B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 23771, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-lista ta' l-applikanti kif mitlub fil-mistoqsija numru 23771 jiġifieri l-post minfejn huma u l-punti li kellhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikanti li ġew allokati kienu minn diversi lokalitajiet madwar Malta u l-punti tagħhom ivarjaw bejn 142 u 17.
Rigward il-blokk il-ġdid fl-SVPR, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid: (1) x'sar f'dan il-blokk wara ħruġ ta' tenders; (2) x'sar f'dan il-blokk wara li ntalbu quotations; (3) x'sar f'dan il-blokk bis-sistema ta' direct order?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wara l-ħruġ tat-tenders mid-Dipartiment tal-kuntratti, dawn ġew evalwati u ħarġu il-Letter of Acceptances mid-Direttur tal-kuntratti.
Meta u jekk kien hemm il-bżonn li jintalbu quotations, dawn ukoll ġew evalwati u ntagħżlet l-orħos offerta.
Kien hemm ukoll direct order ta' LM31,476 lill-Korporazzjoni Enemalta għas-Sub-Station.
Jista' l-Viċi Prim Minstru jgħid jekk it-talba tal-familja, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għall-akkomodazzjoni soċjali hijiex se tintlaqa' issa li fuq ordni tal-qorti (sentenza annessa) ġew ordnati jiżgumbraw mill-fond li huma preżentement jokkupaw u li għaldaqstant ser jispiċċaw homeless fil-15 ta' Marzu, 2001?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jaf bil-każ u qiegħed jieħu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi tip ta' skema għal dawk il-persuni li ma ħalsux l-ammont ta' kontribuzzjonijiet neċċessarji sabiex jikkwalifikaw għal pensjoni u li jixtiequ jħallsu l-bilanċ dovut?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li ma teżisti l-ebda skema kif imsemmija minnu għalkemm l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali tipprovdi f'ċerti każi u taħt ċerti kriterji li ssir talba biex jitħallsu xi kontribuzzjonijiet b'lura. Iżda, f'dan il-każ id-Direttur ma jistax joħroġ kont b'lura li jmur lura aktar minn ħames snin kalendarji mid-data tat-talba magħmula mill-assigurat.
Huwa opportun hawn li nenfasiżża l-isforzi ta' dan il-Gvern biex f'pajjiżna tidħol kultura fejn iċ-ċittadin jħallas il-kontribuzzjonijiet tiegħu fil-ħin biex sitwazzjonijiet kif indikati mill-Onor. Interpellant jiġu evitati u b'hekk la jbati l-assigurat u l-anqas il-familja jew l-eredi tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fadal impressed drivers li għadhom ma ġewx mogħtija l-appointment biex isiru ħaddiema mal-gvern? F'liema dipartimenti qegħdin? Veru li dawk li qegħdin mal-gvern meta jieħdu s-sick leave jew il-vacation leave, tinqatalhom xi ħaġa mill-paga minħabba li l-vettura ma tintużax?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija tagħha lill-Prim Ministru.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellanti għall-ewwel parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22798 f'Seduta 473.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara għala l-persuna, li d-dettalji qed jintbagħtu separatament, għadha qed tistenna li jinbidlilha s-saqaf tal-flat fejn toqgħod peress li dan is-saqaf jinsab fi stat prekarju u l-perit mill-maintenance and construction section tad-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali kien mar jarah kważi 4 snin ilu u kkonferma li jeħtieġ jinbidel mill-aktar fis.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-uniku saqaf perikoluż li kien hemm fil-fond indikat mill-Onor. Interpellant kien dak tal-kċina, li nbidel mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar madwar erba' snin ilu. Ma jirriżultax li xi perit mill-imsemmi Dipartiment iċċertifika xi saqaf ieħor fl-istess fond bħala perikoluż u li kien jinħtieġ jinbidel.
Madankollu jien għaddejt il-każ lill-imsemmi Dipartiment biex terġa' ssir spezzjoni, biex jiġi stabbilit jekk tfaċċatx xi ħsara oħra, peress li l-inkwilin ma għamel ebda talba f'dan is-sens lid-Dipartiment minn dak iż-żmien sallum.
Jista' l-Ministru jara li tiġi irranġata d-daħla ta' block tal-flats tal-Gvern Block IV, Triq Ħal-Luqa, Tarxien wara li ġiet irranġata it-triq mil-Gvern Ċentrali u l-bankina saret baxxa komparata mad-daħla tal-flats bil-konsegwenza li qiegħed jinġabar ħafnma ilma li qed jikkaġuna inkonvenjent għar-residenti fil-maġġoranza tagħhom anzjani? Jista' l-Ministru jara li tittieħed azjoni medjata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba tal-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm sentenzi tal-qrati li fihom ġiet rakkomandata reviżjoni tal-liġi fil-kamra tad-deputati?
