Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #24707 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Orkestra Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm għall-orkestra nazzjonali? X'se jiġri meta l-membri ta' l-orkestra jintemmilhom il-kuntratt tax-xogħol preżenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent qegħdin isiru l-aħħar trattativi sabiex isir kuntratt definit tax-xogħol ġdid. Dan il-kuntratt jissostitwixxi l-kuntratt preżenti li kellu jiskadi f'Ottubru 2001. Il-ħsieb hu li l-membri regolari u attwali ta' l-Orkestra jiġġeddilhom il-kuntratt b'termini u kondizzjonijiet aġġornati.
Leg 9 PQ #24955 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Physiotherapy

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment ta' l-edukazzjoni hux jippjana li t-fal b'diżabilita' li huma mainstreamed fl-iskejjel u li għandhom bżonn physiotherapy, jingħatalhom fejn hu possibli dan it-tip ta' terapija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qed jiġi studjat pjan fejn studenti b'diżabilita` li huma mainstreamed u li l-kundizzjoni tagħhom tirrikjedi l-bżonn ta' physiotherapy regolari, jibdew jirċievu l-edukazzjoni tagħhom flimkien ma' dan it-tip ta' servizz fiċ-Ċentru ta' San Miguel jew Guardian Angel.
Leg 9 PQ #24968 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel tal-Knisja — Kindergarden, Pre-Grade & Year One

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet għal dħul fl-iskejjel tal-knisja għall-kindergarden, pre-grade u Year One għal din is-sena? Jista' jgħid għal kull każ kemm-il vakanza hemm?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kurja ta' l-Arċisqof, permezz ta' l-Uffiċċju Stampa ippubblikat fis-26 ta' Marzu d-dettalji kollha li l-Onor. Membru qed isaqsi. Qed inpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #24969 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel tal-Knisja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk barra dawk l-istudenti li jidħlu fl-iskejjel tal-knisja permezz tal-polza, ikunx hemm xi każi partikulari fejn studenti jidħlu fi skola tal-knisja mod ieħor?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Segretarjat għall-Edukazzjoni u Kultura tal-Knisja jimxi fuq dawn il-kriterji biex idaħħal tfal fil-Kindergarten, pre-grade u l-ewwel sena fl-iskejjel Primarji tal-Knisja. (a) Aħwa fl-istess skola jew fi skola ta' l-istess Kongregazzjoni; (b) Tfal fid-Djar tal-Knisja; (c) 10% minn kull klassi hu riservat għall-familji fil-bżonn (humanitarian cases); (d) Il-kumplament jitilgħu bil-polza.
Leg 9 PQ #24999 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kumitat Festi Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kumitat Festi Nazzjonali? Kemm-il darba ltaqgħa dan il-kumitat?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Kumitat Festi Nazzjonali ġie rikostitwit. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-Membri.
Leg 9 PQ #25011 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Security Guards

Question

B'riferenza għar-risposta tal-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari nru 24909 dwar l-eżami bil-miktub ta' security guards fid-Dipartiment tas-Saħħa, jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-eżami tmexxix mis-sezzjoni tal-eżamijiet fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u jekk fl-affermattiv, x'passi ttieħdu mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, peress li skond kif qal il-Prim Ministru, d-dixxiplina issa ġiet delegata lid-dipartiment ui li l-Kap tad-Dipartiment ġie mitlub jara x'passi għandhom jittieħdu f'dan il-każ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-eżami tas-Security Guards fid-Diviżjoni tas-Saħħa tmexxa mid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet u l-Bord ta' l-Eżamijiet Pubbliċi Lokali kif kien imħabbar fil-Gazzetta tal-Gvern. Informat li l-Bord u d-Dipartiment kienu investigaw każ ta' abbuż u wara ħadu d-deċiżjoni li jikkanċellaw isem ta' persuna mil-lista li orinġinarjament kienet ippubblikata. Rigward dan kollu, informaw lill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u d-Diviżjoni tas-Saħħa kif titlob il-proċedura.
Leg 9 PQ #25014 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Drenaġġ

Question

Jaf l-Ministru illi fil-grounds tas-Saint Dorothy's Junior School f'Ħaż-Żebbuġ, Malta qed ikun hemm għadira kbira tad-drenaġġ li ġej minn drenaġġ mis-sistema tal-Gvern li huwa ta ' periklu serju għat-tfal? Jaf li s-sorijiet ġew imwegħda li se jsir re-direction tas-sistema biex tiġi solvuta l-problema iżda jidher li l-azzjoni mhux qed tittieħed minn naħa tal-Gvern? Jista' jintervjeni biex din is-sitwazzjoni serjissima tiġi rimedjata kemm jista' jkun malajr?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li qed nitlob l-awtoritajiet tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex isegwu dan l-ilment mad-Dipartiment konċernat, ikun tajjeb li peress li l-materja li rrefera għaliha l-Onor. Membru taqa' taħt id-Dipartiment tad-Drenaġġ, nissuġġerixxi li din id-domanda ssir ukoll lill-Onor. Ministru ta' l-Ambjent.
Leg 9 PQ #24701 Sitting 529 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Assenteiżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol sar biex jiġu segwiti l-istruzzjonijiet tal-Ministru mindu wieġeb mistoqsija parlamentari nru. 23184?

