Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fil-qosor fiex kienu jikkonsistu l-każi fejn ġie applikat nolle prosequi fl-għaxar snin li għaddew kif imsemmi fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 8381? Min kienu l-partijiet involuti fil-każi li ġew imwaqqfa: korruzzjoni ta' uffiċjal pubbliku - 30.11.84; libell u difamazzjoni - 26.02.97; korruzzjoni u minorenni u arrest illegali - 25.05.99; arrest illegali u resistenza, attruppament illegali - 20.04.2000; ħruq u ħsarat?
Response (BORG, TONIO)
Nibda biex ngħid illi inġibditli l-attenzjoni illi fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8381, bi żvista, f'tlett każijiet, id-dati ġew traskritti mhux kif kien muri fuq id-draft oriġinali. Għalhekk it-Tweġiba korretta għal din il-Mistoqsija għandha tkun is-segwenti:-
Case
Date
Corruption of a public officer
25.05.99
Libel and defamation
06.04.01
Defilment of minors, rape and illegal arrest
30.11.94
Illegal arrest, assault and resistance, unlawful assembly etc
17.04.00
Wilful damage, assault and resistance, unlawful assemby etc
20.04.00
Arson and wilful damage
26.02.97
Involuntary homicide
12.02.03
Ninsab infurmat illi t-tagħrif dwar il-każijiet li issa dwarhom qed issir l-interpellanza ta’ l-Onor. Interpellant hu kif ġej:-
Korruzzjoni ta’ uffiċjal pubbliku: Il-każ kien dak ta’ Pulizija vs xxxxx, data nolle prosequi 25/05/1999; il-proċess sofra ħsara kbira fi ħruq li ġara fil-bini tal-qorti bir-riżultat li ċertu atti essenzjali għall-preżentata tal-Att ta’ Akkuża ġew distrutti. Inoltre ma kienx qiegħed jiġi reġistrat progress fil-kumpilazzjoni minħabba l-istat ta’ saħħa prekarja tal-imputat u ċertifikati mediċi ripetuti.
Libell u diffamazzjoni: Il-każ kien dak ta’ Pulizija vs. xxxxx, data nolle prosequi 6th April 2001. Kien hemm 8 imputazzjonijiet taħt il-liġi ta’ l-istampa u taħt il-Kodiċi Kriminali. Peress li l-fatti fit-tlett imputazzjonijiet taħt il-Kodiċi Kriminali kienu l-istess ta’ dawk fi tlett imputazzjonijiet oħra taħt il-Liġi ta’ l-istampa dawn dawk tal-Kodiċi Kriminali ma setgħux iregu peress li saru bi printed matter. Mir-reati taħt il-liġi ta’ l-Istampa wieħed kien preskritt waqt li fit-tnejn l-oħra dak stampat kien ritenut mhux libelluż fiċ-ċirkostanzi tal-każ. Għar-rigward taż-żewġ reati l-oħra ma rriżultawx l-elementi tar-reati in kwistjoni apparti li kienet nieqsa l-korroborazzjoni skond il-liġi.
Korruzzjoni ta’ minorenni u arrest illegali: Il-każ kien dak ta’ Pulizija vs xxxxx, data nolle prosequi 30th November, 2004. Si trattava ta’ korruzjoni mill-missier fuq bintu minuri. Il-każ kien jistrih fuq ix-xhieda ta’ bintu li kienet rrappurtat il-każ lill-pulizija izda wara rrifjutat li tixhed u stqarret li dak kienet qalet lill-pulizija kien kollu gideb.
Arrest illegali, assault and resistance u attruppament: Il-każ kien dak ta’ Pulizija vs. xxxxx, data tan-nolle prosequi 17th April 2000. Dan kien każ marbut ma' inċidenti li kienu nqalgħu fl-ajruport. L-imputati kienu ingħataw maħfra Presidenzjali u għalhekk kellha toħroġ Nolle Prosequi.
