Jista' l-Ministru jgħid kemm-il pulizija ġie reinstated mill-10 ta' Marzu sal-lum? Jista' jagħti d-dettalji ta' min huma dawn il-persuni u fejn ġew stazzjonati?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-10 ta’ Marzu sal-21 ta’ Mejju ta’ din is-sena, kien hemm żewg membri tal-Korp li ġew reinstated.
Bħalissa ninsabu fil-proċess li jiġu eżaminati diversi talbiet oħra ta’
reinstatement.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ma nħossx li dettalji personali fuq il-membri tal-Korp tal-Pulizija u dwar l-operat tal-istess Korp, għandhom ikunu ppubblikati.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Kamra l-organisational structure sħiħa tar-Reġistru tal-Artijietkif ukoll il-lista sħiħa tal-impjegati tal-istess Dipartiment? Jista’ jagħti wkoll il-grad u d-dettalji sħaħ tar-remunerazzjoni ta’ kull impjegat/a?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1294, jista' l-Ministru jispjega għalfejn inħasset il-ħtieġa li l-pożizzjoni ta' Head of Drama mal-Public Broadcasting Services (PBS) tingħata fuq bażi ta' contract for service? Ma jħossx li b'sejħa pubblika, persuni b'kapaċitajiet fil-qasam setgħu jingħataw iċ-ċans japplikaw u jkunu kkunsidrati għal din il-pożizzjoni? X'kienet ir-raġuni li l-kuntratt ingħata għal perijodu ta' sena waħda biss?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proposta ta’ drama/production unit ġiet diskussa mill-bord preċedenti u r-rwol imur lil hinn mid-drama. L-idea hija li dan it-terminu jkun qasir għaliex fi ftit xhur oħra il-PBS se toħroġ sejħa sabiex timpjega nies fuq bażi full-time. Dan wara li l-proposta tiġi approvata mill-bord il-ġdid.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — kiri ta' vetturi - prċedura
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35, jista' l-Ministru jgħid x'proċedura ġiet addottata biex jinkrew dawn il-vetturi? B'liema rata qed jinkrew u mingħand min?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċedura li ġiet addottata hija dik normali li tiġi addottata miċ-Ċivil jiġifieri li jintalbu tlett kwotazzjonijiet:
1. Il-Karozza Uffiċċjali tal-Ministru li nkriet mingħand Meli Garage għal €59 kuljum. Il-Karozza kienet tintuża qabel mill-Ex Ministru tal-Ġustizzja Dr Chris Said.
2. Il-Karozza tal-Ministeru li nkriet mingħand is-Sur John Refalo Auto Rentals €12.75 kuljum.
3. It-tieni karozza tal-Ministru kienet mikrija minn qabel u ser tiġi ritornata fl-aħħar tax-xahar mingħand Galea General Services €23.84 kuljum.
Il-Karozza Uffiċjali tas-Segretarju Parlamentari nkriet mingħand Meli Car Rentals €35.40 kuljum.
(Ara dokument Nru 597 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta 28 tat-Tnejn 28 ta’ Ġunju 2013)
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew preżentati mandati ta’ deskrizzjoni fis-snin 2009, 2010, 2011 u 2012 quddiem l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta hija kif ġejja:
Sena
Mandati ta' Deskrizzjoni
Malta Għawdex
2009
7 2
2010
5 0
2011
7 4
2012
6 2
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew preżentati mandati ta’ sekwestru fis-snin 2009, 2010, 2011 u 2012 quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta hija kif ġejja:
Mandati ta' Sekwestru
Sena Malta Għawdex
2009 833 60
2010 814 57
2011 700 48
2012 789 50
Qorti Ċivili — bejgħ in subbasta ta’ proprjetà immobbli
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew preżentati rikorsi għall-bejgħ in subbasta ta’ proprjetà immobbli fis-snin 2009, 2010, 2011 u 2012 quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili? Jista’ jinforma wkoll kemm minnhom ġew magħluqa u kemm għadhom pendenti?
Response (MALLIA, EMANUEL)
In-numru ta’ rikors għal bejgħ in subbasta ta’ proprjetà immobbli fis-snin 2009, 2010, 2011 u 2012 quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili għal Malta u Għawdex huwa kif ġej:
*Dawn l-ammonti jirreferu biss għal dawk is-subbasti li ġew reġistrati fis-sena li tirreferi għalihom, u cioѐ, m’hemmx inkluż subbasti li ġew magħluqa u li kienu pendenti minn snin ta’ qabel.
