Jista' l-Ministru jgħid x'korsijiet ġew organizzati mill-iskola nawtika filgħaxija? Kemm jiġu ċċarġjati l-persuni li jattendu dawn il-korsijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Iskola Nawtika organizzat dawn it-tliet korsijiet filgħaxija:
* Kors ta' 20 siegħa li jwassal għall-"VHF Operators Licence" bi ħlas ta' Lm15.00 għal ċittadini Maltin u Lm30.00 għal barranin.
* Kors ta' 18-il xahar għall-Yachtmaster (offshore) bi ħlas ta' Lm20 għall-Maltin u Lm40 għall-barranin.
* Kors ta' xahar bis-Sibtijeit inklużi, li jwassal għal-liċenzja tas-sewqan tal-"Mechanically Driven Seacraft" f'isem l-Awtorita` Marittima Maltija. Il-ħlas għal dan il-kors hu ta' Lm50.00. Dan il-ħlas jinkludi "Quick Reference Navigation Rules Chart", ktieb l-ispejjeż tal-fuel, kir ta' servizzi tal-Fire Fighting equipment u spejjeż oħra. L-applikanti jingħataw Lm15.00 lura hekk kif itemmu l-kors b'suċċess. Applikanti li għandhom ċertifikati fil-First Aid u fil-Basic Fire Fighting iħallsu Lm10.00 inqas. Dan il-kors jiġi organizzat kull xahar.
Matul il-jum jiġu organizzati wkoll korsijiet qosra mitluba minn diversi entitajiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti residenti fil-Kalkara, Vittoriosa, Cospicua u Senglea, f'kull fakulta' u fil-Junior College ta' l-Universita' ta' Malta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti li jattendu l-Junior College ta' l-Universita` ta' Malta u huma residenti tal-Kottonera huwa dawn:
L-Ewwel Sena It-Tieni Sena Total
Kalkara 8 6 14
Birgu/Vittoriosa 4 6 10
Bormla/Cospicua 9 15 24
Isla/Senglea 0 4 4
L-informazzjoni mitluba dwar l-istudenti ta' l-Universita` ta' Malta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu offerti għall-produzzjoni ta' dokumentarju informattiv (broadcast quality) għall-Kumplessi Sportivi tal-Qroqq, tal-Marsa u tal-Kottonera?
Min intgħażel u kemm kienu l-offerti f'kull każ ta' dawk kollha li wrew interess? X'xogħol hu mistenni li jsir minn min ħa dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li daħlu tlett offerti għall-produzzjoni ta' dokumentarju informattiv għall-Kumplessi Sportivi tal-Qroqq, tal-Marsa u tal-Kottonera.
F'kull każ l-offerti mitfugħa kienu mingħand l-istess tlett kumpaniji kif se nsemmi:
Tal-Qroqq
RGB Television Productions Ltd Lm3,450
Blaze Productions Lm3,150
Citadel Video Communications Ltd Lm6,038
Marsa
RGB Television Productions Ltd Lm3,450
Blaze Productions Lm3,150
Citadel Video Communications Ltd Lm6,038
Kottonera
RGB Television Productions Ltd Lm6,325
Blaze Productions Lm4,140
Citadel Video Communications Ltd Lm6,852
Skond l-ispecifications kull min għamel offerta għal dan ix-xogħol kellu jibgħat samples ta' videos li kienu saru mill-istess kumpanija biex tingħata indikazzjoni tal-kapaċita`/esperjenza fix-xogħol li ġie mitlub fit-tender partikolarment f'animazzjoni tridimenzjonali ta' proġetti li jkunu ser jinbnew. Għalkemm Blaze Productions kienu ikkwotaw l-irħas offerta f'kull każ, huma naqsu milli jinkludu eżempji ta' dokumentarji u animazzjoni tridimenzjonali. Għalhekk l-offerta tagħhom ma setgħetx tiġi kkunsidrata. F'kull każ ġew magħżula RGB Television Productions Ltd li offrew it-tieni l-irħas offerta. RGB Television Productions Ltd kienu ppreżentaw samples konformi ma' l-ispecifications.
Kopja ta' l-ispecifications qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-esperti li ġew mogħtija l-inkarigu mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ sabiex jagħmlu studju dwar l-impatt ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropeja?
Meta hu mistenni li dan l-istudju jkun lest?
