Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li hemm xi ħsieb li jitnaqqsu l-kwalifiċi mitluba għall-ingaġġ ta’ learning support assistants?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-kriterji għall-ingaġġ ta' Learning Support Assistants huma regolati mill-ftehim bejn il-Gvern u l-Malta Union of Teachers (MUT), liema ftehim ġie ffirmat fit-23 ta' Awwissu 2010.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2779 rigward l-allokazzjoni tal-programmi tal-Erasmus, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ikkunsidrati xi arranġamenti oħra li setgħu jakkomodaw aktar persuni biex igawdu mill-programm?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-importanza li l-fondi allokati jkunu immassimizzati hija waħda kruċjali. Dan għaliex, fondi mhux utilizzati jistgħu jirriżultaw f’budget ridott mill-Kummissjoni Ewropea fis-sena ta’ wara. Għaldaqstant il-performance globali ta’ Malta f’dik li hi mobilita’ u utilizzazzjoni tal-fondi tittieħed f’kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, skont dak li jiġi rrapurtat meta tingħalaq is-sena. Fil-każ tal-Erasmus, peress li f’dawn l-aħħar snin, kien hemm ammont sostanzjali ta’ fondi mhux utilizzati, kien kruċjali illi l-fondi jiġu allokati fuq numru aktar realistiku u qrib il-potenzjal tal-mobilita’ rrapurtata mill-Universita’ ta’ Malta minn sena għal ohra. Għalhekk, din is-sena inħass il-bżonn illi sabiex il-fondi jiġu utilizzati b’mod aktar effettiv, l-Universita’ ta’ Malta tagħmel reserve list abbażi tal-prestazzjoni akkademika tal-istudenti. Dan għal żewġ raġunijiet prinċipali. L-ewwel, sabiex il-fondi allokati lill-istudenti magħżula jkunu ogħla meta kkomparat mal-aħħar sena skolastika u t-tieni sabiex l-impatt negattiv li l-istudent drop out tista’ toħloq minn sena għal oħra, tittaffa billi jkun hemm riserva xierqa ta’ studenti eliġibbli li jipparteċipaw fil-programm Erasmus.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill tal-Malta Libraries ġiex maħtur? Jekk iva, min hemm fuq il-bord? Jekk le, x'qed iżomm il-Ministru milli jwaqqaf dan il-bord?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Sa issa għadu mhux finalizzat. Il-Ministeru qed jistenna nomini minn entitajiet konċernati kif imfassal fil-Malta Libraries Act 2011.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill tal-Arkivji Nazzjonali ġiex maħtur? Jekk iva, min hemm fuq il-bord? Jekk le, x'qed iżomm il-Ministru milli jwaqqaf dan il-bord?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-ħatra tal-bord saret u dawk maħtura qed jiġu nfurmati dawn il-ġranet.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenzi minn individwi jew kumpaniji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi lil individwi u/jew kumpaniji mill-2004 sal-lum mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx heads jew assistant heads ta' skejjel li ġew trasferiti biex jaħdmu f'segretarjati jew/u f'sezzjonijiet oħra f'ministeri? Jekk fl-affermattiv, kemm hu n-numru u minn liema skejjel ġew trasferiti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm Kap ta' Skola wieħed u żewġ Assistenti Kapijiet ta' Skola li ġew trasferiti biex jaħdmu f'segretarjati u /jew f'sezzjonijiet f'ministeri.
Kap ta' Skola - Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Sekondarja tal-Bniet - Blata l-Bajda
Assistent Kap ta' Skola - Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Primarja - Valletta
Assistent Kap ta' Skola - Kulleġġ Santa Klara, Skola Sekondarja tas-Subien - Gżira.
servizz ta' learning support assistants — talbiet pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn tfal li għadhom qed jistennew learning support assistant minkejja li ġew approvati mill-iStatementing Moderating Panel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li bħalissa hemm 32 tifel u tifla li ġew approvati mill-Istatementing Moderating Panel u li qed jistennew li jiġu assenjati Learning Support Assistant.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-iStatementing Moderating Panel? Kemm minn dawn huma applikazzjonijiet mis-settur statali u minn dak tal-Knisja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet quddiem l-iStatementing Moderating Panel minn Marzu 2013 sa Ġunju 2013? Kemm minn dawn ġejjin mis-settur statali u kemm minn dak tal-Knisja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mil-learning supports assistants huma impjegati mal-Gvern? Kemm minnhom huma impjegati ma’ skejjel tal-Knisja? Kemm minnhom huma impjegati ma’ skejjel indipendenti? F’liema skejjel u kulleġġi jaħdmu dawn?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li bħalissa hawn 1742 Learning Support Assistant (LSA) li huma impjegati mal-Gvern. Infurmat ukoll li fl-iskejjel tal-Knisja hemm 663 LSA filwaqt li fl-iskejjel Indipendenti hemm 125.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra listi li juru dawn il-Learning Support Assistants f'liema skejjel jaħdmu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mil-learning support assistants kollha li hawn jaħdmu f’Malta huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? X’inhuma l-kategorija tal-etajiet ta’ dawn il-learning support assistants?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ implimentazzjoni tal-proġett biex jitwassal il-fibre f’kull skola primarja u sekondarja?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li dan il-proġett kienet responsabbli minnu l-MITA, li taqa' taħt ir-responsabbilita' tal-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar. Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ implimentazzjoni tal-proġett tal-eLearning?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-eLearning għandu diversi friegħi li qed ikomplu jiġu żviluppati skont il-policies ta’ SmartLearing u proposti ġodda oħra.