Ħruq u ħsara volontarja: Il-każ kien dak ta’ Pulizija vs. xxxxx li kien jirrigwarda ħruq f’Lulju 1994 ġo fond f'Bormla. Il-każ kien jistrieħ fuq żewġ xhieda li għall-ewwel identifikaw lill-imputat iżda wara rtiraw ix-xhieda tagħhom waqt li l-imputat dejjem ċaħad l-involviment tiegħu.
F'din ir-risposta qed tingħata l-informazzjoni li tidher hawn fuq għar-rigward ta' kull każ iżda jidhirli li mhux prudenti u ma nħossx li għandhom jissemmew b'isimhom il-persuni involuti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid il-kunsilli lokali fuq liema nefqa li jagħmlu huma obbligati li jagħmlu sejħa pubblika għall-għoti ta' kuntratti mħallsa mill-fondi pubbliċi li jgħaddilhom dan il-Parlament?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor Interpellant li skond l-artikolu 39 ta’ l-Att dwar Kunsilli Lokali, il-Kunsilli Lokali għandhom, għall-fini tal-qadi ta’ xi funzjonijiet dwar xi haġa li taqa taħt dan l-Att, joħorġu għall-kompetizzjoni kull waħda mill-funzjonijiet mogħtija lilhom kemm il-darba dawk il-funzjonijiet ma jkollhomx isiru minn xi wieħed mill-membri tal-Kunsilli stess, xi persuna impjegata minnhom, jew minn xi Kunsill ieħor li jkun ħareġ jew li jkun se joħroġ il-qadi ta’ dawk il-funzjonijiet għal kompetizzjoni.
L-artikolu imsemmi hawn fuq jipprovdi għal ċirkostanzi speċifiċi meta Kunsill jista’ ma jagħmilx sejħa pubblika jekk ix-xogħlijiet, oġġetti u servizzi jkunu ser isiru ma’ korp pubbliku, dipartiment tal-Gvern jew Kunsill Lokali ieħor.
Skond ir-Regolamenti dwar Kunsilli Lokali (Finanzi), 1993 (Avviż Legali 155 ta’ l-1993), il-Kunsilli Lokali huma obblligati wkoll li joħorġu offerta pubblika f’kull xiri ta’ xogħlijiet, oġġetti u servizzi, li jeċċedi l-elfejn lira jew ħamsa fil-mija mill-allokazzjoni finanzjarja ordinarja tagħhom, skond liema jkun l-inqas.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema dipartimenti fil-ministeru tiegħu saret l-għażla ta' Green Leaders?
Saret sejħa għall-applikazzjonijiet fid-dipartimenti konċernati?
Xi kwalifiki għandhom dawn il-persuni? Kemm se jitħallsu ta' dan ix-xogħol?
Hemm xi allowances marbuta ma' din il-pożizzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Il-green leaders ġew nominati mis-Segretarju Permanenti wara li ntalbu mis-Segretarju Prinċipali Ewlieni fl-uffiċċju tal-Prim Ministru.
M'hemm l-ebda ħlas jew allowances marbuta ma' dan l-inkarigu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformani kemm hawn immigranti llegali hawn Malta li ġejjin mis-Sudan? Fid-dawl ta' waqfien ta' gwerra ċivili fis-Sudan, dawn l-immigranti jistgħu jerġgħu jmorru lura lejn pajjiżhom?
Response (BORG, TONIO)
Hu ttamat li l-ftehim ta' paċi li sar fis-Sudan eventwalment jgħin ħalli jkunu jistgħu jirritornaw dawk li ħarbu mill-konflitt li kien hemm fin-naħa t'isfel tas-Sudan. Madankollu, il-ftehim ta' paċi ma jgħoddx ukoll għall-konflitt li hemm fil-provinċja Sudaniża ta' Darfur.
Ninsab infurmat illi bħalissa (Jannar 2005) huma 42 il-persuni mis-Sudan li qed igawdu protezzjoni umanitarja f'Malta rakkomandata mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati. Hemm ukoll każ wieħed fejn l-individwu hu rikonoxxut bħala refuġjat. L-uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati jsegwi regolarment is-sitwazzjoni u jġedded il-protezzjoni skond jekk l-individwu jkunx għad għandu bżonnha jew le.
