Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi – Bini ta’ toroq ġodda

Question

Peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari W232, il-Ministru jikkonferma li Triq l-Imdina hi t-triq arterjali li suppost tieħu t-traffiku li ġej min-naħa tar-Rabat u Ħaż-Żebbuġ għal Ħal Qormi, u peress li volum konsiderevoli ta’ traffiku qed jagħżel li jgħaddi minn toroq residenjali f’Ħal Qormi minħabba staġnar qawwi fi Triq l-Imdina, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux jistudja serjament xi pjan biex jibni triq li tiddevja t-traffiku minn toroq residenzjali f’Ħal Qormi u li tibgħat it-traffiku direttament fil-bypass?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11621.

Ħal Qormi – toroq arterjali/bypass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux jikkonsidra Triq il-Ħelsien, Triq ir-Rebbiegħa u triq il-Wied f’Ħal Qormi bħala toroq arterjali u bħala bypass? Jekk dan mhux il-każ, jista’ jgħid x’inhu jagħmel biex jaqta’ t-traffiku li ġej fihom min-naħa tar-Rabat u Ħaż-Żebbuġ?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-klassifikazzjoni tat-toroq arterjali ssir mill-Awtorità għall-Ambjent u Ippjanar u mhux minn Transport Malta. Fil-mument, it-toroq ta’ Ħal-Qormi għandhom l-impatt tax-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fi Triq il-Kosta, Naxxar.

Ħal Qormi – toroq ġodda

Question

Peress li fil-mistoqsija parlamentari 10655 jikkonferma li l-Gvern għad m’għandux pjan biex jibni toroq ġodda f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid sa meta nistgħu nkunu nafu jekk Ħal Qormi hux fil-prijoritajiet tal-Gvern f’dan ir-rigward?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10655 qiegħda terġa tiġi kkonfermata. Filwaqt li nżid li l-prijoritajiet huma l-istess għal kull lokalità.

Transport Malta — Maintenance Department – Executive

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk Transport Malta ħarġitx internal call for applications għall-kariga ta’ Executive fil-Maintenance Department? Xi kwalifiki u esperjenza ntalbu minn Transport Malta għal din il-kariga?

Response (MIZZI, JOE)

Nikkonfema li Transport Malta ħarget sejħa interna għall-kariga ta’ Executive fil-Maintenance Department. L-applikanti huma mistennija li jkollhom ħames snin esperjenza f’xogħol relatat mal-baħar, u min jintagħżel huwa wkoll mistenni li jġib il-liċenzja nawtika.

Transport Malta – maintenance manager — vakanza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk l-uffiċjali ta’ Transport Malta li approvaw il-vakanza fil-kariga ta’ Maintenance Manager? Kemm ilhom ingaġġati ma’ Transport Malta dawn il-persuni? X’kariga għandhom fi Transport Malta? X’esperjenza għandhom f’dan il-qasam dawn il-persuni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-vakanzi kollha ġewwa Transport Malta ma joħorġux jekk ma jkunux approvati miċ-Chairman tal-Awtorità, wara li tkun saret talba lilu miċ-Chief Officer tad-Direttorat konċernat, u wara li jkun kiseb il-fehma tal-Kap tar-Riżorsi Umani.

