Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #11034 Sitting 178 1999-11-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Żurrieq — Ta' l-Għerien - Art pubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment ta' l-Artijiet u l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tawx il-permessi meħtieġa biex art pubblika fl-inħawi Tal-Għerien fil-konfini taż-Żurrieq tiġi okkupata wara li minnha tqaċċtu s-siġar, ittella' ċint u tpoġġiet il-ħamrija? Meta ngħataw il-permesi meħtieġa? Lil min? B'liema kondizzjonijiet? Jekk ma ngħatawx il-permessi meħtieġa, x'passi se jittieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma nħarġux permessi, la mad-Dipartiment ta` l-Artijiet biex tiġi okkupata l-art pubblika li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, u lanqas nħarġu permessi mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar għal xi xogħol fuq din l-istess art. Ninsab infurmat ukoll li, minn investigazzjoni minn Uffiċjali ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irriżulta li persuna, li l-identita` tagħha hija magħrufa, kienet qed tagħmel xi xogħol illegali fuq l-art imsemmija. Din il-persuna ġiet ordnata li tieqaf milli tkompli bix-xogħol, kif fil-fatt sar. L-istess persuna ġiet ordnata ukoll biex issegwi l-proċeduri stabbiliti mill-Liġi. L-Awtorita` qed tkompli bl-istħarriġ neċessarju mad-Dipartiment ta` l-Artijiet dwar il-każ, fejn mistennija jittieħdu l-passi skond kif mitlub fl-Att 1 ta` l-1992 dwar l-Iżvilupp.
Leg 9 PQ #10971 Sitting 177 1999-11-09 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Cinemas - Tipjip

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna tħarrket u ttellgħet il-qorti wara li nqabdet tpejjep ġewwa s-cinemas sena b'sena mill-1990 'il hawn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #11017 Sitting 177 1999-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Reġistru Pubbliku — Żweġijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru żweġijiet s'issa din is-sena? Kemm minnhom kienu żweġijiet ċivili? Kemm kien hemm żweġijiet fejn waħda mill-partijiet kienet barranija? Kemm kien hemm żweġijiet fejn iż-żewġ partijiet kienu barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #11018 Sitting 177 1999-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Għases

Question

Issa li l-gvern iddeċieda li jiftaħ għases fl-Imtarfa u f'Paceville, jista' jiddentifika l-post fejn se jinfetħu dawn l-għases? Dawn se jkunu miftuħa fuq 24 siegħa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-bini ta` l-Għassa ta` l-Imtarfa jinsab fiċ-ċentru ta` dan il-lokal. Dwar Paċeville, kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid, hemm il-ħsieb illi l-area ta` San Ġiljan tinqata` minn mad-Distrett ta` Tas-Sliema. Il-Pulizija kienet u għadha tagħti prijorita` sabiex sa fejn hu possibli, l-għases kollha jinżammu miftuħa l-ġurnata kollha.
Leg 9 PQ #11020 Sitting 177 1999-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Priġunieri — Skorta

Question

Jista' l-Ministru jgħid min jiddeċiedi kemm il-persuna għandha tkun fl-iskorta ta' priġunieri li jkollhom bżonn imorru fl-isptar jew il-Qorti? Wara l-ħarba tal-priġunier Libjan El Azzabi, ma jaħsibx li għandha ssir klassifika skond il-perikolożita' ta' kull priġunier?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10181, ninsab infurmat li ġiet introdotta l-prattika li, meta priġunieri ta` nazzjonalita` barranija jkollhom bżonn li jiġu skortati għal xi sptar, minbarra l-iskorta pprovduta mill-Pulizija qed jittieħdu miżuri oħra ta` sigurta`.
Leg 9 PQ #11021 Sitting 177 1999-11-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Direttur tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, is-Sur Emmanuel Cassar għadux jżomm ir-rank ta' supritendent fil-korp tal-pulizija? Jekk fl-affermattiv, jista' jkun li jkun hemm nuqqas ta' qbil mal-kummissarju tal-pulizija fil-qadi tad-dmirijiet tad-Direttur speċjalment dwar skorta tal-pulizija ma' priġunieri f'viżti għall-isptar jew biex imorru l-Qorti?

