Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bini ta’ skejjel ġodda

Question

B’referenza għall- mistqosija parlamentari 3145, jista’ l-Ministru jgħid bil-pjanijiet il-ġodda, liema mill-iskejjel oriġinarjament ipprogrammati biex jinbnew mid-Diviżjoni tas-Servizzi Edukattivi fil-5 snin li jmiss mhumiex se jibnew minħabba pjanijiet ġodda mill-Ministeru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-pjan ta' bini ta' skejjel ġodda għadu qed jiġi diskuss.

Skejjel – numru ta’ studenti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3147, jista’ l-Ministru jikkonferma li d-daqs ideali ta’ popolazzjoni skolastika ta’ madwar 400 student u bil-bini ta’ skola ġdida waħda fis-sena immirata għal dik il-popolazzjoni, se jkunu qed jiġu akkomadati biss madwar nofs l-istudenti li kienu se jiġu akkomodati bil-pjan oriġinali tad-Diviżjoni għas-Servizzi Edukattivi? X’se jiġri mill-istudenti l-oħra li kienu se jiġu akkomdati bil-pjan oriġinali? F’dawn il-5 snin li ġejjin kemm se jkun tnaqqas l-investiment fl-edukazzjoni b’dan il-mod?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Mhux se jitnaqqas l-investiment. Il-pjan li qed jitfassal jaħseb għal skejjel medji u sekondarji li bejniethom ikunu biżżejjed biex jilqgħu fihom l-istudenti fil-ħames snin li ġejjin.

Bini ta’ skejjel ġodda — kulleġġi

Question

B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 3145 meta se jkun lest il-pjan dwar it-tibdil fil-kompożizzjoni tal-kulleġġi tal-istat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li dan il-pjan qed jiġi fformulat.

early school leavers — strateġija

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-istrateġija dwar l-early school leavers li tnediet mill-Gvern lejn il-bidu ta’ din il-leġiżlatura hija l-istess waħda li inkitbet fil-leġiżlatura preċedenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-istrateġija dwar l-early school leavers li tnediet mill-Gvern lejn il-bidu ta' din il-leġislatura hija l-istess waħda li nkitbet fil-leġislatura preċedenti iżda saret konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali f'Malta u Għawdex biex jiġbor is-sehem tagħhom.

early school leavers — statistika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara li r-rata ta’ early school leavers f’Malta ġiet stabbilita li hi waħda ta’ 22%, huwiex kunfidenti li pajjiżna jilħaq il-mira maqbula mal-Unjoni Ewropea ta’ 10%?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern se jagħmel dak kollu possibli biex din il-mira tintlaħaq.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — impjegati li qed isegwu kors l-Università

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċċji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed jagħmlu kors l-università u/jew kors online ma' Università barranija (indikati separatament)? Jista’ jgħid liema korsijiet huma? Jista’ jgħid x’inhu l-grad ta’ kull impjegat u jekk id-dipartiment ikkonċernat hux qed jagħti xi għajnuna? Jekk fl-affermattiv, x’inhi din l-għajnuna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta' mpjegati li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċċji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi li qed jagħmlu kors fl-Universita' ta' Malta u/jew kors online ma' Universita` barranija u li qed jingħataw xi forma ta' għajnuna finanzjarja jew ta' xi tip ieħor, hu kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kif se nsemmi:- Tabella 'A':- Direttorat għal Servizzi Edukattivi Tabella 'B':- Direttorat għal Kwalita' u Standards fl-Edukazzjoni Tabella 'C':- Direttorat għal Servizzi Korporattivi/Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja/Information Management Unit Tabella 'D':- Universita' ta' Malta Tabella 'E':- MCAST Tabella 'F':- Arkivji Nazzjonali/Malta Libraries/Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla.

Kunsill Malti għall-Isport – allokazzjoni ta' baġit

Question

B’rabta mal-istqarrija numru 1504 maħruġa s-sibt 13 ta’ Lulju mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kif is-Segretarju Parlamentari wasal għall-konklużjoni li “75% tal-baġit tal-Kunsill Malti għall-Isport imur għall-ispejjeż amministrattivi u 17% biss imorru għall-għaqdiet sportivi”? Jista’ jgħid fejn jintefqu t-8% li jifdal mill-baġit tal-Kunsill Malti għall-Isport skont kif ikkalkulat mis-Segretarju Parlamentari?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta' finanzi allokati lill-Kunsill Malti Għall-Isport mill-baġit li tressaq f'April 2013 u li kien ippreparat mill-amministrazzjoni preċedenti huwa ta' ftit aktar minn €5 miljuni. Spejjeż operattivi tal-Kunsill Malti Għall-Isport se jkunu ta' madwar €4 miljuni. L-istqarrija tas-Segretarju Parlamentari kienet qed tirreferi għall-baġit allokat mill-Gvern. L-ammont ta' flus li kellu l-KMS mill-baġit approvat mill-Gvern għall-għaqdiet sportivi huwa ta' anqas minn €900,000. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li jifdal aktar minn 8% peress li l-Kunsill Malti Għall-Isport fis-sena 2013 se jkun għamel telf ta' €708,192 liema telf kellu jagħmel tajjeb għalih il-fond tal-isport.

Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija – ingaġġ ta’ konsulent legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu jew hi l-konsulent legali tal-Kunsill Malti tax-Xjenza u t-Teknoloġija u kif inħatar? Saru call for applications u fejn ġew ippubblikati? Kemm hi r-remunerazzjoni tal-konsulent legali? Min ġie magħżul huwa impjegat jew jinsab fuq bażi kuntrattwali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kunsill Malti tax-Xjenza u t-Teknoloġija kien, sa ftit taż-żmien ilu, okkażżjonalment jagħmel użu mis-servizzi legali ta' Dr Rosslyn Borg permezz ta' kuntratt ta' servizz għal konsulenza. Dan għaliex sat-30 ta' Ġunju 2013 il-Kunsill ma' kienx jimpjega persuna full-time speċifikament biex tieħu ħsieb l-affarijiet legali tal-Kunsill. Is-servizz għall- konsulenza legali msemmija hawn fuq jasal fi tmiemu mal-għeluq ta' każ partikolari li għadu pendenti quddiem it-Tribunal Industrijali. Minħabba li l-ispiża totali tas-servizzi legali kollha pprovduti minn din il-konsulenta kien ta' anqas minn €2,500 (VAT eskluż), Dr Rosslyn Borg ġiet ikkuntrattata permezz ta' ordni diretta.

Ta’ Giorni — Libjan Higher Vocation Institute - binja

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument iffirmat mal-Ministru għax-Xogħol Libjan fir-rigward tal-bini f’Ta’ Ġiorni, San Ġiljan, li se jservi ta’ binja għal-Libjan Higher Vocation Institute skont kif iddikjarat fl-istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni datata 20 ta’ Settembru 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Kopja tad-dokument mitlub mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST – Kors tal-Printing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kors tal-printing li kien isir fl-MCAST speċifikament fl-Institute of Art and Design, Tarġa Gap, il-Mosta hux ħa jiftaħ din is-sena? Jekk se jiftaħ, meta se jiftaħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kors imsemmi se jiftaħ mal-korsijiet l-oħra full-time tal-MCAST f'din is-sena akkademika 2013/14.

Kunsill Malti għall-Isport – skema 20/20

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm atleti li bbenefikaw mill-iskema tal-Kunsill Malti għall-Isport ta' 20/20 matul is-sena li għaddiet? Jista' jgħid kemm minnhom kienu jaħdmu mal-privat, kemm mal-Gvern u kemm kienu self-employed? Jista' jgħid ukoll kemm tħallas għal kull kategorija u kemm kien l-akbar ammont li tħallas lil atleta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sena li għaddiet kien hemm 20 atleta li bbenefikaw mill-Iskema 20/20, li minnhom 9 huma ħaddiema fis-settur pubbliku, 10 huma ħaddiema tal-privat u 1 huwa self-employed. L-atleti li jaħdmu fis-settur pubbliku li huma taħt din l-iskema jibqgħu jirċievu l-paga sħiħa mid-dipartiment rispettiv tagħhom u għaldaqstant il-Kunsill Malti għall-Isport ma jkollux l-ammont tal-paga li jirċievu l-atleti iżda jkollu biss il-grad tas-salarju. Filfatt l-ogħla skala tal-ħaddiema f'din l-iskema u li huma fis-settur pubbliku hija dik ta' skala 7. L-atleti li jaħdmu fis-settur privat li jaqgħu taħt din l-iskema fl-2012 tħallsu l-ammont ta' €77,511.85c, bl-ogħla rata tkun dik ta' €15,000. L-uniku atleta li huwa self-employed fl-2012 irċieva €8,522.80c.

Kunsill Malti għall-Isport — skema20/20

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kien responsabbli sena b'sena sa mit-twaqqif tal-iskema tal-Kunsill Malti għall-Isport ta' 20/20, għall-approvazzjoni tal-atleti u l-ammont li għandu jitħallas?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li l-atleta japplika permezz tal-għaqda sportiva tiegħu, is-Sur Pippo Psaila kien jagħti l-parir jekk l-atleta għandux jiġi nkluż fl-iskema, skont l-informazzjoni mgħotija kemm mill-atleta kif ukoll mil-kowċ tiegħu/tagħha. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu jiġu mgħoddija lis-Segretarju Permanenti biex joħroġ l-approvazzjoni. Il-ħlas isir dejjem skont il-paga jew skont l-ammont ta' siegħat li l-atleta juża pro-rata tal-paga.