Liema huma, sena b'sena? Meta hu maħsub li jiġu diskussi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul l-aħħar għaxar snin ġew riferuti lis-Sedja dawn is-sentenzi tal-qrati:-
- Sentenza tal-Qorti dwar il-każ Vincent Borg vs il-Prim Ministru u l-Kummissarju ta' l-Artijiet (1996);
- Sentenza tal-Qorti dwar il-każ Paul u Evelyn Stoner vs il-Prim Ministru, kif deċiża mill-Qorti Kostituzzjonali (1996);
- Sentenza tal-Qorti preseduta mill-Imħallef Albert Margi dwar il-każ Kostituzzjonali Nru 544/96 AJM (1997);
- Sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati datata 21 ta' Novembru 2000 dwar il-każ il-Pulizija vs Owen Mallia (2000);
- Sentenza tal-Qorti ta' l-Appell datata 17 ta' Jannar 2001 dwar il-każ Giovanni Psaila pro et noe vs l-Avukat Ġenerali (2001); u
- Komunikat mill-Qorti tal-Maġistrati datat 13 ta' Frar 2001 dwar il-kawża Pulizija vs Godfrey Ellul (2001).
Kopja ta' dawn is-sentenzi tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara x'ġara miċ-cheque taċ-children allowance ta' familja li l-partikularitajiet tagħha qed jintbgħatu separatament min din il-mistoqsija u liema familja ta' 4 itfal tiddependi minn dan iċ-cheque?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili u jara għala fil-każ bin-numru H 016644 tad-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali, l-applikant tnaqqsulu l-punti b'mod qawwi u allura ġie preġudikat fit-talba ġenwiena tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-punti attwali li għandu l-applikant indikat jirriflettu l-pożizzjoni tiegħu vera wara spezzjoni tal-post fejn joqgħod minn impjegati ta' l-Awtorita' tad-Djar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk xiri ta' fond mill-uffiċju konġunt bir-rata favorevoli skond il-kera li kienet titħallas qabel, jeskludi s-sid il-ġdid milli jibbenefika minn skema ta' titjib ta' l-Awtorita' tad-Djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'referenza għal Mistoqsija Numru 23893 nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' tad-Djar għandha żewġ skemi fejn sidien ta' proprjeta' privata jistgħu jibbenefikaw għal sussidju fuq xogħolijiet ta' rranġar u titjieb fir-residenza tagħhom. Waħda hija taħt l-iskema Z, fejn teskludi lill-applikanti li xtraw proprjeta' mill-Uffiċċju Konġunt u, l-iskema l-oħra hija taħt Skema 7 li hija għall-għajnuna finanzjarja għal persuni b'diżabilita', fejn taħt din l-iskema persuni b'diżabilita' ma teskludihomx għal fatt li bbenefikaw mill-iskema għax-xiri ta' fond mill-Uffiċċju Konġunt.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuna reġistrata bħala persuna b'diżabilita', li fil-fatt tkun severa, tistax tiġi rifjutata milli tibbenefika mill-iskema ta' l-istallazzjoni ta' lift minħabba l-kriterji ta' dħul finanzjarju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ebda persuna ma tiġi skwalifikata minħabba kriterji ta' dħul finanzjarji taħt Skema Numru 7 - Għajnuna Finanzjarja Għal Persuni b'Diżabilita' għall-Xogħolijiet Ta' Titjib Relatati mad-Diżabilita' tagħhom f'Residenzi Okkupati Minnhom - għas-sempliċi raġuni li din l-iskema ma hiex means tested.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li kellhom impjieg fil-qasam tal-manifattura tal-prodotti tal-karta għax-xahar ta' Settembru mill-1995 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li kellhom impjieg fil-qasam tal-manifattura tal-prodotti tal-lastiku għax-xahar ta' Settembru mill-1995 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm nisa rreġistrati bħala self-employed ma' l-ETC? Jista' jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet tagħhom; il-lokalita' minn fejn ġejjin, meta bdew jaħdmu għal rashom, f'liema qasam huma attivi; u kemm għandhom impjegati magħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk teżistix xi forma ta' għajnuna finanzjarja min-naħa tal-gvern lil nisa li fetħu jew jixtiequ jiftħu business tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Minstru jgħid jekk il-gvern jipprovdix xi forma ta' taħriġ lil dawk in-nisa li jridu jibdew business
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ torganiżża programmi ta' taħriġ dwar it-tmexxija ta' negozji żgħar. Dawn il-programmi jinkludu taħriġ dwar l-ewwel passi biex bniedem jibda negozju, it-tmexxija tal-Marketing, tal-ħaddiema, tal-finanzi u ta' l-operat in ġenerali. Jistgħu jattendu dawn il-programmi dawk il-persuni li jixtiequ jibdew negozju jew diġa' għandhom negozju imma jixtiequ itejbu l-hiliet tagħhom fit-tmexxija tan-negozju. Dawn il-programmi huma jiftuha kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw alternative accomodation mid-dipartiment tad-djar minn Jannar 2000 sall-um? Minfejn huma l-applikanti u kemm kellhom punti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali alloka 188 post minn Jannar 2000 sallum. L-applikanti huma minn nadwar Malta kollha.