Infurmat ukoll li bħalissa hemm 42 persuni mis-Sudan miżmuma taħt il-kustodja tal-Forzi tas-Sigurta'. Sitta (6) minnhom huma inklużi fost dawk li ngħataw protezzjoni umanitarja u ser jiġu rilaxxati wara l-eżami mediku.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-prekawzjonijiet, provisti u preparazzjonijiet li jkollu l-gvern f'każ ta' diżastru/disgrazzja nazzjonali?
Jista' jgħid jekk il-gvern għandux fond f'dan is-sens u kemm dan jammonta?
Response (BORG, TONIO)
Fis-sena 2000 twaqqaf id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li fost funzjonijiet oħra, għandu d-doveri li jħejji pjani ta' kontinġenza għal kontra xi diżastru kif ukoll dawk l-emerġenzi naturali, industrijali jew oħrajn li jinstgħu jinqalgħu.
Għal dan il-għan diġa' saru tliet pjani ta' kontinġenza li jinkludu:
Għargħar
Nirien kbar
Splużżjoni tal-impjant tal-Gass
Pjan ieħor ta' kontinġenza f'każ ta' terrimoti u diżastri oħra naturali jinsab fl-aħħar fażi ta' preparazzjoni sabiex jiġi ikkunsidrat mill-Kumitat Xjentifiku fi ħdan id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u finalment approvat mill-Kunsill. Fl-istess ħin id-dipartiment qiegħed jistenna ir-rapport finali tal-World Conference fir-rigward ta' Diżastri Naturali li qegħda ssir bħalissa fil-Ġappun, sabiex jiġu inklużi xi deċiżjonijiet li ser jittieħdu f'din il-konferenza.
Id-dipartiment ħa ħsieb ukoll sabiex iħarreġ persuni minn tiegħu għal dawn is-sitwazzjonijiet. Żewġ uffiċjali ħadu taħriġ f'sitwazzjoni ta' terrimot fl-Italja waqt li uffiċjal ieħor tħarreġ fi Crisis Management fl-Ingilterra.
Ta' min isemmi ukoll illi fis-sena 2003 il-Gvern permezz tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili daħal fi ftehim mal-Unjoni Ewropea imsejjaħ il-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili, li bih il-pajjiżi kollha tal-Ewropa jagħtu għajnuna immedjata lil kull pajjuż li jkun jinħtieġ l-assitenza. B'hekk ikun assigurat illi f'każ ta' emerġenza Malta tista' titlob kwalunkwe għajnuna, u din tingħata f'perijodu relattivament qasir.
Id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħaseb sabiex ikollu provvista adekwata ta' materjal bħal ma huma sodod, gvieret, ħwejjeġ u ilma sabiex jintużaw f'każ ta' emerġenza. Dawn l-istores huma immexxija minn uffiċjal li inħatar apposta sabiex jipprovdi humanitarian aid.
Huwa l-ħsieb ta' dan id-dipartiment illi fil-futur qarib jifforma il-Korp tal-Voluntiera tal-Protezzjoni Ċivili li dawn ser jiġu mħarrġa speċjalment dwar ir-rispons li jingħata f'dawn iċ-ċirkostanzi.
Il-Gvern Malti qatt ma kellu fond speċifiku f'dan is-sens.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna msemmija separata f'din il-mistoqsija ttieħdux passi ġudizzjarji kontriha dwar każ ta' frodi kif kien ordnat mill-qorti u mill-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ċ-ċitazzjoni dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kienet ġiet irreġistrata mill-Pulizija fir-reġistru tal-Qorti nhar is-26 ta' Awissu 2004. Infurmat ukoll illi dan il-każ għadu pendenti quddiem il-Qorti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min hu ntitolat għal servizz ta' avukat tal-fqar? Kemm hemm avukati li joffru dan is-servizz? X'inhi l-proċedura biex wieħed japplika għal dan is-servizz? Kemm hemm persuni li qed jibbenefikaw minn dan is-servizz? Teżisti xi waiting list għal dan is-servizz? Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li persuna li qed tibbenefika minn dan is-servizz iddum iktar biex il-kawża tagħha tiġi mismugħa milli kieku tinqeda b'servizz ta' avukat privat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm ħdax-il (11) Avukat li joffru s-servizz ta' l-għajnuna legali (Avukat tal-Fqar) fil-kamp Ċivili. Hemm l-Avukat ta' l-Għajnuna Legali Dr Joseph Mifsud li huwa nkarigat jara jekk persuna tikkwalifikax għal tali għajnuna jew le. Huwa jara lill-pubbliku kull nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ħamis wara nofsinhar il-Qorti stess.