Response (GALEA, LOUIS)

Qed tinħadem formola aktar kompleta biex tinġabar l-istatistika. Il-proċedura trid taħseb biex l-informazzjoni tinġabar: a) fuq bażi regolari, b) mill-iskejjel kollha, c) b'mod aktar uniformi, u d) żieda fit-tabella biex l-informazzjoni tkun aktar ċara u aktar faċli biex tinterpretaha. Meta jinġabar l-ewwel tagħrif issir evalwazzjoni biex tiġi deċiża l-policy fuq bażi permanenti.
Leg 9 PQ #24706 Sitting 529 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

San Ġiljan — Waterpolo Club - Pixxina

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru 1998 sal-lum xi sforzi saru mill-ministeru biex isir magħruf x'sar mis-Lm60,000 li kienu ngħataw biex issir il-pixxina tal-waterpolo club ta' San Ġiljan? X'passi se jittieħdu dwar dawn il-fondi pubbliċi matul is-sena 2001?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #24947 Sitting 529 2001-04-04 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid - Istitut Tekniku

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm-il darba l-għalliema ta' l-istitut tekniku ta' l-ewwel u t-tieni sena ta' Raħal Ġdid kienu assenti u x'kienet ir-raġuni? Jista' jgħid x'passi qegħdin jittieħdu sabiex l-istudenti ma jisfawx vittma ta' dan in-nuqqas?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mill-1 ta' Jannar 2001 sat-30 ta' Marzu 2001, xi għalliema ta' l-ewwel u tat-tieni sena ta' l-Istitut Tekniku ta' Raħal Ġdid, kienu assenti b'ċertifikat mediku għal 148 jum ta' xogħol, u ieħor kien b'borża ta' studju għal 20 jum ta' xogħol. Il-148 jum xogħol li l-għalliema kienu assenti b'ċertifikat mediku, huma mqassmin hekk: għalliem - 55 ġurnata għalliem ieħor - 15-il ġurnata għalliem ieħor - 10 ijiem għalliem ieħor - 7 ijiem u 2 għalliema oħra - 6 ijiem kull wieħed. Id-49 jum ieħor ittieħdu minn għalliema li kienu assenti għal xi jum jew tnejn. Fil-każ ta' l-għalliem tal-matematika li ilu assenti b'ċertifikat mediku għal tul ta' żmien, student universitarju ħa l-klassi fin-nuqqas tiegħu. Fil-każ ta' għalliem li kellu l-borża ta' studju, ħafna mill-materjal ġie kopert minn dan l-għalliem qabel ma telaq. Il-borża ta' studju kienet relatata direttament mas-suġġett li jgħallem l-għalliem.
Leg 9 PQ #24695 Sitting 528 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kotba