Response (BORG, TONIO)

Is-Sur Emmanuel Cassar ġie maħtur mill-Prim Ministru, fuq pariri tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, bħala Aġent Direttur tas-Servizzi Korrettivi b`effett mill-5 ta` Marzu, 1999. Il-ħatra ġiet imħabbra fil-Gazetta tal-Gvern tat-12 ta` Marzu, 1999, permezz ta` Avviż Nru. 188. Bħala Aġent Direttur tal-Ħabs, is-Sur Cassar għandu dawk id-dmirijiet u funzjonijiet kollha rikjesti minnu skond l-Att dwar il-Ħabs, Kap. 260. Fid-dawl ta` dan kollu ma jidhirx li hemm loġika fit-tieni parti tal-mistoqsija ta` l-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #11067 Sitting 176 1999-11-09 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew sospożi mpjegati mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar matul dawn l-aħħar 12-il xahar? X'inhu l-grad tal-persuni sospiżi u f'kull każ għal-liema raġuni ġew sospiżi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar 12-il xahar ġew sospiżi żewġ impjegati mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar; wieħed fi Grad 5 u l-ieħor fi Grad B. Dawn ġew sospiżi minħabba li kienu qed jagħmlu xogħol mhux awtorizzat mill-Awtorita`, u fiż-żewġ każi seta` jkun hemm konflitt ta` interess.
Leg 9 PQ #11112 Sitting 176 1999-11-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każi ta' qtil

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm-il każ ta' murder kien hawn mill-1 ta' Jannar, 1999 sa 3 ta' Novembru, 1999 f'Malta u f'Għawdex? Kemm minnhom ġew solvuti u kemm hemm li għadhom qed jiġu nvestigati? F'kull każ solvut, liema uffiċjal tal-Pulizija kien qed imexxi l-investigazzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta` Jannar u t-3 ta` Novembru 1999 kien hemm 7 każi ta` qtil, li f`każ minnhom il-vittmi kienu 2. Dwar tlieta minn dawn il-każijiet tressqu 3 persuni quddiem il-Qorti akkużati b`omiċidju volontarju, filwaqt li f`każ ieħor persuna tressqet il-Qorti akkużata b`omiċidju involontarju u traffikar ta` droga. Każ ieħor seħħ reċentement u għalhekk għadu qed jiġi nvestigat, kif qed isir fil-każi l-oħra li għadu ma` tressaq ħadd dwarhom. Dawn il-każi kollha qed jiġu nvestigati mill-Pulizija tad-Dipartiment ta` l-Investigazzjoni Kriminali taħt it-tmexxija ta` l-Assistent Kummissarju nkarigat minn din it-Taqsima.
Leg 9 PQ #11009 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet mill-pulizija lil sidien ta' ħwienet u negozji oħra għax kellhom esposti għall-bejgħ ta' gugarelli f'forma ta' armi tan-nar, fil-perjodu Settembru 1998 - Settembru 1999?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-perijodu speċifikat mill-Onorevoli Interpellant il-Pulizija ħarġet ċitazzjonijiet kontra 4 persuni għax kellhom għall-bejgħ ġugarelli f`forma ta` armi tan-nar.
Leg 9 PQ #11024 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Kunsill Lokali ta' Pembroke

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni tad-Dipartiment ta' l-Artijiet għat-talba tal-Kunsill Lokali ta' Pembroke dwar l-avviż ta' l-istess dipartiment numru 186, fil-ħarġa numru 16,852 tad-19 ta' Ottubru, 1999 għal kiri ta' biċċa art li hemm bejn Triq Cassino, Triq Camillo Sciberras u Triq Mons. Mifsud Tommasi, wara li l-kunsill kiteb lid-dipartiment fejn informah li jħoss li m'għandhomx jinħarġu offerti għal artijiet fil-lokal qabel il-pjan ta' azzjoni għal Pembroke jiġi approvat mill-Parlament u kif ukoll talbu biex iwaqqaf f'mod immedjat is-sejħa ta' l-offerti in kwestjoni billi tiġi ffriżata sakemm jiġi approvat dan il-pjan, u dan wara li l-kunsill kien kiteb ukoll lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fejn l-art in kwestjoni kellha tiġi definita bħala żona ta' fejn għandu jinbena ċentru ċiviku u kummerċjali fil-lokal?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 10927.
Leg 9 PQ #11035 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Djar