Xogħlijiet fil-binjiet ta’ Transport Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ingħatawx xogħlijiet ta’ manutenzjoni lil xi kuntratturi fil-binjiet ta’ Transport Malta mit-13 ta’ Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kien jikkonsisti dan x-xogħol? X’kienet l-ispiża ta’ dan ix-xogħol? Kif ingħata dan ix-xogħol, b’direct order jew tender? Ġew segwiti l-procurement regulations fl-għoti ta’ dan ix-xogħol? Jista’ jagħti lista dettaljata tax-xogħlijiet kollha li saru bil-kuntrattur relatati ma’ manutenzjoni li saru fil-binjiet kollha ta’ Transport Malta, inkluż l-ispiża relatata, min kien il-kuntrattur li għamel x-xogħol u jekk tali xogħol sarx b’direct order jew inkella b’tender?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni li ngħataw minn Transport Malta bejn Marzu 2013 sal-lum huma hekk kif ġej: Kuntrattur Xogħlijiet Proċedura ta’ Procurement € Panta Contracting Tiswija ta’ chillers, compressors, A/C units Maintenance agreement fuq tagħmir li jiġi estiż sa mill-2006 11,124.61 Panta Contracting Tiswija fuq pompi Maintenance agreement fuq tagħmir li jiġi estiż sa mill-2006 1,962.30 Panta Contracting Tiswija fuq sprinklers Maintenance agreement fuq tagħmir li jiġi estiż sa mill-2006 900.00 Panta Contracting Tiswija fuq plant room equipment Maintenance agreement fuq tagħmir li jiġi estiż sa mill-2006 4,186.91 Panta Contracting Tiswija fuq building management Maintenance agreement fuq tagħmir li jiġi estiż sa mill-2006 700.00 Panta Contracting Tiswija fuq sistemi tal-elettriku / networks Maintenance agreement fuq tagħmir li jiġi estiż sa mill-2006 7,777.88 Aluserv Ltd Tiswija fuq bibien u twieqi fil- Malta Transport Centre Direct order lill-kuntrattur oriġinali li għamel dawn ix-xogħlijiet 4,523.48 Emilio Bilocca Tiswija fuq toilets u leakages tal-ilma Sejħa għall- quotations 2,979.70

Transport Malta – lista ta’ xogħlijiet li saru b’direct order

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ xogħlijiet li saru b’direct order f’kull direttorat li jaqa’ taħt Transport Malta liema lista jkun fiha l-ispiża, min hu l-kuntrattur, it-tip ta’ xogħol li jkun sar, min ħareġ l-ordni għal dan ix-xogħol, min approva dan ix-xogħol u f’liema direttorat ikun sar tali xogħol mit-13 ta’ Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra, u hija maqsuma skont direct orders, sejħiet għall-kwotazzjonijet li minħabba l-valur tagħhom jiġu definiti bħala direct orders, fast-track tenders u direct orders li minnhom infushom huma speċjalizzati ħafna. L-ordni għax-xogħol u l-approvazzjoni tiegħu isiru skont proċeduri interni tal-Awtorita' u skont regolamenti eżistenti.

Transport Malta – enforcement officers — ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-jiem li ġejjin Transport Malta se tingaġġa 40 enforcement officer ġdid? Jista’ jgħid meta ħarġet din il-call for applications, jekk din il-vakanza ġiet irreklamata fil-gazzetti lokali u fil-ġazzetta tal-Gvern, meta din il-vakanza ġiet irreklamata, xi kwalifiki u esperjenza ntalbu minn dawk li applikaw għal din il-kariga, kif ukoll min kien eleġibbli li japplika għal din il-kariga?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta mhux se timpjega 40 enforcement officer ġdid fil-jiem li ġejjin. Bħalissa jinsab għaddej proċess sabiex, aktar il-quddiem, jiġu mpjegati numru ħafna inqas minn dak imsemmi mill-istess interpellant, ta’ assistant enforcement officers skont l-esiġenzi tal-Awtorità wara li nkiseb permess mill-PAHRO f’Diċembru tas-sena 2013. Il-proċess għadu ma wasalx fl-istadju li l-Awtorità tkun tista’ toħroġ reklam fil-gazzetta tal-Gvern u dawk lokali, għaliex qed jiġu ntervistati applikanti li isimhom jidher fir-Reġistru tal-ETC. Ikun biss wara li jiġi eżawrit dan il-proċess tal-imsemmi Reġistru, u wara li ma jkunux għadhom nstabu kandidati addattati biżżejjed, li din il-pożizzjoni tista’ tiġi rreklamata fil-mezzi l-oħra. Il-kwalifiki li ġew mitluba huma liċenzja valida ta’ uffiċjal ta’ sigurtà, kif ukoll ċertifikat ta’ kondotta nadifa tal-Pulizija.

