Legislature:
Category:
Reset
Active:

Statistika tal-popolazzjoni

Question

Jista' il-Prim Ministru jekk jogħġbu jagħti statistika ta': a) il-popolazzjoni attwali; b) persuni li għandhom 18-il sena u fuqhom; c) persuni li għandhom 60 sena u fuqhom; u d) persuni li għandhom 75 sena u fuqhom għal dawn il-lokalitajiet separatament: Ħamrun, Sta. Venera, Marsa, Valletta, Floriana, Pieta'/Gwardamangia, Qormi, Luqa u Kirkop?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tagħrif dwar il-popolazzjoni skond bliet u rħula u skond l-etajiet jinġabar darba kull għaxar snin fiċ-ċensiment tal-popolazzjoni u djar u għalhekk l-aħħar tagħrif li għandna huwa għal Novembru 1995.

Enerġija alternattiva — Sussidju

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien ilaħħaq is-sussidju li ħareġ il-Gvern Malti lill-konsumatur li għamel użu minn enerġija alternattiva (solar water heaters, battery operated cars, etc.) matul din l-aħħar sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. (Tweġiba mogħtija: 10/11/2004PM) (Seduta Numru: 184)

Dwana — Makkinarju għall-ittestjar tad-diesel

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk id-dwana xtratx xi makkinarju biex ikun ittestjat id-diesel? Meta nxtara dan l-apparat u kemm-il darba ntuża? X'kien ir-riżultat wara kull darba li kien użat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sabiex tkun tista’ timplimenta b’mod effettiv u legali r-Regolamenti dwar Żjut Minerali (Att dwar it-Taxxa tas-Sisa – Sked ħamsa – Parti D), id-Dipartiment tad-Dwana xtara apparat sabiex ikun jista’ jiġi ttestjat żjut minerali (bħad-Diesel u Pitrolju) ħalli jiġi determinat jekk dawn iż-żjut minerali għandhomx dak li jissejjaħ Fiscal Marker kif provdut u spjegat fir-regolamenti hawn fuq imsemmija u dan fi kwantitajiet stabbiliti bil-liġi. Ta’ min jgħid illi skond dawn ir-regolamenti l-Fiscal Marker għandu jkun miżjud biss jekk id-Dipartiment tad-Dwana tawtorizza dan għall-skopijiet ta’ kontroll fuq żejt minerali li jiġi irrilaxxjat b’eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa. Il-makkinarju wasal Malta fid-9 ta’ Awissu 2004 u ġie nstallat fil-Laboratorju tad-Dipartiment tad-Dwana fit-13 ta’ Awissu 2004. Bejn it-13 ta’ Awissu u t-3 ta’ Novembru 2004 ġew ittestjati dawn il-kampjuni: · 82 kampjun ta’ diesel, pitrolju u biodiesel elevati minn diversi postijiet f’Malta u Għawdex mis-sezzjoni Customs Enforcement Unit fi ħdan id-Dipartiment tad-Dwana. Minn dawn 37 kampjun instab li kellhom il-Fiscal Marker bi ksur tar-Regolamenti fuq imsemmija. · 30 kampjun ta’ diesel elevati mis-Sezzjoni tal-Fuel tad-Dipartiment tad-Dwana, minn diversi depots ta’ kumpaniji li huma awtorizzati sabiex iħalltu l-Fiscal Marker u dan sabiex jiġi kkontrollat b’mod xjentifiku u legali dan is-settur. · 11-il kampjun ta’ diesel elevati mill-Qorti u li fuqhom il-każ għadu sub-judice.

Dwana — Fuel section

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tad-dwana responsabbli mill-fuel section? Kemm-il darba nbidlu tul dawn l-aħħar tlett snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-preżent il-complement tal-Fuel Section hu ta’ għaxar uffiċjali. Mill-1 ta’ Ottubru 2001, għaxar uffiċjali ġew trasferiti għall- Fuel Section u ħames uffiċjali ġew trasferiti mill- Fuel Section . (Tweġiba mogħtija: 10/11/2004PM) (Seduta Numru: 184)

Emigranti Maltin — Pensjonanti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi l-proċedura rigward taxxa tad-dħul għall-pensjonanti Maltin li jkunu emigraw u ħadmu dejjem barra pajjiżna u llum rritornaw biex jirtiraw f'art twelidhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Finanzi — Rapporti ta' Serq

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena kemm-il serqa ta' oġġetti ġiet rapportata li saret fid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-ministeru kif ukoll minn fuq proġetti li għaddej bihom il-ministeru? X'kienu l-oġġetti misruqa u kemm jammontaw f'ċifra ta' flus globali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda rapport ta’ serq mill-Ministeru tal-Finanzi. Minn naħa l-oħra t-tali oġġetti ġew rapportati nieqsa minn dipartimenti u jew minn fuq proġetti taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru: Notebook PC, TV converter, wire tad-dawl, u bomblu żgħir tal-ġebel b’valur komplessiv ta’ Lm1,569. Ġew rapportati wkoll serq ta’ Lm589.61 fi flus kontanti minn fuq uffiċjali waqt safar fuq xogħol. Fejn possibbli saru claims mill-kumpanija ta’ l-insurance relattiva.