Question

Wara r-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 10805, jikkonsidra l-Ministru li tiġi ntrodotta skema fejn tagħti d-dritt lis-sidien ta'djar residenzjali antiki (li ġew mibnija qabel l-1960) u li huma mibnija fuq art tal-Gvern u b'enfitewsi temporanja sabiex dawn is-sidien ikunu jistgħu jifdu ċ-ċens temporanju bi prezz sussidjat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-maġġor parti tad-djar residenzjali li huma mibnija fuq art tal-Gvern, mogħtija b`enfitewsi temporanja qabel l-1960, jinsabu fuq artijiet li ġew mogħtija għal 150 sena jew 99 sena. Iċ-ċens temporanju ta` dawn il-proprjetajiet jista` jiġi kkonvertit f`wieħed perpetwu f`għeluq l-enfitewsi temporanja, kif provdut fl-emenda tal-Housing Decontrol Act tal-1979.
Leg 9 PQ #11039 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Azzjoni industrijali

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li dawn l-aħħar ġimgħat il-Planning Authority kienet għaddejja bi strike industrijali? X'kienet ir-raġuni għal dan?

Response (BORG, TONIO)

Nikkonferma li ħaddiema tekniċi u amministrattivi fi ħdan l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, nhar it-Tnejn, 18 ta` Ottubru, 1999, kienu fuq strajk ta` siegħa (bejn l-10.00am u l-11.00am) ordnat mill-UHM minħabba nuqqas ta` ftehim dwar struttura ta` salarji fil-kuntest ta` ftehim kollettiv ġdid. Minn dakinhar tas-siegħa strajk, il-ħaddiema bdew azzjonijiet industrijali fid-diversi taqsimiet ta` l-Awtorita` kif ordnat lilhom mill-istess union. Nhar il-Ħamis 4 ta` Novembru id-direttivi tal-UHM twaqqfu wara li ntlaħaq ftehim dwar il-ftehim kollettiv. Sadanittant fl-istess ġurnata l-U.P.A.P. (Union tal-Professjonisti ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar) tat direttivi rigward azzjonijiet industrijali.
Leg 9 PQ #11059 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Għawdex — Xlendi - Diskoteka

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 9353, jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk hux veru li s-sid tad-diskoteka ewlenija fin-niżla tax-Xlendi waqqgħax hu stess il-bini llegali kollu li l-Ministru semma fit-tweġiba tiegħu għall-istess mistoqsija? Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għamlitx site inspection biex taċċerta ruħha li s-sid waqqa' l-bini kollu illegali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li s-sid tas-sit li rrefera għalih l-Onor. Interpellant neħħa parti mill-bini llegali, iżda tqajjem punt ta` kjarifika legali dwar bini llegali ieħor, fejn l-avukati tas-sid allegaw li l-ordni ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar kif maħruġa, ma kienetx ċara biżżejjed u għalhekk is-sid ma setax jaġixxi kif mitlub. Għalhekk intalab li tinħareġ ordni ġdida kif fil-fatt sar. Din l-ordni ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar qegħda tieħu l-proċess tagħha skond il-liġi u jkunu jistgħu jittieħdu l-passi ulterjuri mill-istess Awtorita`, skond kif jitlob l-istess proċess legali.
Leg 9 PQ #11099 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Bormla — Kappella

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10580, fejn il-Ministru ta' l-Edukazzjoni qal li d-Dipartiment tal-Mużewijiet m'għandu ebda oġġezzjoni li l-kappella ta' San Gwann t'Għuxa, Bormla, tinfetaħ u fiha jsir il-quddies, u peress li l-istess Ministru qal li dan il-post jaqa' taħt ir-responsabbilta' tad-Dipartiment ta' l-Artijiet, jista'l-Ministru jara li tintlaqa' x-xewqa tar-residenti ta' l-akkwati ta' San Gwann t'Ghuxa, u din tinfetaħ u fiha jsir il-quddies?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta` l-Artijiet m`għandu ebda oġġezzjoni li l-kappella ta` San Ġwann t`Għuxa, Bormla, tinfetaħ u fiha jsir il-quddies u lest li jikkunsidra favorevolment talba li ssirlu f`dan is-sens.
Leg 9 PQ #11101 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Tilwim industrijali

Question

Peress li minħabba tilwim industrijali fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar, il-Bord ta' l-Appelli ta' l-istess awtorita' ma jistax jiffunzjona f'Għawdex u fil-fatt tħassru diversi seduti b'harship kbir għal Għawdxin, jista' l-Ministru jieħu passi rimedjali biex jassigura li l-istess bord ta' l-appelli ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'Għawdex jerġa' jibda jiffunzjona?

