Ir-Rabat (Malta) – Vjal il-Ħaddiem – proċess tax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni ta fiex wasal il-proċess biex jitkompla x-xogħol fuq Vjal il-Ħaddiem, ir-Rabat, Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt għal bdil ta’ xi servizzi u kostruzzjoni ta’ parti minn Vjal il-Ħaddiem Rabat ġie ffirmat bejn il-Water Services Corporation (permezz tad-dipartiment tal-kuntratti) u l-kuntrattur (Bonnici Bros Ltd). Transport Malta ser tkun qiegħda ukoll tagħmel parti minn dan il-kuntratt fir-rigward tal-kostruzzjoni tat-triq. Nikkonferma li diġa’ saru laqgħat bejn il-partijiet konċernati u li x-xogħol għandu jibda fil-futur qrib, pero’ jekk irid aktar informazzjoni fid-dettal, din tista’ tinkiseb mill- Water Service Corporation.
Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni minnufih sabiex jitranġa l-lift li mill-Foss tal-Imdina jagħti għall-area tal-bandli, il-parkeġġ u l-inħawi fuq is-Saqqajja, l-Imdina?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-lift imsemmi waqaf jaħdem nhar it-Tnejn 10 ta’ Novembru, u azzjoni immedjata ittieħdet sabiex jiġi irranġat il-ħsara li inqalgħet.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-telgħa ta' Selmun bejn il-Mistra u l-Mellieħa titnaddaf mill-ħafna ġebel li qed jaqa' fiha u jsiru wkoll dawk it-tiswijiet neċessarji fil-ħitan biex jiġu evitati inċidenti mhux mixtieqa b'dannu għall-vetturi u għal persuni li jistgħu jkunu fihom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tindif neċessarju fit-telgħa ta’ Selmun bejn il-Mistra u l-Mellieħa tnaddaf mill-ħaddiema tar-Reġjun(PID) mill-ħafna ġebel li waqa’ fil-jiem li għaddew.
Bħalissa Transport Malta qiegħda tiġbor l-informazzjoni biex dawn il-ħitan jissewwew.
Is-Siġġiewi – Triq Dun Manwel Zammit – numru tad-Djar
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9259, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żblokk mill-waqfien temporanju tan-numerar tad-djar fi Triq Dun Manwel Zammit?
Response (MIZZI, JOE)
L-eżerċizzju tan-numerar tal-bibien fi Triq Dun Manwel Zammit se jkun ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern ftit żmien qabel ikun se jsir il-bdil tal-Karti tal-Identità fis-Siġġiewi bħala parti mill-eżerċizzju nazzjonali tal-bdil tal-Karti tal-Identità. Għal dan il-għan id-Door Numbering Unit qed twettaq il-ħidma tagħha fid-diversi lokalitajiet b’ko-ordinazzjoni sħiħa mal-Uffiċċju Elettorali u l-IDMO.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir in-numerar tad-djar fi Triq Ramija, fis-Siġġiewi?
Response (MIZZI, JOE)
Ser issir spezzjoni mid-Door Numbering Unit fit-triq imsemmija sabiex tkun stabbilita is-sitwazzjoni preżenti rigward in-numri tal-bibien f’din it-triq. Jekk tinħass il-ħtieġa li jsir eżerċizzju ta’ numerar tal-bibien, dan ikun maħdum u sussegwentement ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern ftit żmien qabel ikun ser isir il-bdil tal-Karti tal-Identità fis-Siġġiewi bħala parti mill-eżerċizzju nazzjonali tal-bdil tal-Karti tal-Identità. Għal dan il-għan id-Door Numbering Unit qed twettaq il-ħidma tagħa fid-diversi lokalitajiet b’ko-ordinazzjoni sħiħa mal-Uffiċċju Elettorali u l-IDMO.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — impjiegi
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11528, jista’ jagħti l-informazzjoni mitluba għall-perjodu ta’ bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u l-1 ta’ Ottubru 2014?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika jekk hux jirreferi ukoll għall-każijiet fejn kuntratti definiti nqallbu għall-indefiniti sabiex inkun nista' nagħtih l-informazzjoni korretta.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex mhux fil-partijiet kollha ta’ Triq il-Kosta f’Baħar iċ-Ċagħaq ser isiru retaining walls mal-ġenb tat-triq, in-naħa tal-mi¿bla tal-Magħtab, peress illi materjal tar-radam u ħamrija jista’ jaqa’ fit-triq bil-konsegwenza li jkun ta’ periklu għal dawk kollha li ser ikunu qed jużaw din it-triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħitan qed jiġu mibnija matul il-proġett skont kif ġie stabbilit fil-kuntratt mill-investigazzjonijiet li saru waqt id-disinn tal-proġett, u skont riżultati ta’ investigazzjonijiet iktar dettaljati li saru waqt ix-xogħlijiet, f’partijiet fejn il-blat li nstab fis-sit huwa dgħajjef u fejn dan hemm bżonn isir lqugħ quddiemu.
Skema għall-applikazzjoni għal fondi ta’ l-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi skema li biha l-Ministeru tiegħu japplika għal fondi tal-Unjoni Ewropea għal rinovament ta’ sedi ta’ għaqdiet non-governattivi u soċjali bħal fil-każ tat-tender maħruġ taħt it-titolu Upgrading of the Facades of St.George Band Club, Bormla – Advert 76/2014? Hemm xi linji gwida kif għaqdiet u soċjetajiet oħra jistgħu japplikaw għal dawn il-fondi taħt din l-iskema?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa ma hemm l-ebda skema li biha l-Ministeru qiegħed juża fondi tal-Unjoni Ewropea għal rinovament ta’ sedi ta’ għaqdiet non-governattivi u soċjali. Fil-każ tat-tender maħruġ minn dan il-Ministeru, dan ix-xogħol qiegħed isir bħala parti mill-program tal-gvern biex jiġu riabilitati żoni storiċi ġewwa l-Kottonera, u partikolarment tikkomplementa il-proġett tar-reġenerazzjoni ta’ Baċir Numru 1 ġewwa Bormla.
