Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC — Persuni b'Diżabilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-miżuri konkreti li l-ETC qed tieħu biex tiġi implimentata l-liġi ta' l-impjiegi (persuni b'diżabilita') ta' l-1969?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-Supported Employment Unit (SEU) hi t-Taqsima responsabbli fi ħdan il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ għall-persuni b'diżabilita'. Ninsab infurmat li fil-kuntatt li jkollha ma' employers, din it-Taqsima ma titlef l-ebda okkażjoni biex tassigura li l-liġi ta' l-impjieg dwar persuni b'diżabilita' ta' l-1969 tkun imħarsa. Ninsab infurmat ukoll li l-Korporazzjoni qiegħda tħejji rapport biex jiġu identifikati dawk l-ażjendi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta' din il-liġi, bil-ħsieb li dawn jiġu avviċinati mill-uffiċċjali ta' l-SEU biex jispjegawlhom il-provvedimenti ta' din l-istess liġi.

Politika Soċjali — Transfers

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw transfers lill-ħaddiema / uffiċjali matul il-perjodu ta' Jannar ta' din is-sena? F'liema dipartimenti ngħataw dawn it-transfers u x'kienu r-raġunijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul Jannar ta' din is-sena ġiet trasferita persuna waħda. Din ġiet trasferita mid-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi għad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali fl-istess Ministeru għall-esiġenzi tas-servizz.

Djar — Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet applikazzjoni ta' persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, peress li l-applikant huwa anzjan bi problemi ta' saħħa u għalhekk jixtieq ibiddel il-fond tiegħu ma' post ieħor, liema fond huwa ferm akbar minn dak li jixtieq jieħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni tal-persuna ndikata qiegħda tkun ikkunsidrata ma' oħrajn simili.

Dipartiment ta' l-Anzjani — Care workers

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ser jidħlu care workers fid-dipartiment ta' l-anzjani? Kemm daħlu sa issa? Kemm applikaw biex jidħlu u kemm fil-fatt għaddew mill-eżami?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li 45 careworkers ser jidħlu fid-Dipartiment ta' l-Anzjani u li s'issa daħlu 41. Fil-bidu kienu applikaw 393 li minnhom kienu għaddew 135.

Djar — Applikazzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni HAV78/99 quddiem l-awtorita' tad-djar, tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar għaddiet lid-Direttur tal-Kuntratti t-tender documents ħalli ssir sejħa pubblika għall-offerti għall-installar tas-sistema tal-liftsfil-blokk indikat u fi blokki oħra.

Export Refund

Question

Fid-dawl tal-fatt li l-Export Refund fuq l-importazzjoni tal-laħam aħmar importat fil-gżejjer tagħna mill-pajjiżi ta' l-EU jintilef wara li Malta ssir membru ta' l-EU u dan b'detriment li jisplodi l-prezz għall-konsumatur lokali inkluż għall-industrija tat-turiżmu, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif dan se jaffettwa l-familji li jiddependu mill-benefiċċji soċjali u kif se jaffettwa l-impjiegi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin fil-lukandi u restoranti kemm-il darba dawn ma jibqgħux kompetitivi dejjem kawża ta' l-isplużjoni ta' prezzijiet fuq firxa ta' prodotti ta' l-ikel oħra li jikkawża t-telf ta' l-export refund wara li l-Malta ssir membru ta' l-UE?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16101 f'Seduta 299.

Imtarfa — Dar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-ilmenti li tqajmu dwar id-djar ta' l-anzjani fl-Mtarfa fil-ġurnal l-Orizzont f'paġna 10 nhar l-Erbgħa 7 ta' Frar 2001? Jista' jgħati breakdown tal-ħaddiema/staff li kien hemm matul l-1999, 2000 u din is-sena sabiex imexxi d-dar ta' l-anzjani fl-Mtarfa? Jista' jinfurmani bis-sitwazzjoni llum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23532 għada qed tinġabar u din tingħata f'xi Seduta oħra.