1 Il-pjattaforma virtwali msemmija iLearn (Fronter) issa hija fil-post u bdiet titħaddem mill-għalliema tal-iskejjel primarji tal-Istat u l-istudenti, filwaqt li għadu kif spiċċa t-taħriġ kollu lill-għalliema fl-iskejjel sekondarji. Fadal biss l-iskejjel sekondarji għolja f’Għawdex u n-Naxxar u numru żgħir ta’ għalliema li ma setgħux jattendu matul is-sena minħabba lif tal-maternità.
2. FL-2012 ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Ministeru u l-MUT dwar l-użu tal-Fronter mill-għalliema tal-primarja. Bħalissa qed jiġi konkluż il-Memorandum għall-għalliema tas-sekondarja.
3. Kontenut diġitali għall-iskejjel sekondarji biex jintuża fuq il-pjattaforma virtwali qiegħed fl-istadju tal-bidu ta’ implimentazzjoni filwaqt li l-offerta għal kontenut diġitali għall-iskejjel Primarji qiegħda fi stadju ta’ ġudizzju.
4. Il-klassijiet kollha tal-Istat għandhom Interactive whiteboard imwaħħal u l-għalliema qed jagħmlu użu minnu b’mod regulari, flimkien mal-laptop li għandhom.
5. Kumitat dwar id-Digital Literacy sawwar qafas għat-tliet snin li ġejjin għall-konsiderazzjoni tal-Ministeru bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali tal-litteriżmu għal kulħadd.
6. Iddaħħal networking lokali (LAN) fl-iskejjel kważi kollha primarji, sekondarji u speċjali, li tejjeb sew il-kwalità tas-servizz. Il-ftit skejjel li fadal isirilhom ix-xogħol skond id-deċizjoni final dwar l-użu tal-binjiet bħala skejjel.
Peress li għadna naraw tfal ta' età żgħira ġejjin u sejrin l-iskola b'basktijiet ta' piż u daqs eżaġerat fuq daharhom, jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi konkreti ttieħdu matul din is-sena skolastika u se jittieħdu f’dik li se tibda iktar tard din is-sena biex ma ssirx ħsara lis-saħħa tat-tfal bil-piż eżaġerat li jġorru fuq daharhom minn u lejn l-iskola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-iskejjel ingħataw direzzjoni mid-Direttorati Edukattivi dwar il-piż tal-basktijiet. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-Ċirkolari li nħarġet f'dan ir-rigward. L-iskejjel għandhom isegwu dawn il-proċeduri li għadhom fis-seħħ għal din is-sena skolastika u anke ta' warajha.
Venture capital – proġett ta’ riċerka u innovazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-attrazzjoni ta’ venture capital għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni humiex parti mill-pjanijiet tal-Gvern għall-ħames snin li ġejjin, u jekk iva jista’ jispjega fid-dettall x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern f’dan il-qasam?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li fond finanzjarju ta' venture capital jista' jintuża għal proġetti ta' Riċerka u Innovazzjoni illi għandhom il-potenzjal li jkollhom suċċess kummerċjali. L-intenzjoni hi li jitwaqqaf fond li qed jiġi msejjaħ Hybrid Venture Capital Fund bi sħab bejn il-gvern u l-privat biex ikun hemm investiment f'intrapriżi bbażati fuq teknoloġija innovattiva. Irid jiġi identifikat Fund Manager b'esperjenza tajba illi, flimkien mal-gvern, jistabbilixxi dan il-fond. Iridu jinstabu wkoll investituri privati interessati. Wara jridu jilqgħu u jevalwaw applikazzjonijiet għal dawn il-fondi minn entitajiet li qegħdin jaħdmu fuq proġetti ta' Riċerka u Innovazzjoni li jidher li għandhom potenzjal.
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ proġetti sportivi li l-Gvern bi ħsiebu jagħmel f’dawn il-lokalitajiet u meta bi hsiebu jwettaqhom: a) il-Belt Valletta; b) Ħamrun; ċ) il-Furjana; d) il-Pieta/Gwardamanġia; e) il-Marsa; f) Santa Venera?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Malti għall-Isport iniedi regolarment skemi għal inizjattivi u għajnuniet miftuħa għal lokalitajiet kollha, inklużi dawk imsemmija fil-mistoqsija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tinbidel il-prassi biex learning support assistants li jiksbu l-kwalifika rikjesta jkunu jistgħu jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom b’mod immedjat minflok li jistennew biex toħroġ sejħa biex iseħħ dan?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li mhemmx ħsieb li tinbidel il-prassi. Peress li dawn ikunu mpjegati bħala Supply Learning Support Assistants, ikunu jridu japplikaw permezz ta' sejħa tal-Public Service Commission biex jidħlu fi grad ieħor ta' Learning Support Assistant I jew Learning Support Assistant II. Jekk jibqgħu mpjegati bħala Supply Learning Support Assistants għal aktar minn erba' snin, dawn jingħataw kuntratt indefinit bħala Supply LSA.
Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hawn f’Malta learning support assistants li għandhom il-kwalifika neċessarja u għandhom l-impjieg tagħhom regolarizzat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-Learning Support Assistants kollha, jiġifieri 381 Learning Support Assistant I u 536 Learning Support Assistant II, għandhom il-kwalifika neċessarja jiġifieri Ċertifikat jew Diploma fl-Edukazzjoni Inklussiva u għandhom impjieg regolarizzat peress li s-sejħa tagħhom ħarġet mill-Public Service Commission u huma uffiċjali pubbliċi.
Infurmat ukoll li fl-iskejjel tal-Knisja hemm 66 Learning Support Assistant I u 211 Learning Support Assistant II filwaqt li fl-iskejjel Indipendenti hemm 1 Learning Support Assistant I u 6 Learning Support Assistant II.