Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra hemmx il-ħsieb li jinħarġu liċenzji ġodda għal spiżeriji: fir-Rabat, fl-Imġarr, fil-Mellieħa, f'San Pawl il-Baħar, f'Ħad-Dingli u fil-Manikata?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant li inħatar kumitat magħmul minn rappreżentanti tad-Dipartiment, tal-Kamra ta' l-Ispiżjara u tal-General Retailers and Traders Union fit-2 ta' Settembru 1998 biex jistudja u jirraporta fost oħrajn dwar ir-Regolamenti li jirrigwardjaw liċenzjar ta' Spiżeriji.
Meta jiġi finalizzat dan ir-rapport inkun f'pożizzjoni aħjar li nirrispondi għad-domanda tiegħek.
Fid-dikasteru li għalih il-Ministru huwa responsabbli inkluż is-segretarjat, jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi mis-7 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jekk hu l-każ li nxtraw karozzi, x'tip huma, minn fejn inxtraw, kemm swiet kull karozza u minn min qed jintużaw?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mis-7 ta` Settembru 1998 sas-6 ta` Mejju 1999 fżdan id-dikasteru nxtrat karozza waħda (1) mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Din il-karozza Alfa 156 li qed tintuża minn Dr. Joseph Pace, President ta` din il-Fondazzjoni inxtrat minn għand U.C.I.M. u swiet Lm12,915.
Fid-dikasteru li għalih il-Ministru huwa responsabbli inkluż is-segretarjat, jista' l-Ministru jgħid kemm inkrew karozzi mis-7 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, kemm inkrew karozzi, x'tip huma, minn fejn inkrew, kemm hi l-kirja fuq bażi ta' kull ġurnata u minn min qed jintużaw?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba hija skond il-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 6295, jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet u l-I.D. Card No. tal-226 trasferimenti, minn fejn u għal liema post ġew trasferiti u l-ismijiet ta' l-164 impjegat li talbu li jiġu trasferiti huma stess?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mhix konsidrata ta` nteress pubbliku li jingħataw dettalji personali ta` mpjegati fis-Servizz Pubbliku li jiġu trasferiti.
Jekk l-Onor. Interpellant għandu bżonn xi nformazzjoni dwar xi transfer partikolari, nitolbu jagħtini d-dettalji rikjesti.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 6294, jista' l-Ministru allura jagħti l-bed spacing area f'kull dipartiment?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-'bed spacing area' f'kull dipartiment hija hekk kif stipulata mill-'Health Planners' reposabbli mill-'Medical Brief'. Il-'Medical Brief' inħadem fuq normi internazzjonali.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 6290, jista' l-Ministru jgħid x'żieda ta' postijiet kien hemm fil-manpower plan preżenti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
M'għandix x'inżid mat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.6290.
Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar 1999 sal-lum kemm saru elective knee u hip replacements? Jista' l-Ministru jagħti ġimgħa b'ġimgħa kemm saru minn dawn l-operazzjonijiet u minn min saru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mill-1 ta` Jannar sal-lum, saru:
total knee replacements 29
total hip replacements 6
Id-dettalji mitluba huma dawn:
Mr C. Apap Bologna 07.01.99 Total hip replacement
08.04.99 Total hip replacement
16.04.99 Total knee replacement
23.04.99 Total hip replacement
30.04.99 Total knee replacement
07.05.99 Total knee replacement
Mr A. Bernard 07.01.99 Total knee replacement
14.01.99 Total knee replacement
08.04.99 Total hip replacement
15.04.99 Total knee replacement
15.04.99 Total knee replacement
29.04.99 Total knee replacement
29.04.99 Total hip replacement
Mr C. Grixti 06.01.99 2 Total knee replacement
13.01.99 1 Total knee replacement
14.04.99 1 Total knee replacement
21.04.99 1 Total knee replacement
28.04.99 1 Total knee replacement
05.05.99 2 Total knee replacement
Mr C. Sciberras 05.01.99 1 Total knee replacement
20.04.99 1 Total knee replacement
27.04.99 1 Total knee replacement
04.05.99 1 Total knee replacement
Mr F. Zammit Maempel 11.01.99 2 Total knee replacement
12.04.99 2 Total knee replacement
19.04.99 2 Total knee replacement
26.04.99 1 Total hip replacement
26.04.99 1 Total knee replacement
03.05.99 2 Total knee replacement
Rigward l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq, jista' l-Ministru jgħid: 1) kemm huwa ppjanat li se jkun in-numru ta' sodod f'dan l-isptar? 2) rigward il-każ li kien imsemmi fil-media li ma kienx ippjanat li jkun hemm scrub room u anaesthetic room ma' ġenb l-operating theatre: a) jista' l-Ministru jgħid min kien responsabbli għal dan l-iżball jew negliġenza; b) kemm se jiswa lill-gvern Malti biex jirrimedja dan l-iżball; c) jista' l-gvern Malti jiġi kompensat għal dawn id-danni minn min hu responsabbli?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Għall-ewwel parti tad-domanda nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għal-mistoqsija numru 6294 u 6662.