Response (BORG, TONIO)

Il-Ministeru jidhirlu li ġaladarba nhar il-Ħamis 4 ta` Novembru l-azzjonijiet industrijali mill-ħaddiema tekniċi u amministrattivi tal-Awtorita` ta` l-Ippjanar twaqqfu, il-Bord ta` l-Appell issa se jkun jista` jerġa` jiltaqa` wara li jintbagħtu n-notices lill-persuni kkonċernati. In-notice trid tasal sa 15-il ġurnata qabel il-laqgħa tal-Bord ta` l-Appell.
Leg 9 PQ #11102 Sitting 175 1999-11-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Bormla — Triq R. Taylor - "No Parking sign"

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li Triq R. Taylor, Bormla, isir "No Parking" għax qed toħloq inkonvenjent lir-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #9748 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ċittadinanza — Ċittadinanza doppja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija u/jew ċittadinanza doppja bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena? Kemm huwa n-numru ta' talbiet pendenti fil-mument?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta` persuni li ħadu ċ-ċittadinanza Maltija bejn Jannar u Settembru ta` l-1999, kien ta` 63 permezz ta` reġistrazzjoni, u ta` 49 permezz ta` naturalizzazzjoni. Bħalissa hemm madwar 300 applikazzjoni li għadhom qed jiġu pproċessati. Niġbed l-attenzjoni ta` l-Onorevoli Interpellant għall-fatt li, dwar ċittadinanza doppja, ir-rwol tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta` l-Expatriates huwa li jikkonferma, meta ssirlu talba, li l-persuna konċernata tista` żżomm żewġ ċittadinanzi: dik Maltija u l-oħra li tkun ottjeniet b`riżultat ta` emigrazzjoni. Bejn Jannar u Settembru ta` l-1999, id-Dipartiment ħareġ 263 konferma f`dan is-sens, filwaqt li hemm 35 talba li għadhom qed jiġu pproċessati.
Leg 9 PQ #9749 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Bdiewa/raħħala

Question

Jista' l-Ministru jara li fix-xhur li ġejjin tiġi rimedjata l-problema tal-bdiewa u raħħala li l-uċuħ u l-irziezet tagħhom għaddew f'idejn il-gvern wara li l-gvern xtara l-art mingħand il-knisja? Peress li bl-investiment li kien għamel il-Gvern Nazzjonalista meta xtara din il-proprjeta' kien ikkalkolat li l-prezz ta' kull tomna raba' li jrid idaħħal il-gvern huwa ta' madwar Lm20 jew Lm28 il-tomna, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'sar matul dawn l-aħħar 12-il xahar u ċioe' xi prezzijiet se jitlob il-gvern għal raba u rziezet imqabbla għand il-bdiewa u raħħala?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9398.
Leg 9 PQ #9751 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Persuni barranin — Permessi għal xogħol

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna l-mistoqsija parlamentari numru 8096 bl-informazzjoni sa Settembru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-perijodu u s-snin li l-Onor. Interpellant talab l-informazzjoni dwarhom, in-numru ta` barranin li kellhom liċenza ta` impjieg u li isimhom deher fil-lista li tiġi ppubblikata kull xahar mid-Dipartiment ta` l-Informazzjoni kien kif jidher hawn taħt:- Xahar 1995 1996 1997 1998 1999 ----- ---- ---- ---- ---- ---- Ġunju 2,063 2,223 2,476 1,971 2,130 Lulju 2,025 2,223 2,513 1,996 2,144 Awissu 2,060 2,321 2,429 2,011 2,154 Settembru 2,053 2,365 2,356 2,016 2,209
Leg 9 PQ #10867 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Ċentru sportiv f'Ħal Kirkop

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għat-talba tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li fit-22 ta' Settembru, 1999 talbet li f'sit f'Ħal Kirkop jinbena ċentru sportiv u skola sekondarja ġdida, liema skola sekondarja kellha tinbena fin-Nigret fiż-Żurrieq kif dejjem sostniet l-istess Awtorita'ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-talba li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant qed tiġi mistħarrġa mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar. L-opinjoni ta` l-Awtorita` dwar din it-talba tkun tista` tiġi ifformulata biss wara li tgħaddi mill-proċessi kollha meħtieġa skond il-liġi.