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li hejja s-segretarjat tal-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita dwar ir-riżorsi umani li għandha bżonn il-kummissjoni biex taqdi sew il-funzjonijiet tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ħejjiet rapport dwar ir-riżorsi umani li l-Kummissjoni għandha bżonn biex taqdi sew il-funzjonijiet tagħha. F'dan ir-rapport il-Kummissjoni stabbiliet li bħala minimu għandha bżonn żewġ ħaddiema oħra, wieħed jew waħda fil-livell maniġerjali u ieħor jew oħra fil-livell ta' Uffiċċjal tas-Servizzi. Dan ir-rapport jorbot mal-ftehim kollettiv. Minħabba li għadhom għaddejjin diskussjonijiet dwar dan il-ftehim bejn il-Kummissjoni, il-Union Ħaddiema Maqgħudin u l-Ministeri tal-Finanzi u għall-Politika Soċjali, ma nħossx li jkun għaqli, jekk f'dan l-istadju jiġi ppubblikat aktar tagħrif.

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultat tas-survey nazzjonali li l-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita' kienet nediet matul s-sena 1992?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ppubblikat żewġ analiżi tas-survey nazzjonali li hi nediet mill-1992 wieħed ippubblikat fl-1994 u ieħor fl-1999. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-aħħar survey. Barra minn hekk dan is-survey qiegħed ukoll fuq il-homepage tal-Kummissjoni bl-indirizz www.knpd.org.

Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li madwar 110 applikazzjonijiet għall-iżvilupp ma ġewx rakkomandati mill-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita' matul is-sena li għaddiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-1 ta' Jannar 2000 il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' bdiet tivvettja l-applikazzjonijiet lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-Iżvilupp ta' bini miftuħ għall-pubbliku u ta' użu maġġuri. Matul din is-sena, l-Kummissjoni vvettjat 251 applikazzjoni li minnhom a) ġew rakkomandati 8 b) ġew rakkomandati b'kundizzjoni 98 c) ma ġewx rakkomandati 110 Ir-raġunijiet għala dawn ma ġewx rrakkomandati huma diversi iżda dawk prinċipali huma: a) li dawn ma għandhomx aċċess għall-bini adekwat għall-persuni li jużaw siġġu tar-roti; b) ma għandhomx lift jew il-lift mhux tajjeb għall-persuni li jużaw siġġu tar-roti; c) ma għandhomx faċilitajiet sanitarji tajbin għall-persuni li jużaw siġġu tar-roti. Il-Kummissjoni ppubblikat ktieb bl-isem "access for All - Design Guidelines" biex tgħin lill-periti jiddisnjaw dan il-bini b'tali mod li meta jiġu vvettajti mill-Kummissjoni dawn ikunu jistgħu jiġu approvati. Qieghed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-ktieb li jinsab ukoll fuq il-web-page tal-Kummissjoni bl-indirizz www.knpd.org.

Persuni b'diżabilita' — Task Force

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pjan imhejji mit-task force imwaqqfa apposta dwar is-servizzi ta' matul il-jum għal persuni b'diżabilita' tlestiex? Jekk le, meta huwa mistenni li jitlesta? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-pjan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni qieghda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Servizzi Residenzjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar is-servizzi residenzjali fil-komunita' għal persuni b'diżabilita' mhejji mill-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' (KNPD) ikkummissjonat rapport mingħand il-Management Efficiency Unit (MEU) dwar "Residential Services for Persons with Disabilities". Fl-4 ta' Ġunju 1999 dan ir-rapport ġie ppreżentat mill-MEU lill-Kummissjoni. Kopja ta' dan ir-rapport flimkien mal-appendiċi qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-istess MEU komplew jaħdmu fuq dan ir-rapport u f'Jannar 2000, ippreżentaw lill-KNPD "Feasability Study" dwar l-ewwel rapport. Kopja ta' dan l-istudju qed jitpoġġa ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.