Transport Malta – Enforcement Officers – interviewing board

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min kien jikkonsisti l-interviewing board li għamel l-interviews għall-Enforcement Officers ġodda ma’ Transport Malta? X’esperjenza u kwalifiki għandu kull membru ta’ dan il-board relatati mal-kariga ta’ Enforcement Officer? Xi grad għandu fi ħdan Transport Malta kull membru ta’ dan il-bord? Jista’ jgħid jekk hekk kif kien kostitwit l-interviewing board għall-ħatra ta’ enforcement officers kienx in line mar-rekwiżiti għall- formazzjoni ta’ interviewing boards għal karigi fi ħdan Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-interviewing board għall-pożizzjoni ta’ Assistant Enforcement Officer huwa kompost minn dawn l-uffiċjali: - Manager fl- Enforcement Unit tad-Direttorat tal-Portijiet u Yachting - Executive fil-Unit għall-Immaniġġjar tat-Traffiku u huwa wkoll il-persuna nkarigata mi-tmexxija tal- Assistant Enforcement Officers - L-Assistenta Eżekuttiva taċ-Chairman L-ewwel żewġ persuni għandhom esperjenza vasta fil-qasam tas-sigurtà, filwaqt li l-persuna l-oħra hija kriminologa kwalifikata b’BA (Hons) fil-Kriminoloġija. Il-formazzjoni ta’ interviewing boards fi ħdan l-Awtorità saret skont il-prassi.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – xiri ta’ biljetti minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw biljetti mill-aġenzija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum u kemm kien il-valur tal-istess biljetti? Barra biljetti, inxtraw xi servizzi oħra mingħand l-istess aġenzija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 14 – il okkażjoni fejn inxtraw 28 biljett tal-ajru mill-aġenzija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament għall-valur medju ta’ €1,572 f’kull okazzjoni. F’7 okkazjonijiet l-ispiza kienet inqas minn dik medja. Kull darba li inxtraw dawn il-biljetti intalbu kwotazzjonijiet skont ir-regolamenti finanzjarji tal-gvern. Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox inxtraw 201 biljetti tal-ajru u minbarra l-aġenzija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament, kien hemm 5 aġenziji oħra tal-ivvjaġġar li minn għandhom inxtraw biljetti tal-ajru. Kien hemm okkażżjoni waħda fejn inxtara servizz ieħor minn għand din l-aġenzija, li ma kienx biljetti tal-ajru.

Il-Ħamrun – talbiet għal zebra crossings, pelican lights jew traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet mill-Kunsill Lokali Ħamrun lil Transport Malta biex isiru zebra crossings, pelican lights jew traffic lights fil-lokalità tal-Ħamrun minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid liema kienu dawn it-talbiet, meta saret kull talba u liema minnhom ġew approvati?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li waqt laqgħa li saret mal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun f'Mejju, kien hemm talba għal Zebra Crossing fi Triq Ħal Qormi bid-data 18 ta' Mejju 2013. L- Awtorità tat- Trasport ħejjiet il-disinji neċessarji u approvat din it-talba fit-23 ta' Settembru 2013. Wara li ġew analizzati xi suġġerimenti oħra li daħħlu, din it-talba ser tigi mplementata mill-Awtorità.

