Legislature:
Category:
Reset
Active:

Valletta — Triq il-Merkanti - Parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jara jistax jiġi kkonsidrat li fi Triq Merkanti, l-Belt Valletta fil-parti bejn numru 145 u 151, ikun hemm ukoll possibbilta' ta' pparkjar ta' vetturi fuq dik in-naħa tat-triq bħalma hu l-każ tul dik il-parti kollha ta' Triq Merkanti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku talab lill-Kunsill Lokali tal-Belt biex jagħmel l-istess arranġamenti ta` `parking` f`dik il-biċċa triq bejn Nru. 141 u 151 bħal dawk li diġa jeżistu f`partijiet oħra fi triq il-Merkanti.

Luqa — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa l-ħsieb tal-gvern li jimplimenta l-proġett tal-kontroll ta' l-ilma tax-xita ġo Wied il-Knejjes, Triq il-Karmelo, Ħal-Luqa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dan hu proġett tal-Kunsill Lokali u l-Onor. Interpellant mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu l-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li xogħol fuq Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar, se jitkompla u jista' jgħid meta se jkun lest?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-kuntratt biex isir dan ix-xogħol li kien ħareġ is-sena l-oħra issa ngħata u d-Dipartiment tal-Kuntratti qiegħed jieħu passi biex joħroġ il-'letter of acceptance'.

Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Y2K

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm irriżultaw problemi tal-Y2K fil-computers u apparat ieħor elettroniku tal-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma rriżultawx problemi tal-Y2K fil-computers u apparat ieħor elettroniku, la fil-Ministeru tiegħi u lanqas fid-Dipartimenti u entitajiet oħra.

Rabat — Vjal il-Ħaddiem - Toroq

Question

Peress li x-xogħlijiet meħtieġa ta' twessigħ ta' triq fi Vjal il-Ħaddiem, ir-Rabat, sabiex ikun possibbli li l-karozzi tal-linja jinkludu fir-rotta sar-Rabat s-servizz għar-residenti ta' Għar Barka saru, jista' l-Ministru jara li jsiru l-arranġamenti sabiex fi Frar li ġej jinbeda dan is-servizz tat-trasport għar-residenti ta' Għar Barka?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li preżentement għadhom għaddejjin diskussjonijiet bejn uffiċċjali ta` l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku, liema diskussjonijiet jinsabu fi stadju avvanzat. Fl-istess ħin, l-Awtorita` qedgħa tara wkoll x`arranġamenti oħra jistgħu jsiru fir-rigward ta` servizz tal-linja għall-`area` kollha tar-Rabat.

Rabat — Għar Barka - Toroq

Question

Peress li r-residenti ta' Għar Barka jilmentaw li la matul is-snin tmenin u lanqas matul is-snin disgħin it-toroq tagħhom ma ngħataw it-tarmac, jista' l-Ministru jikkunsidra li dawn it-toroq jingħataw it-tarmac din is-sena? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li skond ir-riċerki tad-Dipartiment dawn it-toroq huma diġa asfaltati u l-kisi tagħhom bit-tarmak isir mill-Kunsill.

Tarxien — Tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li t-toroq ta' ħdejn Xintill Street, Tarxien jingħataw it-tarmak minħabba l-istat diżastrus tagħhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ħarget sejħa għall-offerti għall-bini ta' Triq Xintill fil-waqt li 'tenders' għall-toroq Burlo, Kejka, C. Saliba, S. Spiteri, School Perimeter Road, M. Vella, K. Cachia qed jiġu ppreparati biex joħorġu mid-Dipartiment tal-Kuntratti.

Toroq — Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw kilometri ta' tarmak f'Malta u f'Għawdex għall-1999 u fejn kienu l-lokalitajiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ġew mibnija mill-ġdid jew ingħataw `tarmac` għoxrin Kilometru ta` toroq f`diversi lokalitajiet.

Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Y2K

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus biex jittieħdu l-miżuri mill-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex tiġi evitata l-problema tal-Y2K (Millenium Bug)? Jista' jgħid min kien inkarigat li jagħmel dan ix-xogħol u fuq liema kriterji ntgħażel?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Rigali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'rigali fl-okkażjoni tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' l-Ministru jgħid f'kull każ lil min ingħataw dawn ir-rigali? Jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex ingħataw dawn ir-rigali lil dawn l-individwi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ma ngħataw ebda rigali minni lil xi individwi fl-okkażżjoni tal-Milied 1999 minħabba l-kariga tiegħi. Barra minhekk, ninsab infurmat li lanqas jirriżulta li ngħata xi rigal għall-istess okkażżjoni mill-Uffiċċju tiegħi.

Imtarfa — Bypass

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12173 tal-15 ta' Diċembru, 1999 dwar il-bypass ta' l-Imtarfa, jista' l-Ministru jinfurmana bl-iżviluppi u/jew il-konsiderazzjonijiet li saru s'issa? Meta huwa pprogrammat li jkun hemm deċiżjoni?