Response (GALEA, LOUIS)
L-Onor. Membru jaf tajjeb li l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ huwa kumitat awtonomu. Il-Ministeru ma għandux kontroll fuq l-esperti li jistgħu jiġu jew ġew mogħtija l-inkarigu mill-istess Kunsill biex jagħmlu studju dwar l-impatt ta' sħubija fl-Unjoni Ewropeja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-club tar-Regatt tal-Birgu hux ser jintmiss mill-proġett tal-Cottonera? Jekk fl-affermattiv, meta ser ikollhom jiżgumbraw il-post, fejn ser imorru?
Response (GALEA, LOUIS)
Milli jidher l-Onor. Membru qiegħed jirreferi għall-proġett tax-xatt tal-Kottonera. Għalhekk huwa mitlub jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm jammontaw in-numru ta' reklami li saru mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fis-snin 1999, 2000 u 2001?
Jista' jgħid separatament kemm jammontaw finanzjarjament dawn ir-reklami u lil min ingħataw, fejn kienu mxandra jew ippublikati u x'kienet il-ħtieġa li jingħataw?
Jista' l-Ministru jgħid liema huma x-xogħlijiet li għad iridu jsiru fil-junior lyceum tal-bniet Sir Adrian Dingli? Peress li rċevejt diversi lmenti dwar l-ambjent xejn sabih f'din l-iskola, jista' jgħid x'inhu l-pjan biex dawn ix-xogħlijiet isru? X'sar s'issa f'din is-sena skolastika?
Response (GALEA, LOUIS)
Tard is-sena l-oħra, il-Kumitat tal-Kuntratti ddeċieda li jirrifjuta l-offerti kollha li kienu saru għas-sejħa għal offerti għal xogħlijiet ta' finitura fis-Central Core tal-Liċeo tal-Bniet Sir Adrian Dingli. B'riżultat ta' din id-deċiżjoni kellhom jitħejjew għadd ta' sejħiet għal offerti biex ikunu ppubblikati f'pakketti separati. Dawn il-pakketti jinkludu x-xogħlijiet kollha li kienu nklużi fl-offerta li kienet rifjutata.
Meta jitlesta x-xogħol fuq is-Centratl Core jingħata bidu għax-xogħol fuq Wing A u Wing B li jinkludi xogħlijiet strutturali, elettriċi u mekkaniċi u ta' finitura. Filwaqt li jkun għaddej ix-xogħol fuq Wing A u Wing B, ikun jista' jinbeda xogħol fuq il-bini ta' ħajt li jagħlaq l-iskola.
Wara li jiġu riabilitati dawn il-blokki, jibda x-xogħol fuq Wing C u Wing D biex wara jsir xogħol ta' land scaping.
Minħabba li, kif intqal qabel, kienu rifjutati l-offerti kollha għal xogħlijiet ta' finitura, f'dawn l-aħħar xhur seta' jsir biss xogħol ta' tneħħija ta' materjal u xi xogħol strutturali. Fl-istess ħin saru wkoll diskussjonijiet ma' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar dwar il-bini ta' ħajt li jagħlaq l-iskola kif propost.
Wieħed irid japprezza li x-xogħol kollu irid isir fi stadji minħabba li l-iskola trid tkompli tiffunzjona. Id-Diviżjoni konxja ħafna tas-sitwazzjoni preżenti u qed tagħmel kulma tista' biex tħaffef il-proċess safejn jiddependi minnha.
Bħala Ministru responsabbli mill-isport, jista' jgħid jekk qattx saret talba mill-awtoritajiet tal-football biex jiġi irranġat il-carpark ta' l-Istadium Nazzjonali fejn m'hemmx dawl u lanqas tarmac? Jista' jgħid x'talba saret? Meta? X'kienet it-tweġiba tal-Ministeru? Saru xi laqgħat dwar dan? Meta? Minn min? X'inhi l-pożizzjoni tal-gvern dwar dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat illi l-imsemmi car park maġenb l-Istadium Nazzjonali f'Ta' Qali kien ġie mgħoddi lill-Malta Football Association b'Riżoluzzjoni tal-Parlament approvata fis-seduta Numru 130 tal-31 ta' Ottubru 1997.
Għaldaqstant l-MFA hija responsabbli għal kwalunkwe manutenzjoni li tkun meħtieġa fil-faċilitajiet sportivi u areas oħra imsemmija fir-Riżoluzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellhom rapporti ta' bullying fi skejjel tal-gvern is-sena l-oħra u f'liema skejjel allegatament saru dawn ir-rapporti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma nkunux nafu n-numru tal-każi ta' "bullying" li ġew ttrattati mill-Guidance Teachers, għaliex il-policy u prattika stabbilita hi li kemm il-bully u kemm il-vittma jiġu megħjuna u tinżamm il-konfidenzjalita` u ma jkun jaf ħadd bihom. Is-sena l-oħra saru programmi ta' prevenzjoni għat-tfal, għall-ġenituri u għall-għalliema, kemm fl-iskejjel statali u f'xi skejjel tal-Knisja u privati. F'xi każi wkoll ġew megħjuna tfal u studenti li marru l-Guidance Unit u talbu għajnuna. Ma naħsibx li għandhom jissemmew l-iskejjel.
Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħdux passi mill-Ministeru wara l-ittra li rċieva minn 17-il student tat-tielet sena li għamlu l-eżamijiet tal-Malta Institute of Accountants, liema ittra ġġib id-data tas-7 ta' Frar, 2001?
X'passi ttieħdu? Jinħass il-bżonn li l-awtoritajiet edukattivi jaraw sew x'qed jiġri u jinvestigaw l-ilmenti mqajjma fl-ittra msemmija?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-pass li ttieħed wara li rċevejt kopja ta' ittra li l-istudenti bgħatu lill-Malta Institute of Accountants, kien li l-Ministeru kiteb lill-Institute biex jara xi żviluppi kienu seħħew dwar l-ilment ta' l-istudenti. Il-Malta Institute of Accountants irrispondew billi spjegaw il-proċeduri tagħhom dwar kif janalizzaw u jirrevedu r-riżultati ta' l-eżamijiet tagħhom. Qalu wkoll li l-Education Committee tagħhom, dwar dan il-każ, mexa ma' dawn il-proċeduri, u kkonkluda li r-riżultat għandu jibqa' kif kien.
Naqbel li l-awtoritajiet edukattivi għandhom jaraw sew x'qed jiġri. Għaldaqstant, issa li rċevejt il-pożizzjoni tal-Malta Institute of Accountants, ser nitlob lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex tinvestiga l-ilmenti mqajjma fl-ittra msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-attivita' mtella' mal-Ministeru ta' ta' l-Edukazzjoni fil-Corinthia Palace Hotel f'Attard nhar id-9 ta' Marzu, 2001 bl-isem ta' "Europe? (believe ini it!")? Kemm ħarġu flus dawn l-entitajiet li ġejjien biex tkun tista' ssir l-attivita'? (1) Il-Ministeru stess; (2) il-Kummissjoni Ewropea; (3) il-Junior College; (4) Centro di Coordinamento Info Eurogente?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-laqgħat preliminiari għal dan il-proġett kull istituzzjoni li ħadet sehem daħlet fi ftehim maċ-Centro di Co-ordinamento Infoeurogente ta' Benevento, li kien ħa f'idejh l-organizzazzjoni ta' dan il-proġett mingħand il-Kummissjoni Ewropeja Għall-Kultura, fuq bażi tan-natura tal-post u ċ-ċirkostanzi li fihom kellhom isiru dawn il-laqgħat. Dawn id-diskussjonijiet kienu jiġbru fihom mhux biss l-aspett finanzjarju iżda anki dak edukattiv u organizzattiv.
Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aspett finanzjarju ġie miftiehem li ċ-Centro Infoeurogente jgħaddi somma flus lil kull parteċipant skond iċ-ċirkostanzi li jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor. Ma Malta intlaħaq dan il-ftehim:
1. Iċ-Centro jgħaddi lis-sieħba Maltin ħames miljuni liri taljani u jkopri l-ispejjeż ta' vjaġġar ta' l-istudent u l-għalliem għall-pajjiż li fih tkun ser issir il-laqgħa, jiġifieri għall-Italja (Duino u Marcone), l-Ungerija (Ngykanizsa) u l-Ingilterra (Halifax). Il-partners Maltin għandhom jissottomettu liċ-Centro b'għaxar miljuni liri taljani f'irċevuti li ċ-Centro jrid jgħaddi lill-Kummissjoni Ewropeja. B'hekk iċ-Centro jkun jista' jagħti refund ta' nofs din is-somma ta' għaxar miljuni liri taljani.
2. Il-partners Maltin jidħlu responsabbli għall-organizzazzjoni tal-Konferenza li ssir Malta u jkopru l-ispejjeż ta' vjaġġar tal-mistiedna barranin.
Meta wieħed jagħmel kalkolu jsib li l-ispejjeż minn naħa Maltija jitilgħu għal madwar elfejn u ħames mitt lira Maltin (Lm2,500) li minnhom ser jidħlu lura madwar nofshom.