Il-Pietà/Gwardamangia – talbiet għal zebra crossings, pelican lights jew traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet mill-Kunsill Lokali Pieta lil Transport Malta biex isiru zebra crossings, pelican lights jew traffic lights fil-lokalità tal-Pietà/Gwardamangia minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid liema kienu dawn it-talbiet, meta saret kull talba u liema minnhom ġew approvati?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li kien hemm żewġ talbiet għal zebra crossing li saru mill-Kunsill Lokali tal-Pietà. Saret talba għal zebra crossing fi Triq Marina fit- 22 ta' Mejju 2013 fejn l-Awtorità tat-Trasport talbet għal aktar informazzjoni jumejn wara. L-Awtorità ma rċevietx tali informazzjoni. Saret talba għal zebra crossing fi Triq San Luqa fit - 23 ta' Mejju 2014 fejn l-Awtorità tat-Trasport ħejjiet id-dokumenti meħtieġa u dawn ntbagħtu lill-Kunsill fl-4 ta' Awwissu 2014. L-Awtorità għadha qed tistenna l-kummenti tal-Kunsill.

Santa Venera – talbiet għal zebra crossings, pelican lights jew traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet mill-Kunsill Lokali Santa Venera lil Transport Malta biex isiru zebra crossings, pelican lights jew traffic lights fil-lokalità ta’ Santa Venera Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid liema kienu dawn it-talbiet, meta saret kull talba u liema minnhom ġew approvati?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li kien hemm talba mill-Kunsill lokali ta' Santa Venera bid-data tal-5 ta' Marzu 2014 sabiex zebra crossing li tinsab fi Triq il-Kanun issir pelican crossing. Din it-talba ma ġietx milqugħa permezz ta' ittra bid-data 12 t' Awwissu 2014 minħabba raġunijiet varji. Kien hemm talba oħra mill-Kunsill Lokali bid-data 3 ta' Novembru 2014 għal pelican crossing fi Triq il-Kbira San Ġuzepp. Jumejn wara l-Awtorità talbet għall- informazzjoni addizzjonali.

Ministeru għall-Trasport u l-Infrastruttura — reklamar fuq media

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq b’mod totali l-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu separatament f'reklamar għal kull sena bejn l-2004 u l-2012 f'dawn il-media differenti: televiżjoni, internet, radju, ġurnali/gazzetti u pubblikazzjonijiet oħra? Jista’ fl-istess ħin, jaqsam din l-ispiza skont fuq liema stazzjon tat-televizjoni, stazzjon tar-radju, ġurnal/gazzetta, pubblikazzjoni oħra jew newsportal deheru jew ixxandaru r-riklami?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni disponibbli qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’min jgħid li fil-perjodu imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, intefqu xejn inqas minn €3,677,343.01 f’ reklamar mill-Ministeru tiegħi flimkien mad-dipartimenti, entitajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jinnota illi għalkemm għal numru ta’ snin mill-imsemmi perjodu, l-entita’ tal- Wasteserv kienet tifforma parti minn dan il-Ministeru, għall-fini ta’ din it-tweġiba, l-ispiża fuq infieq ta’ reklamar minn din l-istess entita’ ser tingħata mill- Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima.

Tindif – ħaddiema u inġenji

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba l-ħadiema u l-inġenji tal-Ministeru ntużaw biex jieħdu sehem f'xi forma ta' tindif li ma jkunx qed jiġi organizzat mill-Ministeru nnifsu, jew mid-dipartiment ikkonċernat matul l-aħħar sitt xhur? Fejn ġara dan, u ma’ min kien organizzat it-tindif?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull meta tintalab xi għajnuna sabiex isir kull tip ta’ tindif minn entità governattiva, kunsilli lokali, NGOs, skejjel jew xi entitajiet oħrajn, id-Direttorat għat-Tindif huwa dejjem disponibbli sabiex jagħti l-għajnuna permezz ta’ makkinarju, ħaddiema u anke għodod sabiex isir it-tindif. Matul dawn l-aħħar sitt xhur, ingħatat għajnuna lil dawn l-entiajiet : Let’s Do It Malta – sar tindif f’diversi żoni madwar il-pajjiż. Din kienet inizjattiva fil-pajjiżi kollha ta’ madwar il-Mediterran. Ingħatat għajnuna permezz ta’ vetturi sabiex inġarr l-iskart li inġabar. Proud to live in St.Paul’s bay – sar tindif minn grupp ta’ voluntiera f’dawn iż-żoni (Triq it-Turisti k/m Triq Cassarino, fuq Bellavista, żoni ħdejn il-football pitch Sirens FC). Ingħatat għajnuna permezz ta’ vetturi sabiex jinġarr l-iskart miġbur. Park tal-Majjistral – Sar tindif minn voluntiera. Id-Direttorat assista permezz ta’ vetturi sabiex jinġabar l-iskart miġbur.