Rigward il-linji gwida u aktar informazzjoni dwar skemi għal użu ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea, din il-kwistjoni għandha tiġi riferita lill-Ministeru li jkun qed jamministra dawn l-iskemi jew l-Onorevoli Segretarju Parlamentari responsabbli għall-fondi tal-Unjoni Ewropea u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11203, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tibdiliet neċessarji biex il-kumpless in kwistjoni jinbidel f’uffiċini humiex koperti bil-permessi neċessarji tal-MEPA? X’inhu n-numru ta’ din l-applikazzjoni? Meta ġiet sottomessa l-applikazzjoni għand il-MEPA u meta ħareġ il-permess relatat? X’inhi r-raġuni li dawn l-uffiċini għadhom ma bdewx jintużaw minn Transport Malta? Skont is-sejħa għall-offerti li ħarġet biex jinkrew dawn l-uffiċini, x’kienet id-data stipulatali fiha dawn l-uffiċini kellhom jagħddu f’idejn Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċini msemmija huma koperti bil-permessi neċessarji tal-MEPA Nru PA2743/10. L-applikazzjoni ġiet sottomessa f’Ġunju 2010 u l-permess ħareġ f’Ottubru 2014. Peress li l-Awtorità talbet xi tibdiliet fid-disinn tal-uffiċini fid-dawl tal-esiġenzi tal-operat tagħha, dan irrifletta f’dewmien fix-xogħlijiet u sar ftehim mas-sidien sabiex tiġi estiża d-data ta’ Settembru 2014.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender dwar il-fattibilità ta’ mina bejn Malta u Għawdex inħariġx, u dan peress li l-Prim Ministru fi stqarrija ministerjali tat-18 ta’ Ġunju 2013, sena u erba’ xhur ilu, kien informa lil dan il-Parlament li fuq parir tal-Ministeru għal Għawdex u tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, il-Gvern kien iddeċieda li jkompli bl-istudji mibdija mill-Gvern preċedenti u jmur għal studju ta’ fattibilità, li, skont l-istqarrija tal-Prim Ministru t-tender għalih kellu jinħareġ sal-aħħar tas-sena 2013? Jekk inħareġ dan it-tender, li suppost skont il-Prim Ministru nħareġ mill-inqas għaxar xhur ilu, fiex wasal il-proċess u jekk le, meta hu mistenni li jinħareġ dan it-tender?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 9043.
Is-Sanċir (limiti tar-Rabat u Ħad-Dingli) — aċċessibilità
Question
Jista’ l-Ministru jispjegali x'qed isir biex il-post magħruf bħala s-Sanċir, fil-limiti tar-Rabat u Ħad-Dingli, jibqa’ miżmum u aċċessibbli, wara li fil-passat kien sar investiment minn fondi pubbliċi u Ewropej biex dan jitranġa u jiġi aċċessibbli?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
San Pawl il-Baħar – Triq Jean de la Cassiere — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’qed iżomm milli jitkompla x-xogħol fi Triq Jean de La Cassiere, San Pawl il-Baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta bdiet bix-xogħlijiet, però bħalissa qiegħda tistenna lill-WSC biex tagħmel ix-xogħlijiet tagħha minħabba li WSC trid tgħaddi is-servizzi ġodda f’din it-triq.
Kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali – rotot tat-trasport pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu s-suġġeriment finali li tressqu mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali għal dak li jikkonċerna r-rotot tat-trasport pubbliku f’dawn il-lokalitajiet? Meta tressqu f’kull każ dawn l-aħħar proposti u x’kienu? Liema mill-proposti indikati ġew approvati u inkorporati fl-iskeda tat-trasport li se tkun qed titħaddem? Minn meta se tibda titħaddem din l-iskeda?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 8268.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Lista ta' xiri ta' servizzi
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xiri ta’ servizzi u xiri ta' prodotti li ġew ordnati minn April 2013 mis-Segretarjat privat permezz ta’ quotation jew permezz ta’ direct order? Jista’ jgħid lil liema kumpaniji/individwi intalbu l-quotations, kemm kien l-ammont ta’ kull quotation jew direct order u min ingħata x-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor, Interpellant biex tispeċifika sa liema data qed titlob l-informazzjoni. U dan għaliex ix-xiri ta’ servizzi u prodotti jvarja minn ġurnata għal oħra.
Peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari W229, il-Ministru jikkonferma li ma għandux pjan għall-immaniġġjar tat-traffiku iffokat fuq Ħal Qormi, jista l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi talabx lill-Gvern biex dan isir? Jista’ jpoġġi din it-talba fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ma nstabu l-ebda sottomissjonijiet jew pjani jew studji ħolistiċi għall-immanniġġar tat-traffiku fit-toroq residenzjali fil-lokalità.
Peress li fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari W230, il-Ministru jgħid li mhux informat bil-problema tat-traffiku fit-toroq residenzjali ta’ Ħal Qormi u peress li kkonferma li m’għandu l-ebda pjan biex it-toroq interni ta’ Ħal Qormi ma jibqgħux passaġġ għal kull min irid jaqsam minn naħa għall-oħra ta’ Malta, jista’ l-Ministru jikkonsidra din il-mistoqsija bħala rappreżentattiva tal-karba tan-nies u jibda jieħu azzjoni dwar il-problema?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11621.