Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ittra li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar bagħtet lid-Diviżjoni ta'l-Edukazzjoni (datata 28 ta' Mejju, 1999 Ref. DCU/CAN/042/99) iffirmata mill-Perit George Cilia, DCU manager fejn dwar l-iskola sekondarja taż-Żurrieq jintqal: "It is therefore clear that the Nigret site is the most appropriate in view of the above consideration"? Inbidlet il-pożizzjoni ta' l-awtorita'? Għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta` l-ittra msemmija. Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10867 f`din l-istess Seduta, ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar qiegħda tikkunsidra talba formali li saret mid-Dipartiment ta` l-Edukazzjoni fit-22 ta` Settembru 1999 għal-bini ta` Ċentru Sportiv u skola sekondarja ġdida f`Ħal Kirkop.
Sadanittant tajjeb wieħed jinnota li l-opinjoni tad-D.C.U. Manager jew ta` kwalunkwe Case Officer ieħor fid-Direttorat tal-Ippjanar, bl-ebda mod ma għandha titqies bħala deċiżjoni finali tal-Awtorita` tal-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk humiex isiru investigazzjonijiet mill-Pulizija dwar persuni li fl-aħħar elezzjoni ġew minn barra minn Malta, speċifikament biex jivvotaw meta allegatament ma kenux kwalifikati ai termini tas-Sezzjoni 57 tal-Kostituzzjoni ta' Malta u 112 ta' l-Att ta' l-1991 dwar l-elezzjonijiet ġenerali? Kemm hemm nies li qed jiġu nvestigati fuq l-allegati każi msemmija hawn fuq? Kif bdiet din l-investigazzjoni u min għamel ir-rapport lill-Kummissjoni Elettorali? F'każ li r-rapporti saru mill-partiti politiċi, mil-liema partit saru dawn ir-rapporti u kemm saru rapporti dwar numru ta' persuni minn kull partit? Minn min qed jitmexxew dawn l-investigazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija kellha żewġ talbiet mingħand il-Kummissjoni Elettorali sabiex isiru nvestigazzjonijiet dwar persuni li allegatament ivvotaw fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali meta dawn ma kellhomx il-kwalifiki sabiex jivvotaw. Waħda mit-talbiet kienet saret lill-Kummissjoni Elettorali mill-Partit Laburista u kienet dwar persuna waħda, filwaqt li t-talba l-oħra lill-Kummissjoni Elettorali kienet saret mill-Partit Nazzjonalista dwar 137 persuna. Dawn l-investigazzjonijiet qed isiru mill-Economic Crime Unit tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa d-Dipartiment ta' l-Artijiet wara l-korrispondenza li bagħatlu l-Kunsill Lokali ta' Pembroke dwar: (1) oġġezzjoni għall-avviż numru 186 li deher fil-Gazzetta tal-Gvern (korrispondenza datata 28/10/99); (2) memo 25/1999- Devoluzzjoni lokali biex il-kunsill jingħata biċċa art għaċ-ċentru ċiviku u kummerċjali (korrispondenza 15.10.99)?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta` l-Artijiet ser jagħti kunsiderazzjoni għall-oġġezzjoni tal-Kunsill Lokali ta` Pembroke fid-dawl ta` l-offerti li jirċievi d-Dipartiment ta` l-Artijiet sad-data ta` l-għeluq tas-sejħa.
Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment għat-tmexxija tal-Proprjeta` m`għandu l-ebda talba mingħand id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali għal devoluzzjoni ta` proprjeta` f`Pembroke.
Bħalissa kemm hemm applikazzjonijiet għall-golf courses quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Jista' l-Ministru jgħid minn min saret kull applikazzjoni? F'liema post huwa propost li jsiru? Meta saret kull applikazzjoni? F'liema stadju hija kull applikazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li t-tliet pulizija tal-mobile squad li ġew sospiżi minħabba allegazzjonijiet ta' swat fuq persuna ta' nazzjonalita' Libjana, sejrin jiddaħlu lura fuq xogħolhom, issa li l-investigazzjonijiet ntemmu u huma ġew liberati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-każ tat-tlett membri tal-Korp tal-Pulizija li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, ntbagħat lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku b`rakkomandazzjoni sabiex tiġi mneħħija l-interdizzjoni tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il-persuna tilfet ħajjitha f'inċidenti tat-traffiku tul l-1999 sa l-aħħar ta' Ottubru?