Minħabba l-fatt li kien hemm min ta diffikultajiet fl-analiżi ta' dawn it-talbiet marbuta mal-komplikazzjonijiet tan-notifika li kien hemm qabel bl-Att IX ta' l-2004 tneħħa kompletament l-artikolu 915 tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili u għalhekk il-proċedura saret ferm aktar sempliċi.
Barra minn dan, fil-White Paper pubblikata fil-21 ta' Jannar 2005, hemm propost li s-sistema tispiċċa minn kif inhija llum billi tiġi ntrodotta skema li kull avukat li jaħdem il-qorti jieħu kawża ċivili fuq bażi ta' roster 'pro bono'.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex irid ikun hemm il-firem ta' xi professjonist, eċċ., bħala referenza jew rakkomandazzjoni biex wieħed japplika għall-passaport jew dokumenti oħra?
Response (BORG, TONIO)
Il-ħtieġa ta' rakkomandant toħroġ mir-Regolamenti tal-Passaporti (Artikolu 4 Subartiklu 1) (LN 131/1993) li jagħmlu parti mill-Ordinanza tal-Passaporti (Cap 61). Ir-rakkomandant ikun qed jiċċertifika l-korrettezza tad-dettalji u l-identita' ta' l-applikant.
B'hekk wieħed ikun qiegħed inaqqas il-possibilita' ta' ħruġ ta' xi passaport lil xi persuna li ma jkolliex dritt għalih.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 9591 u 9861 u l-ittra maħruġa mill-Kummissarju tal-Pulizija bil-każ nru. LW/38/2004, minħabba li r-raġuni mogħtija mill-Kummissarju tal-Pulizija mhix ċara, jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti r-raġuni ewlenija għaliex it-talba tal-persuna għal-liċenzja ta' gwardjan lokali ma ġietx milqugħa sabiex il-persuna tkun tista' tħares l-interessi tagħha bil-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ma nħossx illi t-tagħrif mitlub għandu jkun ippublikat. Pero' jekk l-applikant imsemmi mill-Onorevoli Interpellant iħoss li jinħtieġ aktar tagħrif, nissuġerilu li jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija jagħtih it-tagħrif meħtieġ.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jerġa' jingħata ċens temporanju għal 50 sena lill-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li l-fond ilu għandu sa mill-1980 meta ħaddieħor bħalu diġa' kien ingħata ċens temporanju ieħor?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant fil-fatt qatt ma kellha ċens fuq il-fond in kwistjoni imma kellha biss titolu ta' kirja f'isem kumpanija, liema titolu għalaq. Din il-persuna issullokat parti mill-fond lill-terzi liema terzi m'humiex lesti li jivvakaw il-fond. Għaldaqstant it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern qiegħda tħejji proċeduri ta' żgumbrament biex tkun f'pożizzjoni li toħroġ sejħa għall-offerti għall-għoti tal-fond b'ċens għal 50 sena.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li uniformijiet tal-gwardjani lokali nbidlu nhar l-1 ta' Novembru 2004 meta nħareġ tender dwar is-servizz tal-gwardjani lokali minn erba' kumitati konġunti li jkopru 29 kunsill lokali li għalaq fil-15 ta' Novembru 2004 u meta l-imsemmi tender kellu jkun operational mill-1 ta' Jannar 2005?