Rigward il-każ imsemmi fil-Media nixtieq ngħidlu li min ħareġ b'din il-ħmerija jfisser li mhux kapaċi jiddistingwi bejn concept design u pre-construction design. Dan ghaliex huwa fl-istadju tal pre-construction design, li jkun ħafna aktar iddetaljat, li Anaesthetic Room u l'Scrub Room ikun identifikati fuq il-pjanti.
Rigward il-poliklinika ta' Raħal Ġdid, jista' l-Ministru jgħid: 1) kemm-il grupp ta' tobba hemm qed jaħdmu bħalissa f'din il-poliklinika? Kemm hemm tobba f'kull grupp? 2) kemm suppost ikun hemm tobba fil-poliklinika waqt in-night shift? 3) x'tip ta' servizzi paramediċi qed jitħaddmu minn ġo din il-poliklinika?
Response (DEGUARA, LOUIS)
1. It-tobba fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Raħal il-Ġdid jaħdmu f'ħames gruppi.
2. Bhalissa hemm grupp wieħed b'ħames tobba u erba gruppi ta erba tobba. Hemm wkoll żewġ tobba part-timers li jaħdmu regolari bil-lejl mit-8.00pm sa l-4a.m. (ma tnejn mill-gruppi li huma b'erba tobba). Hemm tabiba oħra li ma taħdimx siegħat diversi matul il-ġurnata.
3. Il-full complement ta' tobba waqt in-night shift huwa ta' sitt tobba. Bhalissa ikun hemm tobba skond il-gruppi kif inhuma fil-present.
4. Is-servizzi paramediċi li jitħaddmu minn ġo dan iċ-centru tas-Sahha huwa: servizzi ta' radjografija, servizz ta' podoloġija, servizz ta' fiżjoterapija, servizz ta' dental hygiene, servizz ta' speech therapy, servizz ta' tilqim, servizz ta' nurses (24 siegħa kuljum), servizz ta' elettrokardjografija, servizz ta' farmaċija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix legal commission biex tistudja u tipproponi leġislazzjoni ġdida għall-kura tas-saħħa mentali biex Malta tiġi in line ma' prassi li tintuża minn pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Sa issa ma hemm l-ebda kummissjoni legali dwar leġislazzjoni ġdida għall-kura tas-saħħa mentali.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-appuntamenti għall-visits għand l-oftalmologu li jara n-nies fil-Poliklinika ta' Raħal Ġdid qed ikunu fit-tul ħafna, eżempju, Settembru li ġej għal diversi każi? L-oftalmologu li hemm qiegħed jaħdem fuq bażi full-time jew part-time? Din l-istess persuna trid tlaħħaq ma' dmirijiet oħra fl-Isptar San Luqa? Kemm ġew invistati nies xahar b'xahar matul dawn l-aħħar disa' xhur?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-appuntamenti għall-vista għand l-Oftalmogu fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Raħal il-Ġdid twalu iżjed milli wiehed jixtieq u anke sa Settembru minħabba żewġ raġunijiet primarji. L-ewwel raġuni kienet illi fil-bidu ta' Frar irreżenja Optometrist fid-Dipartiment u minħabba illi ma kienx possibli li jiġi provdut sostitut, is-sessions fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta' Raħal il-Ġdid kellhom jiġu mnaqqsa sabiex ikun hemm distribuzzjoni ugwali fiċ-Ċentri tas-Saħħa kollha. It-tieni kawża kienet illi l-Oftalmologu li kienet tattendi il-klinika ta' Raħal il-Ġdid dan l-aħħar mardet serjament u mistennija tirritorna lura għax-xogħol fil-bidu ta' Ġunju. Ma kienx possibli li jinstab sostitut iehor għal dan il-perjodu, l-anqas mid-Dipartiment ta' l-Oftalmoloġija ta' l-Isptar San Luqa.
