir dwarhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-uffiċjal inkarigat mill-manutenzjoni ta' l-iskejjel tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Works Manager imqabbad mill-Kunsill Lokali tar-Raħal il-Ġdid segwew ix-xogħlijiet li saru fil-kumpless ta' l-iskejjel primarji tal-lokal minn żewġ kuntratturi matul is-sajf li għadda. Fejn ix-xogħol ma sarx skond l-ispeċifikazzjonijiet tat-tender inġibdet l-attenzjoni tal-kuntrattur konċernat u x-xogħol ġie rranġat. Il-kuntrattur li waqqa' u bena l-faċilitajiet sanitarji, ġie mitlub jerġa' jdur xogħlijiet fit-twaħħil tal-madum u ta' l-aluminium.
Leg 9 PQ #24353 Sitting 522 2001-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Matsec

Question

Jista' l-Ministru jara li l-bord tal-matsec jilqa' rakkomandazzjoni (datata 1 ta' Marzu 2001) biex l-istudenta li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija ikollha l-arranġamenti meħtieġa biex f'Ġunju 2001 tingħata l-opportunita' ta' aċċess reali għall-eżamijiet tal-matsec?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li azzjoni dwar il-każ imqajjem mill-Onor. Membru ġiet meħuda. Il-kandidata indikata ġiet avżata fis-sitta ta' Marzu. Il-każijiet kollha li talbu konċessjonijiet speċjali fl-eżamijiet tal-Matsec ġew diskussi mill-Board ta' Każijiet Speċjali u l-azzjonijiet neċessarji ġew rakkomandati u meħuda.
Leg 9 PQ #24639 Sitting 522 2001-03-27 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Handyman

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu under separate cover li ġiet trasferita għal-purtinar fl-iskola ta' San Ġwann terġa tingħata x-xogħol ta' handyman fit-taqsima tal-maintenance tal-Ministeru?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna msemmija hija general hand u għalhekk minħabba nuqqas ta' full-time cleaners fl-iskejjel statali f'dan l-istadju ġiet imqabbda tagħmel dan ix-xogħol.
Leg 9 PQ #24348 Sitting 521 2001-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija fl-aħħar jitħallas il-Lm 150 li għandu jieħu bħala allowance u l-Ministru stess fil-parlament xhur ilu kien qal li se jitħallas?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliem indikat diġa' qed jirċievi d-Diploma qualification allowance u ser jingħata l-arretrati fil-paga ta' dan ix-xahar.
Leg 9 PQ #24349 Sitting 521 2001-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex l-art tal-btieħi interni tal-bini tal' -iskejjel primarji ta' Raħal Ġdid issir b'materjal artab biex it-tfal ma jweġġgħux?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhux prattikabbli li l-btieħi ta' l-Iskejjel Primarji tar-Raħal il-Ġdid jinksew kollha bis-soft flooring. Is-soft flooring jintuża taħt apparat tal-logħob biex iħares it-tfal milli jweġġgħu jekk jaqgħu minn ċertu għoli. Fil-fatt, id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni se toħroġ sejħa għal tender li fost xogħlijiet oħra, hemm dak ta' kisi b'materjal artab parti mill-bitħa ta' Skola 'A' biex b'hekk it-tfal ikunu jistgħu jużaw apparat tal-logħob mixtri mill-awtoritajiet ta' l-istess skola.
Leg 9 PQ #24497 Sitting 521 2001-03-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Range tal-Plattini

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x'sar matul l-1999 u l-2000 sabiex it-talba tad-dilettanti Mostin biex ikollhom range tal-plattini għalihom tiġi milqugħa? Jista' jgħid x'inhuma l-possibilitajiet li din it-talba tintlaqa b'mod li jinstab rimedju matul din is-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma jirriżulax li saret xi talba lill-Kunsill Malti għall-Isport jew lid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport għall-range tal-plattini fil-Mosta. Għalhekk nitlob lill-Onor. Membru ikun aktar speċifiku.
Leg 9 PQ #24498 Sitting 521 2001-03-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari nru. 23648 u ċioe fejn waslu ma' min qed isiru l-arranġamenti f'Bologna biex l-istudenti tal-kulleġġ jitħarrġu fuq il-produzzjoni agrikola organika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-pjan biex l-istudenti tal-Kulleġġ tal-Biedja jistħarrġu fuq produzzjoni agrikola organika qiegħed isir ma' Dr Antonio Campagnoni, il-PRO ta' l-għaqda Produtturi Organiċi ġewwa Bologna. Dr Campagnoni hu membru tal-Federazzjoni Internazzjonali għal Movimenti ta' l-Agrikoltura Organika. Informat ukoll li t-talba li saret mill-Kulleġġ hi biex l-istudenti jmorru jagħmlu prattika f'irziezet fir-reġjun ta' Vignola, speċifikament ma' koperattiva, biex jakkwistaw esperjenza mhux biss fuq metodoloġija organika imma wkoll fuq maniġġ ta' kif timxi l-assoċjazzjoni tal-produtturi Organiċi. Dan il-pjan ikun jista' jseħħ biss wara li l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer tiġi kkontrollata. L-istudenti tal-Kulleġġ għandhom rappreżentanti fil-Moviment Malti ta' l-Agrikoltura Organika. Il-Moviment jiltaqa' fil-Kulleġġ.
Leg 9 PQ #24339 Sitting 520 2001-03-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Santa Luċija Junior Lyceum

Question

Jista' l-Ministru jivverifika rapporti li fil-Junior Lyceum Margaret Mortimer ta' Santa Luċija, tfal li jinstabu li għandhom xi nuqqasijiet fil-ħwejjeġ qed jiġu mmultati 75c? Jekk jirriżulta li veru, hemm permess biex jingħataw dawn il-multi, b'liema awtorita' u f'liema awtorita' u f'liema qafas legali qed isiru dawn il-multi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Iskola indikata, ma jirriżultax li ngħatat xi multa ta' 75c lit-tfal li nstabu li għandhom xi nuqqasijiet fil-ħwejjeġ.