X'kienu l-etajiet tagħhom f'kull każ?
Kemm-il-persuna tilfet ħajjitha f'inċidenti tat-traffiku tul l-1998 sa l-aħħar ta' Ottubru u sa l-aħħar ta' l-1998?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar u l-31 ta` Ottubru 1999, kien hemm 11-il persuna li tilfu ħajjithom f`inċidenti tat-traffiku. L-etajiet ta` dawn il-persuni kienu kif ġej :
18 36 15 18 35 63 33 62 91 45 26
Ninsab infurmat ukoll li bejn l-1 ta` Jannar u l-31 ta` Ottubru 1998, kien hemm 15-il persuna li tilfu ħajjithom f`inċidenti tat-traffiku, filwaqt li bejn l-1 ta` Novembru u l-31 ta` Diċembru 1998, kien hemm persuna waħda.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-gwardjani tal-ħabs? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat mill-Onor. Interpellant, kien hemm supervisor u għaxar gwardjani li tbiddlilhom xogħolhom. Ninsab infurmat ukoll li hija prattika normali li minn żmien għal żmien il-gwardjani tinbidlilhom id-diviżjoni fejn jaħdmu u dan għal raġunijiet ta` sigurta`. Bdil bħal dan isir meta jkun meħtieġ skond l-esiġenzi fiċ-ċirkostanzi u prevalenti fl-aħjar interess ta` l-amministrazzjoni tal-Ħabs.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-pulizija? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10193, ninsab infurmat li sad-data speċifikati fil-Mistoqsija, kien hemm 4 membri oħra tal-Korp li tbiddlilhom xogħolhom. Kif diġa` kelli okkażżjoni li ngħid, dan it-tibdil fil-Korp tal-Pulizija jsir meta u kif ikun il-bżonn, fl-aħjar interess ta` l-istess Korp u tal-pubbliku in ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadu l-Pulizija, l-Awtorita' ta'l-Ippjanar u d-Dipartiment ta'l-Artijiet dwar abbużi li tkellem dwarhom il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fl-aħħar jiem dwar rimi ta' terrapien, reklamazzjoni bla permess u ħsarat lis-sejjieħ fl-inħawi fil-Mellieħa u madwarha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-20 ta` Settembru, 1999, ftit ħin wara li rċevew rapport mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, il-Pulizija marru fuq il-post indikat fejn instabu xi persuni jagħmlu xogħol ta` reklamazzjoni ta` art. Dawn ġew ordnati jieqfu milli jagħmlu dan ix-xogħol. Il-Pulizija qed tagħmel sorveljanza ta` dan il-lokal sabiex ma jsirx xogħol, in vista ta` stop notice maħruġa mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Min-naħa ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ninsab infurmat li din ħadet il-passi neċessarji skond l-Att 1 ta` l-1992 dwar l-Iżvilupp u nħarġu Stop and Enforcement Notices kontra l-Kummissarju ta` l-Artijiet bħala sid l-art.
Għal dak li jirrigwardja d-Dipartiment ta` l-Artijiet, dan jinvestiga kull każ li jiġi rrappurtat lilu dwar rimi ta` terrapien jew reklamazzjoni ta` art bla permess. Kif jista` jifhem l-Onorevoli Membru, id-Dipartiment jiddependi ħafna fuq informazzjoni mogħtija lilu biex ikun jista` jieħu l-passi kollha meħtieġa skond il-liġi kontra min jabbuża.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex plot 217 fi Triq Għajn Żejtuna, Santa Maria Estate, Mellieħa, qed jitħalla mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar jibni barra mil-linja ta' bini ieħor? Għaliex qed jitħalla jibni fuq l-indefinite water course? Għaliex tħalla jidfen bil-konkos mnejn għaddej l-ilma ġieri fil-wied? Meta se jreġġa' lura fi stat naturali l-parti tal-wied li difen bir-radam illegalment?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9867, ninsab infurmat mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar illi ma jirriżultax li sar xi bini barra mill-linja; ma jirriżultax li qed isir xi bini fuq l-indefinite water course u lanqas jirriżulta li sar radam bil-konkos 'il barra miż-żona approvata fil-permess PA 1568/97. Irriżulta iżda, li ntefa` radam żejjed fil-wied u dan sar illegalment, kif ukoll inbena ħajt ta` madwar għoxrin pied iżjed minn dak approvat.