Latrini Pubbliċi — tindif

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11754 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jgħaddi t-tindif u l-kura tal-latrini pubbliċi lil kuntrattur privat? Jekk iva, ħarġet tender jew għadha se toħroġ tender?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda ħsieb li l-latrini pubbliċi li t-tindif tagħhom huwa fir-responsabbilta’ tad-Direttorat għat-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, jgħaddu f’idejn ir-responsabbilta’ ta’ kuntrattur privat. Bħalissa qed isir studju sabiex jiġi evalwat, kif dawn il-latrini pubbliċi jistgħu jiġu upgraded u effettivament jingħata servizz aħjar lill-pubbliku.

San Pawl il-Baħar — Wesgħat Mary Zarb - reserved parking spaces

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha, fl-inħawi ta' Wesgħat Mary Zarb, f'San Pawl il-Baħar hemm erba' reserved parking spaces?

Response (MIZZI, JOE)

L-Onor, Interpellant huwa mitlub jipprovdi l-ismijiet tat-toroq fejn qed jitlob l-informazzjoni dwar parkeġġi riservati.

San Pawl il-Baħar – reserved parking spaces

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm mir-reserved parking spaces li hemm San Pawl il-Baħar huma intenzjonati għal karozza speċifika, kemm huma sempliċiment reserved mingħajr m’huma assenjati lil xi karozza partikolari, u kemm minn dawk li huma loading u unloading huma speċifikati għal xi negozju partikolari? F’kull każ f’liema toroq, jinsabu dawn il-parking spaces?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — żjarat uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista taż-żjarat uffiċjali li għamel minn Marzu 2013 'il hawn, f'liema pajjiżi, għal-liema raġuni u kemm damet kull waħda minn dawn iż-żjarat?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Qormi – Għeluq ta’ parti minn Triq l-Imdina

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W228 u d-deċiżjoni li ħa l-Gvern biex tingħalaq parti minn Triq l-Imdina (ħdejn il-Qormi Sports & Fitness Park) għal min irid imur lejn il-Marsa u peress li r-rapport li l-Ministru qed jirreferi għalih huwa rapport li sar wara u mhux qabel ittieħdet id-deċiżjoni li tingħalaq it-triq, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Gvern qabad u għalaq it-triq imsemmija mingħajr studju espert?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-istudji tat-traffiku fejn ġie analizzat il-volum tat-traffiku, it-tip ta’ traffiku w d-distribuzzjoni tat-traffiku saru qabel ma ġie mplimentat il-proġett. Dawn l-istudji ntużaw għal forecasting tax-xenarju bl-intervent fuq l-inkroċju bejn Triq Mdina (Marsa) u Triq Manuel Dimech. Sussegwentament wara li tlestew ix-xogħlijiet komplew isiru l-istudji li taw stampa aktar ċara tal-impatt tal-intervent li kkonfermaw il-forecasting li kien sar li kienu ser jonqsu l-inċidenti tat-traffiku u li kien ser jittejjeb it-traffiku fi Triq Manuel Dimech direzzjoni lejn Ħaż-Żebbuġ. Minħabba li issa beda ix-xogħol fuq Triq il-Kosta, Naxxar, li għandu mpatt fuq it-traffiku ġo Ħal Qormi, issa mhux possibbli li jsiru aktar studji sakemm jitlesta l-proġett ta’ Triq il-Kosta.