Perit Richard England — Kuntratti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid mill-1992 sal-lum kemm kien hemm drabi li l-Perit Richard England ngħata xi kuntratt mill-gvern u xi ħlas ingħata f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari Numru 8591.

Immigranti llegali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kif jirrikonċilja l-appell tiegħu għall-consensus fil-politika lokali maċ-ċaħda tal-proposta ta' l-Oppożizzjoni biex titfassal strateġija nazzjonali permezz ta' konferenza nazzjonali dwar il-problema ta' l-immigranti llegali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għad-diskors li għamel il-Viċi Prim Ministru fl-Aġġornament tat-Tnejn 1 ta’ Novembru u cioé illi kif anke sostnejt jiena pubblikament, dil-Konferenza Nazzjonali tista’ ssir wara li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jippubblikaw il-politika tagħhom dwar l-immigrazzjoni.

Assistant Commissioners

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se jitħallsu l-assistant commissioners li għamlu xogħol fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew u għall-kunsilli lokali li għaddew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8607.

Servizz Pubbliku — Impjegati - Performance Bonus

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm daħlu flus f'performance bonuses impjegati tal-gvern is-sena l-oħra, dipartiment b'dipartiment? Kemm gawdew impjegati f'kull dipartiment u x'kien il-grad tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li għas-sena 2003 tqassmu total ta’ Lm221,423 bħala Performance Bonuses lil dawk l-impjegati tal-Gvern li qegħdin fuq Performance Contract f’kategorija ‘A’ tas-Servizz inklużi dawk fil-Korp tal-Pulizija u ta’ l-Armata. Dawn il-Performance Bonuses tqassmu fuq kriterji stabbiliti u a bażi ta’ riżultati ottenuti mill-uffiċjali.

OPM — Advisors

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għandu advisors illum u kemm jitħallsu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fid-dekasteru tiegħi hemm tliet Advisors, tnejn fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u waħda fil-Ministeru tal-Finanzi, li kollha jaħdmu fuq bażi part-time, jiġifieri 20 siegħa fil-ġimgħa, 10 siegħat fil-ġimgħa u 30 siegħa fil-ġimgħa rispettivament. Dawn jitħallsu kif ġej:- Lm4,219 fis-sena u Lm940 allowances Lm1,500 fis-sena Lm6,600 fis-sena

White paper dwar il-pensjonijiet

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-white paper dwar il-pensjonijiet hux se tiġi ppubblikata mal-Budget?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ix-xogħol fuq il-White Paper dwar il-pensjonijiet wasal fl-aħħar fażi. Malli titlesta tiġi ppubblikata ma’ l-ewwel okkażjoni.

ERM2

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhu l-iskedar tal-gvern biex idaħħal lil Malta fl-ERM2, proċess li normalment jieħu mill-inqas sentejn qabel ma Malta tkun tista' tidħol fil-Euro? Fid-dawl tal-fatt li Malta weħlet f'erbgħa mill-ħames kondizzjonijiet għall-introduzzjoni tal-Euro f'pajjiżna, il-gvern se jkun influwenzat minn dan l-istat ta' fatt meta jieħu dan il-pass?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-ħames kundizzjonijiet li semma l-Onorevoli Brincat – magħrufa bħala l-kriterji ta’ Maastricht – japplikaw għall-introduzzjoni ta’ l-euro u mhux għad-dħul fl-ERM II. Għaldaqstant pajjiż li jrid idaħħal il-euro jrid jissoddisfahom meta jsir dak li huwa magħruf bħala l-convergence assessment wara li l-pajjiż ikun għamel għall-inqas sentejn fl-ERM II. Għalhekk il-fatt li Malta llum ma tissoddisfax il-kundizzjonijiet kollha m’huwiex waħdu fattur determinanti. Il-Gvern fassal strateġija li tinstab fil-Convergence Programme 2004-2007 biex jiżgura li Malta tilħaq dawn il-kriterji fi żmien mhux il-bogħod, u għalhekk tkun f’qagħda li ddaħħal l-euro. Jiena nittama li sa nofs is-sena d-dieħla nkunu f’qagħda aħjar biex niddeċiedu jekk sarx biżżejjed progress u jekk għandniex nieħdu l-ewwel pass lejn il-euro, jiġifieri li nidħlu fl-ERM II.