L-Oftalmologu illi taħdem fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta'Raħal il-Ġdid hija impjegata full time iżda taqdi dmirijiet kemm fiċ-Centru tas-Saħħa kif wkoll fl-isptar San Luqa.
In-nies li ġew invistati xahar b'xahar matul dawn l-aħħar disa xhur kienu.
Xahar Visti
Awwissu 98 158
Settembru 98 71
Ottubru 98 292
Novembru 98 314
Diċembru 98 261
Jannar 99 319
Frar 99 110
Marzu 99 76
April 99 30
Jista' l-Ministru jara li jinżammu aktar indaf ix-showers f'Ward 2, ta' Mount Carmel Hospital?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Sabiex l-Isptar Monte Carmeli jinżamm aktar nadif, qiegħed isir eżercizzju biex jiġu ddentifikati dawk il-persuni li l-grad tagħhom jippermettu li jaghmlu xogħol ta' tindif izda li illum mhux qed jagħmlu dan it-tip ta' xogħol. Dawn il-persuni sejrin jintbagħtu jaħdmu fil-wards, fosthom il-ward 2.
Sejra titwaqqaf pool ta' sitta min-nies bl-iskop li jsir xogħol ta' tindif ukoll fil-partijiet komuni ta' l-isptar. Din il-unit tkun tista tagħmel xogħol ta' tindif ukoll fis-swali jekk ikun hemm bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid għalxiex huma intitolati l-pazjenti diabetiċi mill-isptarijiet tal-gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li peress li l-informazzjoni mitluba hija koperta bil-provvedimenti tal-Liġi tas-Sigurta' Soċjali, hu mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Onor. Ministru tal-Politika Soċjali,
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-ispiżeriji tal-polikliniċi tal-gvern qegħdin jeħdulhom il-prescription tal-mediċini, meta fi żmien il-gvern preċedenti kienu jħallulhom tliet riċetti biex jiġu evitati folol fil-polikliniċi bla bżonn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għad-domanda Nru 4636.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex f'dawn l-aħħar ġranet ma kienx hemm tajjar u spirtu għal dawk li huma ntitolati bil-kartuna r-roża?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-provista tal-Isopropyl Alcohol 70% li s-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern tqassam fiċ-Ċentri ta-Saħħa għall-pazjenti li għandhom il-kartuna r-roża, kellha titwaqqaf, sakemm xi problemi bil-kwalita' tal-prodott mixtri mingħand il-kuntrattur preżenti jiġu solvuti. Minħabba li dan il-prodott ma jinstabx lokalment, provista ta' Isopropyl Alcohol aktar ikkonċentrat ġiet mixtrija u qiegħda tiġi dilwita għall konċentrazzjoni meħtieġa (70%), iżda d-distribuzzjoni ta' dan il-prodott kellu jiġi limitat.
Rigward it-tajjar jirriżulta li kien hemm nuqqas fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira minħabba li d-domanda għal dan il-prodott żdiedet. Dan in-nuqqas kien biss temporanju sakemm l-Istores tal-Gvern qassam il-kwantita' meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jipprovdi servizz ta' spiżerija fil-Mellieħa minn fejn l-anzjani ikunu jistgħu jġibu l-mediċini li jkunu ntitolati għalihom b'xejn mingħajr ma jkollhom għalfejn jiskarriġġjaw żejjed?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellanta li filwaqt li l-Gvern m'għandu l-ebda ħsieb li jiftah spiżerija fil-Mellieħa, l-anzjani tal-Mellieħa jistgħu jagħmlu użu mill-'Postal Service' li jeżisti fil-berġa lokali.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 3574 peress li l-informazzjoni mitluba hija importanti u validissima?
B'riferenza għar-risposta li tani diġa' għal din il-mistoqsija, jista' l-Ministru jgħid minn liema standing orders toħroġ it-talba tal-validita'?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi skond il-lista li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-pilloli "special" jibdew jingħataw mill-Polikliniċi u l-Bereġ tal-Gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li fid-Dipartiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern flimkien mad-Drugs and Therapeutics Committee bħalissa għaddej proċess fejn qiegħed jiġi 're-formulated' u 'updated' il-Formularju. Numru ta' pilloli li bħalissa huma 'special' sejrin isiru 'Formularju' u għalhekk jibdew jingħataw mill-Polikliniċi u l-Bereġ tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-pilloli "special items" li jingħataw mill-ispiżerija ta' l-Isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-lista ta pilloli 'special items' li jingħataw mill-Ispiżerija ta' l-Isptar San Luqa qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.