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi kumitat li jirrikmanda x'kotba jintużaw fl-iskejjel primarji u sekondarji? Fil-każ li iva, minn min hu ffurmat dan il-kumitat? Fil-każ li le, min qed jiddeċiedi bħalissa liema kotba jintużaw fl-iskejjel imsemmija?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif jaf kulħadd uħud mill-kotba ilhom jintużaw, u ser isir eżerċizzju biex jiġu aġġornati fid-dawl tal-kurrikulu l-ġdid. Qed nikkonsidra li jitwaqqaf kumitat li jkun f'qagħda aħjar biex jirrakomand x'kotba jintużaw fl-iskejjel. Normalment kotba ġodda jkunu magħżula minn bord immexxi mill-Uffiċjal Edukattiv tas-suġġett u magħmul mill-ko-ordinaturi tas-suġġett u minn numru ta' għalliema. Dawn flimkien jagħmlu 'review' ta', jekk jista' jkun, iżjed minn ktieb wieħed qabel ma jaslu għal deċiżjoni. Dawn il-bordijiet qegħdin jagħmlu wkoll proġetti pilota li jinvolvu l-iskejjel fl-istħarriġ ta' kemm hu tajjeb ktieb. Qed tiżdied ukoll l-opportunita` li l-iskejjel jagħżlu l-kotba tagħhom f'ċerti oqsma bħal dawk tal-letteratura Ingliża u Taljana. Dan dejjem isir taħt gwida miċ-Ċentru.
Leg 9 PQ #24696 Sitting 528 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm għalliema matul din is-sena skolastika li applikaw għal postijiet ta' subject co-ordinators u assistant heads? Kemm kien hemm postijiet li jridu jimtlew?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li 16-il għalliem/a applikaw għall-post ta' 'Subject Co-ordinator' fil-primarja fejn hemm 25 post vakant u 104 għalliem/a applikaw għall-post ta' 'Subject Co-ordinator' fis-sekondarja fejn bħalissa hemm madwar 25 post vakant. Matul din is-sena kien hemm sejħa għal postijeit ta' Assistant Heads fis-settur sekondarju. Applikaw 127. Postijiet li jridu jintlew sal-lum hemm 3.
Leg 9 PQ #24697 Sitting 528 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet vakanti għal kapijiet ta' skejjel? Fejn jinsabu? Kien hemm sejħiet biex jimtlew? Kemm applikaw? Kemm intgħażlu? X'fadal postijiet battala?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-settur Edukattiv Post-Sekondarju jeżistu tliet postijiet vakanti għal kapijiet ta' skola. Dawn jinstabu fl-Iskola Nawtika, fl-Istitut Tekniku Sir Mikielanġ Sapiano ta' Raħal Ġdid u fil-kumpless Post-Sekondarju Sir Mikielang Refalo ta' Victoria, Għawdex. Kien hemm sejħa biex jimtela' l-post ta' l-Istitut Tekniku iżda ħadd ma applika. Kien hemm sejħa oħra biex jimtela' l-post ta' Għawdex, iżda għal hemmhekk ukoll ħadd ma applika. L-iskola Nawtika istennija li tifforma parti mill-Kulleġġ ta' l-Arti Xjenza u Teknoloġija f'Ottubru 2001. Galdaqstant il-Bord ta' Gvernatur ta' dan il-Kulleġġ se jieħdu l-passi neċesarji biex jimpjega l-Kap ta' dan l-Istitut. Sadattant dawn it-tliet skejjel qegħdin jitmexxew minn Aġent Kap.
Leg 9 PQ #24698 Sitting 528 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ktieb - Master IT

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex ikkunsidrat li fl-iskejjel tal-gvern jintuża l-ktieb Master IT ta' Victor Agius? X'deċiżjoni ttieħdet dwaru? Fuq liema kriterji ttieħdet din id-deċiżjoni? Liema strutturi u persuni ħadu din id-deċiżjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ktieb Master I.T. ta' Victor Agius qatt ma tqiegħed biex ikun ikkunsidrat għal użu fl-iskejjel tal-gvern u ma ttieħdet ebda deċiżjoni fuqu.
Leg 9 PQ #24699 Sitting 528 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenta bi Bżonnijiet Speċjali

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi serji biex l-istudenta li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li tattendi l-iskola Sir Luigi Preziosi jkollha l-opportunita' tieħu edukazzjoni b'computer adattat għal bżonnijiet tagħha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskola qed tagħmel il-kuntatti meħtieġa biex tistħarreġ din il-possibilita`.
Leg 9 PQ #24700 Sitting 528 2001-04-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Dinja tax-Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema skejjel sekondarji ġew imdaħħla fl-iskema ta' sħubija ma' kumpanniji privati biex jissaħħu r-rabtiet bejn l-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol? Liema huma dawn il-kumpanniji privati? X'ħidma twettqet s'issa f'din l-iskema ta' sħubija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel Sekondarji li ġew imdaħħla fl-iskema ta' sħubija ma' kumpaniji privati biex isaħħu r-rabtiet bejn l-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol kienu: Lorenzo Gafa' mal-Malta Drydocks Vincenzo Buġeja ma' numru ta' lukandi Tereża Nuzzo mas-Segretarjat għall-kura ta' l-anzjani Fra Diego Bonanno ma' numru t'a stabilimenti - lukandi. L-istudenti ġew inrodotti għall-ħajja tax-xogħol billi pparteċipaw fix-xogħol ta' l-azjenda. F'xi każi fejn l-istudenti kienu fl-aħħar sena ta' l-iskola ġew offruti mpieg fiss. Il-kuntatti bejn l-iskejjel u d-dinja tax-xogħol joktru fil-futur qrib billi ser jiżdiedu wkoll dawn il-kuntatti oħra: Sir Temi Żammit - Mtarfa ma' Attard Bros, Ta' Qali F.X. Attard - Marsa mal-MultiGas Vincenzo Borg Brared - B'Kara mal-Vodafone Ġuże' D'Amato - Paola mal-Water Services Corporation Dun Karm Psaila - Żebbuġ mat-Toyota Antonio Bosio - Gżira mal-Golden Harvest Sar il-Business Link Agreement mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u mill-F.O.I. Saru l-kuntatti mal-kapijiet ta' l-iskejjel u l-Business Partners. Se tiġi inawgurata din il-Business Link li fiha se jiġu ffirmati l-kuntratti.
Leg 9 PQ #24690 Sitting 527 2001-04-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Computers