Tajjeb li wieħed jiżen dawn l-ispejjeż mal-ġid li ħareġ minn din l-inizjattiva. L-istudenti tal-Junior College kellhom l-opportunita` jiddiskutu ma' żgħażagħ barranin topics ta' importanza bħal dawk ta' Solidarjeta`, Demokrazija, Tolleranza, Difiża tat-tradizzjonijiet u Kultura bħala mezzi ta' integrazzjoni tal-popli.
Jista' l-Ministru jgħid min ħa sehem fit-tfassil tas-sillabu Sec tal-physics (Sec24) għas-snin 2002-2003? X'konsultazzjoni saret ma' l-għalliema tal-physics fl-iskejjel ta' l-Istat, Knisja u privati? X'taħriġ sar s'issa, u x'taħriġ se jsir fis-sena 2001 biex iħejji lill-għalliema għal bidliet proposti? X'passi ttieħdu biex l-istudenti jkollhom il-materjal edukattiv rilevanti għas-sillabu l-ġdid, meta tqis li l-kotba li għandhom l-istudenti bħalissa ma jkoprux l-oqsma kollha tas-sillabu l-ġdid? X'bidliet fih is-sillabu l-ġdid meta mqabbbel ma' dak ta' qablu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sillabu tas-SEC tal-Physics għas-sena 2000-2003 tfassal mill-Bord tal-Physics tal-MATSEC. Dan jirrappreżenta lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, l-Universita` ta' Malta u l-iskejjel kollha Maltin kemm tal-Gvern kif ukoll dawk li mhumiex. Dan il-Kumitat iltaqa' madwar għaxar darbiet u kellu għad-dispożizzjoni tiegħu riċerka empirika msejsa fuq kwestjonarju li sar fost l-għalliema tal-Fiżika. Barra minn hekk, kien hemm konsultazzjoni sħiħa ma' l-għalliema tal-Physics permezz ta' żjarat formali u informali fl-iskejjel fejn jitgħallem dan is-suġġett, permezz ta' korsijiet ta' aġġornament li jsiru ta' kull sena, kif ukoll laqgħat ta' kull ġimgħa mal-koordinaturi tas-suġġett.
Ġejt ukoll informat li dan it-tibdil sar fid-dawl ta' l-iżviluppi li qed isiru f'dan il-qasam u li nsibuhom riflessi f'materjal edukattiv prodott internazzjonalment kif ukoll sillabi internazzjonali oħra. F'din l-inizjattiva ttieħdu inkonsiderazzjoni l-ħtiġijiet ta' l-istudenti ta' Malta.
Dwar il-materjal edukattiv relevanti għas-sillabu l-ġdid hija l-prattika li l-għalliema joħolqu huma dan il-materjal permezz ta' riċerka għal rashom, kif ukoll flimkien mat-taqsima tal-Fiżika fid-Dipartiment tal-Kurrikulu. Assigurawni li fir-realta` ma hawn ebda text-book wieħed li jiġbor fih sillabu b'mod komplut u assolut.
Fis-sillabu l-ġdid tneħħew fost oħrajn dawn it-taqsimiet:
Vectors and Scalars, Moment of a couple, Knowledge and use of ticker-timer, Refractive Index in terms of angles, Quantitive approach to Critical Angle, Stationary Waves - Fundamental note and harmonies, Barometer, Manometer, Latent Heat, Section on Kinetic Theory, Gold Leaf Electroscope, Formula for Resistors in parallel, Section on Electronics.
Żdied: Section on the Physics of the Universe, Ultra Sound, Renewable and non-renewable resources of energy.
Kif jidher minn hawn fuq kien hemm tnaqqis sostanzjali fis-sillabu. Dan hu konformi mal-politika ta' sillabi li jkunu qrib l-istudenti kif inhi l-prattika tat-tagħlim fi żmienna.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamenti nru. 24626 dwar is-servizz tal-facilitators fl-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li studenti b'learning difficulties u li ma għandhomx diżabilita` ma jkollhomx facilitator iżda Complementary Teacher.
48 Supply Kindergarten Assistant (Special Needs) ġodda għadhom kemm ġew imħarrġa u sejrin jiġu impjegati fil-ġimgħat li ġejjin.