Djar — Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex single parent, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata akkomdazzjoni peress li apparti li diġa' għandha tarbija u qed tistenna oħra, qiegħda toqgħod f'post żgħir ħafna b'kera ta' Lm70 fix-xahar meta l-unika dħul li għandha huwa ta' Lm136 fix-xahar mis-servizzi soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Ħaddiema tal-Gvern — Pensjonanti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari numri 22914 u 23403 li oriġinarjament saru lill-Minstru tal-Finanzi u li ġew riferuti lilu u cioe': (PQ22914)Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 22734 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li ġiet riferuta lilu u cioe': jekk il-pensjonanti ta' qabel l-1996, huwiex se jibqa' jsir bħal qabel li jieħdu 2/3 aġġornati mas-salarju kurrenti? (PQ23403)B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 22914 dwar pensjonanti, qed nirreferi għal pensjoni tan-national insurance tal-ħaddiema tal-Gvern li fl-aħħar li ġiet riveduta kien għall-perjodu 1991-1998. Jista' issa l-Ministru jagħti tweġiba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond kif jipprovdi l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) fil-preżent, b'effett mill-ewwel sibt ta' Jannar 2001, issir stima mill-ġdid tad-dħul pensjonabbli li fuqu tinħadem ir-rata tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali ta' kull pensjonant. F'din ir-reviżjoni, fost ħwejjeġ oħra, jiġu kkunsidrati dawk iż-żidiet li jkun hemm fis-salarji bażiċi tal-post li fuqu jkun inħadem id-dħul pensjonabbli oriġinali. Dawn iż-żidiet fis-salarju bażiku jiġu magħduda mad-dħul pensjonabbli oriġinali biex terġa ssir stima tar-rata tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali fuq dan id-dħul pensjonabbli rivedut taħt il-prinċipju taż-żewġ terzi skond kif provdut fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Dan jgħodd għal pensjonanti kollha kemm dawk li rtiraw qabel u anke wara l-1996.

Għajnuna Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tingħata t-tagħrif dwar l-aħħar żviluppi dwar ir-relief tagħha peress li dan il-benefiċċju ilu ma jintbagħat għal dawn l-aħħar xhur? Jista' jara li din il-persuna tiġi informata bl-aħħar żviluppi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Reserved Parking

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna b'disabilita', li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, issirlha inspection minħabba li qiegħda tilmenta dwar reserved parking għal persuna b'diżabilita'? Tista' din il-persuna tiġi informata personalment bl-aħħar żviluppi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-Servizz tar-Reserved Parking quddiem residenzi ta' persuni b'diżabilita' jinħareġ mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'. Il-Kummissjoni tagħmel r-rakkomandazzjoni tagħha fuq kriterji maqbula bejn iż-żewġ naħat. Waħda minn dawn il-kriterji hi li l-applikant ma jridx ikollu garaxx mad-dar. Ir-raġuni hi li hu llegali li tipparkja quddiem garaxx ta' persuna oħra u għalhekk, per se, l-individwu li għandu garaxx diġa' għandu parkeġġ riservat għalih. L-applikazzjoni li dwarha qed issir il-mistoqsija hi ta' applikant li għandu garaxx mad-dar tiegħu. L-applikant qiegħed jitlob li jinżebgħu linji sofor quddiem il-garaxx tiegħu minħabba li hu qiegħed jgħid li hemm diversi persuni li qiegħdin jipparkjawlu quddiem il-garaxx. Filwaqt li l-Kummissjoni tissimpatiżża mal-persuna konċernata u ma' min qiegħed fl-istess sitwazzjoni, il-Kummissjoni tħoss li din hi problema ta' infurzar tal-Liġi u għalhekk il-Kummissjoni ftit li xejn tista' tagħmel dwarha. Dwar jekk għandhomx jinżebgħu linji sofor quddiem garaxxijiet, din ukoll hi materja li mhiex fil-kompetenza tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kellha kuntatt mal-persuna kkonċernata li ġiet infurmata b'din il-pożizzjoni.

Persunsi b'disabilita'

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 23131, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm minn dawn il-persuni b'diżabilita' huma reġistrati tali mal-kummissjoni nazzjonali persuni b'diżabilita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' titlob, b'mod volontarju, lill-persuni b'diżabilita' kollha (jiġifieri ta' kull eta') li jitolbu xi servizz tal-Kummissjoni, biex huma jimlew kwestjonarju ħalli l-Kummissjoni jkollha statistika dwar dan il-qasam. Waħda mill-mistoqsijiet li hemm f'din il-kwestjonarju (6.5.1) hi "Inti reġistrat għax-xogħol bħala persuna b'diżabilita?" Fil-preżent hemm 7497 li wieġbu dan il-kwestjonarju. Minn dawn, 847 wieġbu "iva" għal din il-mistoqsija.