Ninsab infurmat ukoll li nħareġ Stop & Enforcement Notice Numru 973/99. Is-sid ikkommetta ruħu li jottempora ruħu ma` l-Avviż kif maħruġ. L-Awtorita` se tkun qed tosserva l-iżvilupp u tieħu dawk il-passi kif mitlub mill-liġi jekk ikun il-każ.
Dipartiment tal-Karti ta' l-Identita' — Impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tal-Karti ta' l-Identita' mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat mill-Onor. Interpellant, ma kienx hemm impjiegi ġodda fl-Uffiċċju tal-Karti ta` l-Identita` fid-Depot tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tal-Passaporti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat mill-Onor. Interpellant ma ġie mpjegat l-ebda ħaddiem ġdid mas-Sezzjoni Passaporti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reġistrazzjoni Ċivili.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Jista'l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista'l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat mill-Onor Interpellant, ma ngħata l-ebda trasferiment lill-ħaddiema ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Dipartiment tal-Karta ta' l-Identita' — Trasferimenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Karta ta' l-Identita'? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-perijodu speċifikat fil-Mistoqsija, fl-Uffiċċju tal-karti ta` l-identita` fid-Depot tal-Pulizija reġgħet daħlet għax-xogħol Pulizija mara, li kienet taħdem f`din it-taqsima qabel ħarġet bil-Parental Leave. Dwar transfers fil-futur dawn isiru, kif dejjem saru, skond il-ħtieġa u l-esiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Passaporti? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-perijodu li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ebda ħaddiem ma ġie trasferit mis-Sezzjoni tal-Passaporti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reġistrazzjoni Ċivili.
Bħal f`kull dipartiment ieħor, transfers minn u lejn dan l-uffiċċju jsiru skond l-eżiġenzi tas-Servizz fiċ-ċirkostanzi prevalenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati gwardjani ġodda fil-Ħabs Ċivili mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat mill-Onor. Interpellant ma ġewx impjegati gwardjani ġodda fil-Ħabs Ċivili.
Jista' d-Dipartiment ta' l-Artijiet jgħid ta' min hi l-art li fit-22 ta' Settembru, 1999 id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ndikatlu bħala sit fejn tixtieq tibni ċentru sportiv u skola sekondarja ġdida f'Ħal Kirkop?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-art li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, u li hi msemmija fl-ittra li d-Dipartiment ta` l-Artijiet irċieva mid-Diviżjoni ta` l-Edukazzjoni, hija proprjeta` tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista'l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-aplikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn is-27 ta` April 1999, u l-15 ta` Settembru 1999 ġew impjegati 10 persuni ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Ninsab infurmat ukoll li fl-istess perijodu, l-impjieg dejjem sar wara sejħa għall-applikazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema ta'l-Uffiċċju Konġunt? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fil-perijodu speċifikat fil-Mistoqsija, id-Direttur ta` l-Uffiċċju Konġunt inħatar Direttur tar-Reġistrazzjoni Ċivili u għalhekk kellu jħalli l-kariga tiegħu fl-Uffiċċju Konġunt.
Fl-istess perijodu, fuq talba tagħhom stess, skrivana waħda u uffiċjal eżekuttiv waħda ġew trasferiti f`Dipartimenti oħrajn.
Bħal f`kull dipartiment ieħor, transfers minn u lejn dan id-dipartiment isiru skond l-esiġenzi tas-Servizz fiċ-ċirkostanzi prevalenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Artijiet? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat fil-Mistoqsija ma ngħata l-ebda transfer mid-Dipartiment ta` l-Artijiet.
Bħal f`kull dipartiment ieħor, transfers minn u lejn dan id-dipartiment isiru skond l-esiġenzi tas-servizz fiċ-ċirkostanzi prevalenti.