Kien hemm qbil mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita` dwar l-introduzzjoni tas-servizz ġdid magħruf bħala On Call Special Needs Emergency Helpers, sabiex ma jkunx hemm il-bżonn li tfal b'diżabilita` jibqgħu d-dar meta l-facilitator tagħhom ma tkunx tista' tattendi l-iskola.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 24616 dwar x'se jiġri eżatt bl-ispecial school ta' Santa Marija fl-Imsida u x'se jiġri mit-tfal u ż-żgħażagħ li jmorru hemm?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23689.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kuntratturi li qed jistennew li jitħallsu għal xogħlijiet li għamlu f'oqsma differenti li jaqgħu taħt il-ministeru ta' l-edukazjzoni u kultura? F'kull każ min huma dawn il-kuntratturi? F'kull każ x'xogħlijiet għamlu? F'kull każ xi ħlas huma intitolati għalih? X'qed iżomm milli jitħallsu? Meta se jitħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna ngħata tul din is-sena skolastika l-istudent li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li jbati minn disturbi psikoloġiċi serji li jżommuh milli jattendi l-iskola regolament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sezzjoni ta' l-Edukazzjoni ma jirriżultalix li għandha xi talba dwar dan l-istudent biex tingħatalu għajnuna d-dar.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex tfal minn Ħal Qormi li jattendu Skola Sport m'għandhomx trasport organizzat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport ma jipprovdix trasport għat-tfal li jattendu s-sessjonijiet ta' nhar ta' Sibt ta' Skolasport. F'ċertu lokalitajiet, dan is-servizz qiegħed jiġi provdut fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Ministru se jieħu passi biex isiru arranġamenti aħjar tat-trasport għall-istudenti minn Ħal Qormi li jattendu l-Junior Lyceum ta' Santa Tereza, li minħabba li jsiru vjaġġi qabel, jaslu tard l-iskola u minħabba f'hekk hemm uħud li qed iħallsu van privat?
Response (GALEA, LOUIS)
Skond l-uffiċjal inkarigat mit-Trasport ta' tfal fl-uffiċju tal-Public Transport Association, irriżulata li karozzi minn Ħal-Qormi għall-Junior Lyceum ta' l-Imrieħel, il-Karozzi jaslu l-iskola, Rotta Farsina fit-8.15a.m., Rotta San Ġorġ fit-8.05a.m.
Skond l-uffiċjal inkarigat mit-Trasport ta' tfal fl-uffiċju ta' l-Unsheduled Bus Service, il-karozzi jaslu l-iskola, Rotta Mdina Road fit-7.45a.m., Rotta Xibi fit-8.10a.m.
Ma jidhirx li hemm għalfejn jinkrew vannijiet privati meta l-iskola tibda fit-8.30a.m.
Peress li jidher li ingħatat jew ser tingħata għajnuna finanzjarja lill-Valletta FC sabiex il-ground tas-Salinos ikun miksi bit-turf, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi clubs oħra li ser tmisshom l-istess xorti? Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji talbiet simili minn clubs tal-football jistgħu jkunu milquha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għajnuna li ngħatat lill-Valletta Football Club kienet skond ftehim li kien intlaħaq fl-1996 mal-Ministeru tal-Ġustizzja u Kultura.
Is-Segretarjat Parlamentari jirċievi diversi talbiet mingħand clubs tal-football. Dawn it-talbiet jiġu kkunsidrati fuq bażi individwali skond il-proġett li qiegħed jiġi propost, jekk hemmx permessi, il-ħtiġijet tal-komunita` u d-dispożizzjoni tal-club jew Kunsill Lokali tar-raħal partikolari li jidħlu għal parti mill-ispejjeż. Dawn it-talbiet jiġu kkunsidrati wkoll fid-dawl tal-fondi disponibbli tad-Dipartiment.
Tajjeb inżid li ntlaħqu ftehim ma' diversi clubs għal din it-tip ta' għajnuna fosthom Birkirkara, Lija/Balzan, Gudja, l-Isla, Vittoriosa, Gozo F.A. u Kalkara.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-inizjattiva sabiex studenti li jinħtieġu attenzjoni speċjali jiġu ntrodotti għall-lezzjonijiet min għalliema speċifiċi, għadhiex fis-seħħ?
Jekk fl-affermattiv, fuq liema kriterji qegħdin jiġu mgħażula l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Din il-mistoqsija tidher li qed tagħmel referenza għal-'Complementary Education'.
Informat li għad hemm għalliema tal-'Complementary Education', anzi n-numru tagħhom żdied.
Dawn jagħtu għajnuna lil dawk it-tfal li jibdew juru li se jaqgħu lura u jaħdmu l-aktar mat-tfal tat-tieni sena tal-Primarja.
L-istudenti jiġu identifikati mill-għalliema tagħhom stess. Dawn l-għalliema jagħmlu assessjar formattiv fuq ix-xogħol ta' l-istudenti għal dik is-sena u jikkonsultaw ukoll mal-Kap ta' l-Iskola.