Kunsill Malti għall-Isport – skema 20/20

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm coaches li bbenefikaw mill-iskema tal-Kunsill Malti għall-Isport ta' 20/20 matul is-sena li għaddiet? Jista' jgħid kemm minnhom kienu jaħdmu mal-privat, kemm mal-Gvern u kemm kienu self-employed? Jista' jgħid ukoll kemm tħallas għal kull kategorija u kemm kien l-akbar ammont li tħallas lil coach?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Iskema 20/20 għall-coaches tnediet fil-baġit tas-sena li għaddiet u se tkun qed tibda aktar tard din is-sena.

Kunsill Malti għall-Isport – skema 20/20

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kien responsabbli sena b'sena sa mit-twaqqif tal-iskema tal- Kunsill Malti għall-Isport ta' 20/20, għall-approvazzjoni tal-coaches u l-ammont li għandu jitħallas? Jista' jgħid jekk qattx ittieħdu in konsiderazzjoni l-kwalifiċi li jkollhom il-coaches? Jista' jgħid ukoll jekk l-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet nazzjonali ġewx involuti jew/u kkonsultati fl-għażla tal-coaches?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Iskema 20/20 għall-coaches tnediet fil-baġit ta' din is-sena u se tkun qed tibda aktar tard din is-sena.

Kunsill Malti għall-Isport – Sports Akwatiku

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ taħriġ kien possibbli li jsir għat-tfal/żgħażagħ li jridu jieħdu sehem f’xi sport akwatiku, skont xi skema tal-Kunsill Malti għall-Isport matul ix-xhur tas-sajf? Fejn qed jingħataw dan it-taħriġ marbut ma’ dan l-isport akwatiku?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għax-xhur tas-sajf il-Kunsill Malti għall-Isport se jorganizza programm ta' tmien ġimgħat Summer on the Move. Bħala parti mill-programm se jsiru sessjonijiet tal-għawm, aqua fitness, triathlon u għawm sinkronizzat. Dawn is-sessjonijiet se jsiru fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq, fil-Kumpless Sportiv ta' Ħal Kirkop, fil-Kumpless Sportiv tal-Cottonera u fl-iskola Primarja tas-Siġġiewi.

Introduzzjoni ta’ middle schools

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux pjan dwar l-introduzzjoni tal-middle schools fl-iskejjel tal-istat? Jista’ jqiegħed dan il-pjan fuq il-Mejda tal-Kamra? Minn min ġie mfassal dan il-pjan?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Ministeru għandu l-pjan li jintroduċi Middle School f'kull Kulleġġ. Dan il-pjan jinsab fi stadju avvanzat bħala proposta u għad irid jiġi diskuss mal-Prinċipali tal-Kulleġġi, Kapijiet ta' skejjel u l-Malta Union of Teachers.

introduzzjoni ta’ skejjel iżgħar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3151, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux pjan dwar l-introduzzjoni ta’ skejjel iżgħar? Jista’ jqiegħed dan il-pjan fuq il-Mejda tal-Kamra? Minn min ġie mfassal dan il-pjan?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li bħalissa qed jiġi diskuss bejn il-Ministeru u d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi l-kompożizzjoni tal-Kulleġġi. L-għan hu li l-popolazzjoni ta' kull Kulleġġ tkun aktar ibbilanċjata.

introduzzjoni ta’ skejjel iżgħar u middle schools — studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux studju dwar l-impatt finanzjarju tal-introduzzjoni ta’ skejjel iżgħar u tal-introduzzjoni ta’ middle schools fil-kulleġġi tal-istat? Jista’ l-Ministru jqiegħed dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra? Minn min ġie mfassal dan il-pjan?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan it-tagħrif ikun jista' jingħata wara diskussjonijiet u tfassil ta' pjanti mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada.

Introduzzjoni ta’ middle schools

Question

B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 3153, jista’ l-Ministru jgħid sa meta huwa l-ħsieb li jidħlu fis-seħħ il-middle schools kollha tal-10 kulleġġi tal-istat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li bħalissa qed isiru l-pjanijiet dwar il-kompożizzjoni tal-Kulleġġi u anke l-binjiet assenjati għall-Kulleġġi u li se jkunu jinkludu wkoll il-Middle Schools. Meta l-pjan sħiħ ikun lest jiġi ppreżentat.

Introduzzjoni ta’ middle schools

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3152, jista’ l-Ministru jgħid liema hija dik il-middle school li se tiftaħ f’Settembru 2013? Minn liema binja se tkun qed topera din l-iskola? Il-binja li se topera minnha se tkun waħda ġdida jew binja eżistenti? Kemm se jkollha studenti fiha? Minn liema snin ġejjin l-istudenti li se jkunu fiha?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-ewwel Middle School se tkun fi ħdan il-Kulleġġ Santa Klara, Sekondarja - Pembroke. Din se tibda f'Settembru 2013 u se tkun qed topera mill-binja eżistenti tal-iskola sekondarja ta' Pembroke (ex Sandhurst). Il-Middle School se tkun magħmula mill-istudenti tal-Forms 1 u 2. Se jkun hemm 214-il student.