Jista' għalhekk il-Viċi Prim Ministru jgħid kif inbidlu l-uniformijiet mill-kumpannija li kellha dan il-kuntratt meta kien se jinħareġ tender ġdid ftit jiem wara?
Jista' jgħid għalfejn f'dan it-tender it-tenders kellhom bilfors jakkwistaw is-software mingħand id-Datatrek u mhux mingħand min huma jħossu li kien ikun l-orħos?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uniformijiet il-ġodda tal-Gwardjani Lokali inbidlu mill-aġenziji tal-Gwardjani Lokali għas-spejjeż ta' l-istess aġenziji.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew introdotti judicial assistants ġodda fis-sena 2004 u fix-xahar ta' Jannar 2005 u min huma?
Jista' jgħid kemm irriżenjaw judicial assistants fis-sena 2004 u fix-xahar ta' Jannar 2005 u min huma?
Jista' jgħid kemm hemm judicial assistants li ma kellhomx il-kuntratt tagħhom imġedded fis-snin 2004 u 2005 s'issa, min huma u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-għażla ta' l-Assistenti Ġudizzjarji issir permezz u f'idejn il-ġudikatura li għal kull sejħa taħtar panel magħmul minn ġudikanti biss u fuq ir-rakkomandazzjoni tagħhom dawn jiġu magħżula.
Fl-aħħar sena mill-persuni li applikaw fuq bażi part-time ġew magħżula s-segwenti: L-Avukat Marse-Ann Farrugia LL.D., L-Avukat Ian Spiteri Bailey LL.D., L-Avukat Tania Sammut Catania LL.D., u L-Avukat Anna Mifsud Bonnici LL.D.
Fix-xahar ta' Jannar 2005 ma ġewx ingaġġati Assistenti Ġudizzjarji. Fis-sena 2004 ħadd mill-Assistenti Ġudizzjarji ma irriżenja.
Fis-sena 2004 il-kuntratti tal-Assistenti Ġudizzjarji li skadew f'din is-sena kollha ġew imġedda minbarra tnejn (2) li l-ismijiet tagħhom huma l-Avukat Paul Farrugia LL.D. u l-Avukat Vincent Galea LL.D. Dawn iż-żewġ kuntratti ma ġġeddewx għal raġunijiet fosthom li ma ġietx ippreżentata ir-Request for Renewal of Contract u minħabba Performance mhux sodisfaċenti.
Matul ix-xahar ta' Jannar 2005 ma skada l-ebda kuntratt ta' xi Assistent Ġudizzjarju, u ma kien hemm l-ebda riżenja ta' xi Assistent Ġudizzjarju matul dan ix-xahar.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru rapporti lill-pulizija (depot jew għases) mir-raħal ta' Ħal Kirkop tul is-snin 2004 u 2005 (sal-lum)? Dwar xiex saru dawn ir-rapporti, eż: serq, traffikar ta' droga, ġlied u ksur ta' paċi pubblika, eċċ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub huwa kif ġej:
2004
2005
Arson
1
0
Attempted damage
1
0
Attempted theft
12
0
Bodily harm
4
0
Damage
31
1
Drugs
0
1
Fraud
2
0
Illegal immigration
1
0
Theft
63
3
Threats
4
0
Violence against public officers
1
0
Anonymous telephone calls
7
0
Cases of civil nature
19
1
Dangerous structure
1
0
Disturbance of public peace
8
0
Fire
1
0
Finding of used syringes
1
0
Insane person
1
0
Insults & threats
22
2
Litter
4
0
Sudden death
0
1
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 7626 u cioe' jgħid liema kienet l-ogħla donazzjoni fi flus kontanti li saret minn kunsill lokali matul is-snin 2000-2004, sena b'sena, u minn liema kunsill?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ogħla donazzjoni fi flus kontanti li saru mill-Kunsilli Lokali matul is-snin 2000-2004 kienu hekk:
2000/2001
Kunsill Lokali Żebbuġ (G) M.U.S.E.U.M. (Subien) Lm 2,500
2001/2002
Kunsill Lokali Fgura M.U.S.E.U.M. Lm 500
Kunsill Lokali Marsaxlokk M.U.S.E.U.M. Lm 500
2002/2003
Kunsill Lokali Qormi Skola Primarja A San Sebastjan Lm 400
Kunsill Lokali Qormi Skola Primarja B San Sebastjan Lm 400
Kunsill Lokali Qormi Skola Primarja A San Ġorġ Lm 400
Kunsill Lokali Qormi Skola Primarja B San Ġorġ Lm 400
Kunsill Lokali San Ġiljan The Scouts Association Lm 400
2003/2004
Kunsill Loakli Żebbuġ(G) M.U.S.E.U.M. (Subien) Lm 724
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 7625 u cioe' jgħid kemm ingħataw donazzjonijiet fi flus mill-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex matul is-snin 2000-2004? Hemm limitu għal kemm jistgħu jingħataw donazzjonijiet kontanti minn kunsilli lokali?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-snin 2000 sa 2004 il-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex taw donazzjoniijiet fi flus kif elenkat fil-lista mehmuża.