Qorti Ċivili — bejgħ in subbasta ta’ proprjetà mobbli
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew preżentati rikorsi għall-bejgħ in subbasta ta’ proprjetà mobbli fis-snin 2009, 2010, 2011 u 2012 quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili? Jista’ wkoll jinforma kemm minnhom ġew magħluqa u kemm għadhom pendent?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 1738.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kull kuntratt li l-Ministeru tiegħu kellu fis-seħħ fi Frar 2013, jekk kull kuntratt ingħatax b'direct order jew b'tender, min rebaħ kull kuntratt, kemm hija l-ispiża ta' kull kuntratt u meta jagħlaq kull kuntratt?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – kuntratti ta’ security guards
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-lista ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ sigurtà (security guards/officers) li huma in vigore fil-Ministeru u l-entitajiet li huwa responsabbli minnhom u li r-rata komputata fis-siegħa hija ta’ anqas minn €5.66 eskluża l-VAT?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew preżentati mandati ta’ qbid fis-snin 2009, 2010, 2011 u 2012 quddiem l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta hija kif ġejja:
Sena
Mandati ta' Qbid preżentati
Malta Għawdex
2009
218 20
2010
142 10
2011
114 25
2012
90 23
Jista’ l-Ministru jikkonferma li hemm il-ħsieb li jinħoloq unit speċjalizzat fi ħdan il-pulizija li jkun imħarreġ biex jieħu ħsieb żoni turistiċi u biex ittejjeb is-sigurtà tat-turisti li jżuru Malta bħal m'hemm f'pajjiżi oħra bħall-Eġittu u t-Tuneżija?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li bir-rispett kollu ma’ naqbilx mal-paragun imsemmi mill-Onorevoli kulħadd jaqbel li s-sitwazzjoni f’pajjiżna m’għandha x’taqsam xejn ma’ dik fil-pajjiżi msemmija fejn mhux l-ewwel darba li turisti kienu l-mira ta’ attakki terroristiċi.
Però ninsab infurmat illi fil-preżent qed isiru diskussjonijiet bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Awtorità dwar it-Turiżmu bil-għan li jkunu magħrufa oqsma fil-qasam turistiku fejn il-Korp tal-Pulizija jista’ jtejjeb is-servizz li joffri f’dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 514 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta' riżenja tal-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, minn Kap tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Jista' jagħti ukoll id-data meta l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku approvat il-ħatra tal-individwu li d-dettalji dwaru ukoll qed jingħataw separatament bħala Kap ġdid għad-Dipartiment imsemmi?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir reklutaġġ ta’ pulizija fix-xhur li ġejjin?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellant għal dik il-parti fejn tikkonċerna lill-Pulizija fit-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1190.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir reklutaġġ għal Membri fil-Forzi Armati ta' Malta?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal dik il-parti fejn tikkonċerna lill-Forzi Armati ta’ Malta fit-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1190.
Politika Nazzjonali dwar ix-Xandir — Ftehim mal-EBU
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li kien irrapurtat li laħaq mas-Segretarju Ġenerali tal-European Broadcasting Union (EBU) fuq għajnuna lill-Malta biex tiġġedded il-politika nazzjonali dwar ix-xandir?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim sar verbalment. Minn issa ‘l quddiem iż-żewġ naħat se jkunu qed jidħlu f’diskussjonijiet biex dak li kien miftiehem, fiż-żmien li ġej, jitwettaq fil-prattika.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta kien deċiż mill-European Broadcasting Union (EBU) li torganizza s-70 Assemblea Ġenerali tal-istess EBU ġewwa pajjiżna, x'se jkun hemm fuq l-aġenda tal-istess Assemblea? X'inhi l-attendenza mistennija?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni Maltin, minn kull lokalità f’Malta u Għawdex, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li jew qegħdin taħt arrest preventiv jew qed jiskontaw piena ta’ ħabs?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti b’rabta ma’ pussess jew traffikar ta’ droga, sena b’sena fl-aħħar ħames snin? Jista’ l-Ministru jagħti din l-informazzjoni skont il-lokalità li fihom kienu residenti l-persuni?
Response (MALLIA, EMANUEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li tressqu l-Qorti b’konnessjoni ma’ pussess jew traffikar ta’ droga matul dawn l-aħħar ħames snin kienu hekk:
Pussess
Traffikar
2008
324
137
2009
386
171
2010
285
160
2011
281
127
2012
255
148
Infurmat ukoll li t-tagħrif kif mitlub fl-aħħar parti tal-Mistoqsija ma jinżammx taħt forma ta’ statistika.