Response (GALEA, ĊENSU)

M'hemm xejn x'inżid mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 12023.
Leg 9 PQ #12839 Sitting 228 2000-01-26 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Dipartiment tat-Toroq — Toroq ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tender ħarġet mid-Dipartiment tat-Toroq matul din is-sena biex jinbnew toroq ġodda? Liema kienu dawn it-toroq u f'liema lokalita' qegħdin? Kemm applikaw għal kull tender li ħarġu u lil min ingħata x-xogħol? B'kemm ingħata x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li din is-sena ħarġu tmien `tenders` li huma: Triq Carmel Brincat, Triq Gollcher u parti minn Triq Dun V. Saliba, B`Kara; parti minn Triq Xintill u parti minn Triq it-Tramuntana, Ħal Tarxien; parti minn triq Ninfa Calypso, Mellieħa; parti minn Triq il-Mintba u Triq il-Menħir, Wied il-Għajn u kisi ta Triq il-Koppla, Fgura. L-ewwel seba` `tenders` jgħalqu fit-28 ta` Jannar waqt li l-oħra tagħlaq fl-4 ta` Frar 2000.

Karozzi tal-linja/private coaches — Spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq karozzi tal-linja u private coaches mill-1 ta' Jannar, 1999 'il hawn biex ikun magħruf jekk sarx xi taħlit ta' sustanzi oħra mad-diesel?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta ta` PQ Nru. 4027.
Leg 9 PQ #12835 Sitting 227 2000-01-25 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Sptar Monte Carmeli

Question

Jista' l-Ministru jagħti ftit spjegazzjoni ta' kif ġejja d-daħla għall-Isptar Monte Carmeli minn Triq l-Imdina, Attard? Jista' jgħid jekk hux se jsiru traffic lights jew zebra crossings biex il-pubbliku jkun jista' jaqsam it-triq għall-isptar bla perikolu, peress li t-triq qed titwessa' sostanzjalment?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi kopja tal-pjanta ta' kif ser tiġi d-daħla għall-isptar Monte Carmeli kif iddisjinjata mid-Dipartiment skond il-gwida ta' l-esperti Ġermaniżi. Ma jirrizultax li hemm bżonn ta' 'Traffic lights', iżda 'Pelican Lights' sabiex in-nies ikunu jistgħu jaqsmu.

Taqsima tat-Trasport — Tnaqqis ta' emmissjoni ta' gassijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jagħmel il-gvern fit-taqsima tat-trasport biex jgħin fit-tnaqqis ta' emmissjoni ta' gassijiet velenużi u b'hekk ma jikkontribwixxix għal żieda fil-global warming? X'inhuma l-pariri tal-Għaqda Ambjentali tal-Ġnus Maqgħuda fuq dan is-suġġett?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nagħmel referenza għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 12407.

Żabbar — San Leonardo - Għargħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward x'qed isir fuq għargħar fil-limiti tax-Xaqqa, area San Leonardo ġo Ħaż-Żabbar, liema problema qed tikkaġuna ħsarat kbar fir-raba' u l-għelieqi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jidħol fil-problema ta' l-għargħar ta' diversi toroq f'Haż-Żabbar, u t-triq imsemmija tiġi kkunsidrata wkoll waqt dan ix-xogħol.

San Pawl il-Baħar/Għajn Tuffieħa — Triq b'għadira

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi tama biex tiġi solvuta l-problema kbira li hemm fit-triq bejn San Pawl il-Baħar u Għajn Tuffieħa li parti minnha ssir għadira fonda meta tagħmel ix-xita u tkun ta' periklu kbir għal kulmin juża din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Matul ix-xhur li għaddew, diversi drabi ġiet diskussa din il-problema partikulari, bejni u l-periti tad-Dipartiment tat-Toroq. Hu ttamat li finalment instabet soluzzjoni, li tiswa eluf ta` liri, biex din il-problema tiġi solvuta.

Attard — Triq tar-Rabat - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jiġri fix-xogħol li qiegħed isir fit-Triq tar-Rabat, mill-iSptar Monte Carmeli, l/o Attard, peress li jidher li dan ix-xogħol ilu mitluq għal ħafna xhur? Fiex jikkonsisti x-xogħol proġettat u meta hu maħsub li jispiċċa x-xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li waqt li kien għaddej ix-xogħol fuq dan is-sit, id-Dipartiment għal Agrikoltura u Sajd talab illi ġiebja fil-lokal ma titkissirx, u li jinħoloq parkeġġ għall-`bowsers` ta` l-ilma li jimlew il-ġiebja. Ix-xogħol għalhekk kellu jieqaf sakemm tinstab soluzzjoni għal din it-talba u sabiex ikun hemm l-approvazzjoni ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, li issa waslet biex toħroġ il-permessi tagħha u b`hekk ix-xogħol ikun jista` jitkompla.

San Ġiljan — Triq Birkirkara - Xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'hemm maħsub għal Triq Birkirkara, San Ġiljan, biex jiġi evitat li kull darba li tagħmel ftit xita toħloq diffikultajiet għat-traffiku u għar-residenti u s-sidien tal-ħwienet? Peress li din hija arterja prinċipali tat-traffiku, jista' jara li ssir xi ħaġa urġenti biex tittaffa din il-problema?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li saret l-ewwel fażi ta` mina biex tkun tista` tieħu l-ilma tax-xita, u fil-preżent id-Diviżjoni tax-Xogħolijiet tal-Ministeru għall-Ambjent ħarġet sejħa għall-offerti għat-tħaffir tat-tieni fażi ta` din il-mina.

B'Kara — Triq il-Kan. Karmenu Pirotta - Tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir bit-tarmak Triq il-Kan. Karmenu Pirotta, B'Kara li hi fi stat diżastruż?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jieħu passi biex din it-triq tinfetaħ għal ġol-Bypass ta` B`Kara u b`hekk tkun tista` tinfetaħ it-triq u tiġi asfaltata.