Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — lista ta' direct orders

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 7055 u tagħti, sena b’sena, lista kollha ta’ direct ordersli ngħataw mill-Ministeru, inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, minn Settembru 1998 sat-8 ta’ Marzu 2013?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – impjegati ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fil-Ministeru tagħha u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha mid-9 ta’ Marzu 2013 sat-28 ta’ Jannar 2014? Tista’ tipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità, skont it-tabella li qed tidher separatament?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif tidher hawn taħt: Entita Total ta’ ħaddiema mill-09/03/2013 Kemm minnhom ma kenux hemm qabel 09/03/2013 MFSS (incl. HRMD, PD&EU, PID, DCS, IMU, DSS, OPS, DSWS, IRU, MINISTRY AND PARL.SEC) 529 50 DEPT OF ELDERLY 1887 45 SVPR 1088 15 FSWS 739 40 HOUSING 122 2

Ingaġġ ta’ persuni b’diżabilità f’Għawdex

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7239, li saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u fir-risposta tiegħu ġejt mitlub biex nindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, u peress li għall-mistoqsija parlamentari 2177 il-Ministru kien wieġeb li l-Gvern preżenti kien kommess li jkompli bl-iskema ta' ingaġġ ta' persuni b'diżabilità mal-kunsilli lokali u wkoll kommess li l-istess skema tiġi estiża għall-għaqdiet volontarji u entitajiet governattivi biex jinħolqu madwar 150 impjieg ieħor għal persuni b'diżabilità fil-komunità, 50 minnhom f'Għawdex, u peress li f'mistoqsija parlamentari 6590 il-Ministru kien qal li taħt din l-iskema kienu ġew ippustjati sitt persuni b'diżabilitàf'Għawdex , tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li jiġu ppustajti l-44 persuna l-oħra li huma b’diżabilità wkoll ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.

Ingaġġ ta’ persuni b’diżabilità f’Għawdex

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7239, li saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u fir-risposta tiegħu ġejt mitlub biex nindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, u peress li għall-mistoqsija parlamentari 2177 il-Ministru kien wieġeb li l-Gvern preżenti kien kommess li jkompli bl-iskema ta' ingaġġ ta' persuni b'diżabilità mal-kunsilli lokali u wkoll kommess li l-istess skema tiġi estiża għall-għaqdiet volontarji u entitajiet governattivi biex jinħolqu madwar 150 impjieg ieħor għal persuni b'diżabilità fil-komunità, 50 minnhom f'Għawdex, u peress li f'mistoqsija parlamentari 6590 il-Ministru kien qal li taħt din l-iskema kienu ġew ippustjati sitt persuni b'diżabilitàf'Għawdex , tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li jiġu ppustajti l-44 persuna l-oħra li huma b’diżabilità wkoll ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa taħt din l-iskema hemm ingaġġati 20 persuna. Fl-istess waqt kien hemm 36 applikazzjoni minn Kunsilli Lokali oħrajn li għal xi raġuni jew oħra għadhom ma ġewx iffinalizzati min-naħa tal-kunsilli kkonċernati. Dan il-Gvern mhux kuntent bir-riżultati li nkisbu f’dan il-qasam permezz ta’ din l-iskema u skemi oħrajn li tnedew fil-passat. Għalhekk ninsabu kommessi li nsostnu lil dan is-settur bi skemi godda li jinċentivaw tabilħaqq kumpaniji u entitajiet biex joffru opportunità ta’ impjieg lil persuni b’diżabilità. Fil-fatt hekk kif tħabbar fil-Budget 2014, fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed titnieda skema li toffri opportunità ta’ għexieren ta’ impjiegi għall-persuni b’diżabilità bl-għan aħħari li nagħtuhom id-dinjità bħal kull persuna oħra waqt li jkunu finanzjarjament indipendenti u stabbli.

Benefiċċji Soċjali – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li qed jieħu xi benefiċċji soċjali nieqsa?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-investigazzjoni li għamel id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jidher li r-rati dovuta tal-benefiċċji li qed jirċievi l-persuna msemmija minnu, inkluż il-Pensjoni Kontributorja għal-Irtirar, huma korretti.

Pensjoni – ħlas ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li saret inġustizzja miegħu fuq pensjoni?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rata tal-Pensjoni Kontributorja għall-Irtirar li qed tirċievi l-persuna imsemmija minnu hi legalment korretta u għaldaqstant ma seħħet l-ebda inġustizzja fil-konfront tiegħu.

Problema mis-Social Services – każ ta’ persuna

Question

Tista’ l-Ministru tara li jsir kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li kienet ingħatat parir ħażin mis-Social Services u qed tbati l-konsegwenzi?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna li qed tirċievi pensjoni tal-età tista' taħdem, però kull dħul jiġi mnaqqas gross mill-intitolament tal-pensjoni.

Ħlas – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għadda bord u għadu qed jistenna li jitħallas?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Pensjoni għall-Invalidità tal-persuna msemmija minnu għada kif ġiet iffinalizzata u għaldaqstant il-benefiċċjarju qed jiġi nfurmat bil-każ tiegħu.