L-ebda Kunsill m’għandu jagħmel donazzjoni lil xi organizzazzjoni mhux governattiva li ma tkunx inkluża fit-Tmien Skeda. Iżda Kunsill jista’ f’sena finanzjarja waħda, jagħmel donazzjoni lil xi organizzazzjoni stabbilita fil-lokalita’, li ma tkunx elenkata fit-Tmien Skeda, sakemm din id-donazzjoni ma tkunx teċċedi l-ħamsin lira.
L-ammont ta’ donazzjonijiet li Kunsill jagħmel f’sena finanzjarja waħda ma jistax jeċċedi 0.5 fil-mija ta’ l-allokazzjoni annwali għal dik is-sena.
L-informazzjoni mogħtija hi dik miġbura s'issa.
Jista' il-Viċi Prim Minsitru jgħid kemm hawn speed cameras imwaħħlin mal-pajjiż kollu? Min huma l-kumpanniji li pprovdew dawn l-ispeed cameras? B'liema ħlas? Kemm kien hemm kumpanniji li oriġinarjament tefgħu offerta biex jipprovdu dawn l-ispeed cameras? Liema ntagħżlet u b'liema mod?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor Interpellant li s’issa twaħħlu 2 speed cameras mal-pajjiż kollu. Dawn l-ispeed cameras kienu pprovduti mill-kumpannija Guard and Warden Service House Ltd permezz ta’ tender maħruġ mill-Kumitati Kongunti LES ta’ Qormi, Birkirkara, Mosta u Sliema. Dan it-tender kien jinkorpora l-provvista ta’ servizzi ta’ Gwardjani Lokali, CCTVs, towing and clamping u speed cameras.
Għal dan it-tender kienu tefgħu l-offerta tagħhom il-Guard and Warden Service House Ltd u l-Aurelia Asset Protection Ltd. Minn dawn it-tnejn, il-Kumitati Kongunti għażlu, b’mod unanimu, il-Guard and Warden Service House Ltd peress li l-offerta tagħhom kienu l-aktar waħda vantaggjuza kemm mill-aspett finanzjarju kif ukoll minħabba l-esperjenza u l-ammont ta’ riżorsi tal-kumpannija magħżula.
Ninsab ukoll infurmat li fil-każ ta' l-ispeed cameras ta' San Ġiljan fis-6 ta' Lulju 2004, taħt tender li kien ħareġ fi Frar 2000, sar ftehim bejn il-Kumitat Konġunt Sliema u l-Guard and Warden Service House Ltd għal servizzi addizjonali ta' infurzar sal-aħħar ta' Jannar 2005.
Peress li t-tender ġiet maħruġa mill-Kumitati Kongunti msemmija, u peress li dawn jirraprezentaw numru ta’ Kunsilli Lokali li huma awtonomi, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu dwar il-ħlas tat-tender magħżula lill-imsemmija Kumitati Konġunti.