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika, x'xogħol sar minn uffiċjali tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex jiġi verifikat x'użu qed isir mill-computers li hemm installati fl-iskejjel primarji tal-gvern? Jirriżulta li hemm klassijiet li ftit li xejn qed jużaw dawn il-computers bħala parti mill-edukazzjoni tat-tfal?

Response (GALEA, LOUIS)

Biex titrawwem kultura fl-użu effettiv tal-computer fil-klassi, id-Dipartiment tal-Kurrikulu qed jibgħat fl-iskejjel grupp ta' tlettax-il għalliem li huma kkwalifikati u mħarrġa f'dan il-qasam. Dawn iduru l-iskejjel regolarment, jgħinu u jħarrġu lill-għalliema fil-klassijiet. Infatti bejn Jannar u April ta' din is-sena dawn l-għalliema ser ikunu żaru kull klassi għal madwar tliet darbiet. Din is-sistema qed tkun effettiva u ġa jidhru riżultati pożittivi. Informat ukoll li qed jiġu organizzati korsijiet għall-għalliema biex inkomplu nsaħħuhom f'dan il-qasam. Infatti għall-korsijiet ta' filgħaxija li ser jibdew fl-aħħar ta' April, kien hemm rispons qawwi mill-għalliema.
Leg 9 PQ #24693 Sitting 527 2001-04-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Lija - Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex it-tfal li jmorru fl-iskola primarja ta' Ħal-Lija ma jkunux fil-periklu li jintlaqtu minn mini-buses u karozzi ta' l-għalliema fl-ispazju fejn ikunu jilagħbu t-tfal qabel u wara l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fit-triq ta' l-iskola hemm sinjal li juri li karozzi ma jistgħux jidħlu f'ħinijiet waqt id-dħul u l-ħruġ ta' l-istudenti mill-iskola. Ikun hemm ukoll pulizija biex jara li dawn is-sinjali jiġu obduti.
Leg 9 PQ #24516 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Electronic Transfer of Funds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se taħdem l-electronic transfer of funds system for the students maintenance grants? Meta se tibda titħaddem?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Electronic Transfer of Funds system għall-Għotjiet ta' Manteniment lill-Istudenti se tapplika għal dik il-parti mill-għotja li titħallas f'Ottubru ta' kull sena akkademika, maħsuba biex tkopri parti mill-ispejjeż għall-kotba kif ukoll Lm400 li jingħataw darba biss lill-istudenti ta' l-Universita`. Għal dan l-iskop ħarġet sejħa għall-offerti li l-Kumitat tal-Kuntratti aġġudika u s-sistema mistennija tidħol fis-seħħ fil-bidu tas-sena akkademika li jmiss. Permezz ta' din is-sistema, l-istudenti Universitarji u dawk f'istituzzjonijiet Post Sekondarji, se jingħataw card li biha jkunu jistgħu jixtru l-kotba u apparat ieħor li jgħinhom fl-istudji tagħhom, minn ħwienet awtorizzati. L-istudent jippreżenta l-card lil tal-ħanut u jħallas biha. L-ammont dovut minnu mbagħad jitnaqqas mill-kont tiegħu sakemm jagħmel użu mill-flus li hu intitolat għalihom. Il-Bord għall-Għotjiet ta' Manteniment lill-istudenti ħareġ sejħa għal dawk il-ħwienet li jbiegħu l-kotba u l-materjal imsemmi biex jidħlu f'din l-iskema u jsiru bejjiegħa awtorizzati.
Leg 9 PQ #24561 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Mobile Phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' mobile phones li ntużaw u tħallsu mill-voti tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni matul l-1999 u 2000? Kemm kienet l-ispiża tagħhom globali kull sena separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-snin 1999 u 2000 intużaw tmien mobile phones fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. L-ispiża globali ta' kull wieħed minnhom kienet kif ġej: Mobile Nefqa fl-1999 Nefqa fl-2000 Phone Lm Lm 1) 1040.60 2005.22 2) 295.55 236.23 3) 280.75 449.23 4) xejn 135.45 5) 104.83 568.35 6) 417.26 633.22 7) 483.55 453.23 8) 1374.16 1626.97