Sir Sid Darek – każ ta’ persuna

Question

Tista’ l-Ministru tara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li fit-8 ta’ Marzu 2013 kienet ħallset ’il fuq minn €90 f’riċerki u spejjeż oħra rigward l-iskema Sir Sid Darek iżda għadhom ma bagħtux għaliha biex tiffirma l-kuntratt?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sinjura applikat fit-8 ta’ Marzu 2013 sabiex tixtri l-post mikri lilha mill-Gvern taħt l-Iskema Sir Sid ta’ Darek. Il-file ġie proċessat u ġie riferut lis-Sezzjoni Notarali għall-iffirmar tal-kuntratt.

Pensjoni – każ ta’ persuna

Question

Tista’ l-Ministru tara li tiġi kkuntattjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li ilha taħdem għal numru ta’ snin iżda mhux qed tieħu pensjoni?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna imsemmija minnu tilħaq l-età tal-Pensjoni Kontributorja għall-Irtirar fis-sena 2016. Għaldaqstant is-sinjura ma tistax tkun intitolata għall-Pensjoni Kontributorja għall-Irtirar issa iżda meta tilħaq l-età ta’ 62 fis-sena 2016.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — contract for service

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ġewx ingaġġati xi persuni fid-dekasteru tagħha fuq bażi ta’ contract for service? Jekk saru dawn il-kuntratti, kemm-il persuna ġiet ingaġġata minn Marzu 2013 sal-lum? X’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ kull persuna? X’perijodu jkopri kull kuntratt? X’inhu l-ħlas marbut ma’ kull kuntratt?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li kienu jew għadhom jaħdmu mal-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħtu huwa ta’ 23. Il-perijodu ta’ ingagg ivarja bejn tliet xhur u sena w il-kundizzjonijiet u l-pagi huma skont il-kundizzjonijiet tal-ingagg tal-gvern.

Avviżi dwar laqgħat – indirizz żbaljat ta’ area office

Question

Tista’ l-Ministru tispjega għaliex fl-avviżi li saru għal-laqgħat tagħha mal-pubbliku fir-Rabat, Għawdex intuża l-indirizz li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala l-indirizz tal-area office tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali meta dan id-dipartiment ilu madwar 30 sena li mexa minn dan l-indirizz u llum f’dan l-indirizz hemm tgħix familja privata?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sar żball fin-numru, però żgur illi kulħadd jaf fejn jinsab area office tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex. Xhieda ta' dan huwa n-numru kbir ta' nies li ġew.

Post tal-Gvern – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se joħroġ għall-bejgħ il-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Iskema fejn inkwilini ta’ proprjetà tal-Gvern isiru sidien ta’ darhom ġiet varata il-Ġimgħa 21 ta’ Frar 2014. Applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu mill-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar fil-Furjana.

children's allowance — każ ta' individwu

Question

Tista' l-Ministru tara għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ma rċevitx iċ-children's allowance?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Home help — każ ta' individwu

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7659, tista' l-Ministru terġa' tara l-każ peress li hemm bżonn urġenti ta' home help għax inkella dan l-individwu se jispiċċa ġo dar tal-anzjani peress li l-familja ma tistax tieħu ħsiebu?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-każ ġie rivedut. Dan ġie deċiż fil-Bord tal-HomeHelp unaninament fid-dawl ta’ parametri ċari kif jingħata s-servizz.

Memorandum of Understanding – adozzjonijiet tat-tfal mis-Slovakkja

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-memorandum of understanding dwar l-adozzjoni tat-tfal li għadu kif ġie ffirmat mas-Slovakkja ? Jista’ jinforma lill-Kamra kemm-il ftehim hemm dwar l-istess suġġett u ma’ liema pajjiż?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kopja tal-memorandum of understanding dwar l-adozzjoni tat-tfal li għadu kif ġie ffirmat mas-Slovakkja qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Id-Dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali għandu ftehim mal-Albanija dwar dan l-istess suġġett. Barra minn hekk qed issir ħidma sabiex jiġi ffirmat ftehim ieħor mal-Filippini, u l-Polonja.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — bordijiet - membri nisa

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tagħha mill-elezzjoni sal-lum kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’membri huwa ta’ 182 li fosthom 84 huma nisa.

Avviżi dwar laqgħat — prezz kull reklam

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm swew l-avviżi li saru dwar il-laqgħat li żammet mal-pubbliku f’Għawdex? Tista’ tgħid fuq liema media saru dawn l-avviżi u kemm sewa kull reklam?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-avviżi li saru dwar il-laqgħat li żammet mal-pubbliku f’Għawdex swew €1,719.81. Dawn l-avviżi ġew reklamati permezz tal-gazzetti. Il-prezzijiet ivarjaw skond il-ġurnal.

Persuni li qed jirċievu l-pensjoni

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li qed jirċievu l-pensjoni u tista’ tindika f’liema kategorija?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ persuni li qed jirċievu l-pensjoni huwa kif jidher hawn taħt: Pensjoni għall-Irtirar 57,623 Pensjoni għar-Romol 15,839 Pensjoni għal Invalidita’ 4,557

Pubblikazzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm saru publikazzjonijiet minn entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha tul is-sena li għaddiet, f’liema kwantitajiet, kemm ġew jiswew, għand min ġew stampati u lil min tqassmu?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.