Jikkonferma l-Viċi Prim Ministru li huwa inaċċettabbli li jkollok proċess kriminali daqstant importanti, bħal dak indikat fi-każ under separate cover, li ilu pendenti quddiem dawn il-qrati għal 15-il sena, meta fil-maġġorparti ta' dan il-perjodu l-kawża kienet diferita għas-sentenza?
Jista' jara li jitressaq ilment opportun quddiem l-organu kompetenti?
Response (BORG, TONIO)
Kull forma ta' dewmien f'kull kawża ċivili jew kriminali attribwibbli għal xi nuqqas tal-Ġudikatura, l-avukatura jew l-amministrazzjoni hija ħażina. Il-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant li qiegħed quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ilu pendenti minn Frar 1989, jiġifieri sittax-il sena.
Fis-sistema legali tagħna hemm numru ta' rimedji li f'każ bħal dan jistgħu jiġu wżati fosthom rikors kostituzzjonali u rapport lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Proprju minħabba f'każijiet bħal dawn, li jispiċċaw numri fl-istatistika, li f'din il-ġimgħa ser tiġi ppreżentata għad-diskussjoni White Paper li tindirizza numru ta' problemi u tissuġġerixxi wkoll soluzzjonijiet.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm attwalment priġunieri l-ħabs ta' Kordin u jagħti dettalji ta' kemm minnhom jinsabu taħt arrest preventiv? Jista' jgħid kemm minn dawn il-priġunieri huma barranin u kemm minnhom huma żgħażagħ taħt il-25 sena?
Jista' jgħid kemm hemm priġunieri li qed jiskontaw piena ta' għomorhom il-ħabs u jagħti dettalji ta' dawn il-priġunieri?
Jista' jagħti statistika perċentwali ta' kemm żdiedu priġunieri f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Jista' jgħid kemm ilha ma tingħata maħfra presidenzjali u jikkonsidrax fiċ-ċirkostanzi li jintroduċi l-parole f'Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fis-16 ta’ Jannar 2005, il-popolazzjoni tal-ħabs kienet ta’ mitejn u sitta u disgħin (296), li minnhom tmienja u tmenin (88) huma ta’ nazzjonalita’ barranija.
Mija u tlieta u tmenin (183) huma sentenzjati filwaqt li mija u tlettax (113) huma taħt arrest preventiv.
In-numru ta’ priġunieri li huma taħt il-ħamsa u għoxrin sena huwa ħamsa u tmenin (85).
Pre¿entament hemm seba’ (7) priġunieri li ngħataw piena ta’ għomorhom il-ħabs. Dawn kollha instabu ħatja ta’ omiċidji volontarji jew relatati ma’ omiċidji.
F’dawn l-aħħar għaxar snin, jekk wieħed japplika l-istatistika ta’ average daily population issib li kien hemm żieda/tnaqqis perċentwali minn sena għal sena kif turi t-tabella.
1994
1995
1996
1997
1998
1999
2000
2001
2002
2003
185
188
197
246
258
256
237
255
277
281
+1.62%
+4.78%
+12.4%
+4.8%
-0.78%
-7.43%
+7.6%
+8.62%
+1.4%
L-aħħar darba li ingħatat maħfra presidenzjali kien fl-1999 fl-okkażżjoni tal-Millenju.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' droga li nqabdet mill-pulizija din is-sena sad-data li tiġi mwieġba din l-interpellanza?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004, id-droga li nqabdet mill-Pulizija hija kif ġej:
Cocaine
151.122 grms
Heroin
768.677 grms
Cannabis plants
293 plants
Cannabis grass
2.347 kg
Cannabis resin
33.080579 kg*
Cannabis seed
2,281 seeds
Cannabis joints
15 joints
Ecstacy
6,071 tablets
Amphetamine
69.4 grms
Dalmain
4 tablets
Methadone
1 lt
Inġibditli l-attenzjoni, illi fit-tagħrif li jien kont ġejt mogħti għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9417, kien hemm l-ammont ta' 2.500kg ta' Cannabis resin li bi żvista kien ġie magħdud darbtejn.