Każini tal-Baned — Banek tal-Lottu

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'arranġamenti saru biex il-każini tal-baned jibqgħu jgawdu mid-dħul li kellhom mill-banka tal-lottu li kellhom, issa li dan il-qasam qed jitmexxa minn kumpannija privata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern jikkonferma li ser ikompli jħallas il-kummissjoni lis-soċjetajiet u każini tal-baned li magħhom hemm assoċjata banka tal-lottu. Il-kummissjoni li ser iħallas il-Gvern ġejja minn fond li twaqqaf taħt l-Att Dwar Lotteriji u Logħob ieħor, Kapitlu 438 tal-Liġijiet ta’ Malta, para 50 – Fond tal-Lotterija Nazzjonali għall-kawżi ġusti

Perit Richard England — Kuntratti

Question

Jista' issa l-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 8492 u cioe' mill-1992 sal-lum kemm kien hemm drabi li l-Perit Richard England ingħata xi kuntratt mill-gvern u xi ħlas ingħata f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li mill-1992 sal-lum ma ngħata l-ebda kuntratt mill-Ministeru tal-Finanzi lill-Perit Richard England filwaqt li minn naħa ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ngħata kuntratt wieħed sabiex isir survey ġenerali fuq il-bini tal-Berġa ta’ Kastilja. Għal dan ix-xogħol l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħallas is-somma totali ta’ Lm4887.50.

Assistant Electoral Commissioners

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se jitħallsu l-assistant electoral commissioners tax-xogħol li għamlu matul l-aħħar elezzjonijiet li saru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Assistant Electoral Commissioners li ħadmu fl-aħħar elezzjonijiet ser jitħallsu dan ix-xahar.

Kabinett

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kif kien ifformat kull kabinett (bir-responsabbiltajiet ta' kull membru tal-kabinett), inkluż kull tibdilha, f'kull leġislatura mill-1947 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant, sa fejn hu possibli, qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Servizz Pubbliku — PSC

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tressqu impjegati tal-gvern quddiem il-PSC din is-sena? Għaliex? Minn liema dipartiment kienu u x'weħlu f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’effett mill-1 ta’ Frar 2000 il-każijiet tad-dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti taħt Regolamenti ġodda u għalhekk dawn il-każijiet m’għadhomx jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi. Dwar id-Dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru tal-Prim Ministru u fil-Ministeru tal-Finanzi, ninsab infurmat illi kien hemm seba’ uffiċjali li l-każ tagħhom ġie riferut lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku matul dawn l-aħħar tnax-il xahar. It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar dawn il-każijiet jinsab fit-Tabella ‘A’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tal-Ministeri l-oħra nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel l-istess mistoqsija lill-Ministri rispettivi. Dwar il-każijiet tad-dixxiplina li kienu nbdew taħt ir-Regolamenti tad-Dixxiplina ta’ l-1977, ninsab infurmat li mid-Dipartimenti kollha tal-Gvern kien hemm erba’ uffiċjali li l-każ tagħhom ġie riferut lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku matul dawn l-aħħar tnax-il xahar. It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar dawn il-każijiet jinsab fit-Tabella ‘B’ li wkoll qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inqabdu impjegati tal-gvern skartati mix-xogħol din is-sena? Minn liema dipartiment kienu? X'kien il-grad tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’effett mill-1 ta’ Frar 2000 il-każijiet tad-dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti taħt Regolamenti ġodda u għalhekk dawn il-każijiet m’għadhomx jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi. Dwar id-Dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru tal-Prim Ministru u fil-Ministeru tal-Finanzi, ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm tnejn u għoxrin każ ta’ uffiċjali pubbliċi li nstabu assenti minn fuq il-post tax-xogħol tagħhom. It-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onorevoli Interpellant dwar id-Dipartiment u l-grad ta’ l-uffiċjali nvoluti f’dawn il-każijiet jinsab f’Tabella ‘A’ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tal-Ministeri l-oħra, nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeri rispettivi.

Persuni Self-Employed — Ħlas ta' l-NI

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 7661 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u cioe jgħid kemm hu n-numru ta' persuni self-employed li huma regolari fil-ħlas tal-bolla tas-sigurta' soċjali, l-NI? Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' persuni self-employed li għandhom arranġamenti speċjali sabiex iħallsu l-arretrati ta' l-NI? Jista' jgħid kemm hi ċ-ċifra globali li trid titħallas f'arretrati minn dawn is-self-employed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.