Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus li l-gvern daħħal bħala taxxa tal-boll u provisional capital gains tax fuq kuntratti pubbliċi xahar b'xahar bejn Jannar 2002 u Settembru 2004?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien is-sehem/kontribuzzjoni Maltija lill-Unjoni Ewropea xahar b'xahar bejn l-1 ta' mejju 2004 sal-lum? Kif tħallsu dawn il-flus/kontribuzzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Iżda magħha qed inżid ukoll informazzjoni ta’ dak li Malta rċeviet matul l-istess perjodu mill-Unjoni Ewropea. Dan qed nagħmlu biex tingħata stampa sħiħa tal-qagħda tal-pagamenti lejn u mill-Unjoni.
Jista' il-Prim Ministru jelenka dawk l-għaqdiet sportivi li huma eżentati mill-ħlas tat-taxxa tad-dħul? Minn liema sena ngħatat din l-eżenzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-għaqdiet sportivi huma eżenti mill-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul permezz ta’ l-artikolu 12(1)(o) ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income (Kap 123). Dan ilu japplika mis-sena ta’ stima 1998.
Għaldaqstant id-Dipartiment tat-Taxxi Interni ma għandux għalfejn iżomm lista ta’ dawn l-għaqdiet.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm daħħal il-Gvern s'issa f'din is-sena finanzjarja mill-VAT fuq l-għaqdiet sportivi? Kemm hemm għaqdiet u liema huma li suppost ħallsu l-VAT din is-sena u diġa' skadielhom iż-żmien meta kellhom jagħmlu dan? X'kienu l-ammonti f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-15 ta’ Lulju ta’ din is-sena, id-Dipartiment tal-Value Added Tax daħħal Lm41,077 mingħand Għaqdiet Sporitivi.
In-numru ta’ għaqdiet li suppost ħallsu l-Value Added Tax din is-sena u diġà skadielhom iż-żmien huwa 21, li 9 minn dawn bagħtu l-formola tal-Value Added Tax u għandhom bilanċ ta’ Lm11,205.78. Filwaqt, li 12 oħra kellhom jibagħtu l-formola u baqgħu ma bagħtuhiex, lil dawn ħarġitilhom stima li tammonta għal Lm9,523.
Il-provvediment tal-konfidenzjalità li hemm fil-liġi tal-Value Added Tax iżżommni milli nagħti l-ismijiet ta’ dawk l-għaqdiet konċernati kif mitluba fid-domanda.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm u liema huma dawk l-għaqdiet sportivi li għandhom jagħtu ħlasijiet fuq id-dħul u dan għadu ma tħallasx mill-2000 'l hawn sena b'sena? X'inhu l-ammont f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari Numru 8241.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm għaqdiet sportivi u liema huma li għad għandhom iħallsu l-VAT għas-snin 2000 sa l-2003 sena b'sena u kemm kienet is-somma f' kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2000 kien hemm 3 għaqdiet sportivi li kien għad għandhom iħallsu l-Value Added Tax, filwaqt li fl-2001 kien hemm 4, fl-2002 kien hemm 9 u fl-2003 kien hemm 17.
Is-somma f’kull sena kienet ta’ Lm1,651.32, Lm1,858.77, Lm2,770.15 u Lm10,258.58 rispettivament.
Il-provvediment tal-konfidenzjalità fil-liġi tal-Value Added Tax iżżommni milli nsemmi l-ismijiet ta’ dawk l-għaqdiet konċernati mitluba fid-domanda.
Jista' il-Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'passi ħa l-gvern fid-dawl tal-parir tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta' Malta li stqarr fil-pubbliku xhur ilu li huwa fl-interess ta' pajjiżna li jidħol malajr kemm jista' ikun fl-euro? Jista' jinforma lill-Kamra x'kienu dawn ir-raġunijiet li rriżultaw lill-Bank Ċentrali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern qiegħed jikkunsidra l-aspetti kollha ta’ din il-kwistjoni u meta jasal il-waqt, jippubblika d-deċiżjoni tiegħu flimkien ma l-istrateġija li tkun ġiet deċiża.
Jista' il-Prim Ministru jinforma lill-Kamra għaliex il-valur tal-lira Maltija minn Jannar ta' sena ilu sal-lum niżel minn euro240 għal kull Lm100 Maltin għal euro220?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onorevoli Interpellant jifhem li dan l-aħħar l-euro ssaħħaħ ħafna fis-swieq internazzjonali tal-kambju, speċjalment kontra d-dollaru Amerikan. Peress li r-rabta tal-lira Maltija ma’ l-euro hija biss ta’ 70%, il-lira ma setgħetx titla’ għal kollox ma’ l-euro.
Jista' il-Prim Ministru jinforma lill-Kamra fl-aħħar 12-il xahar liema kienu l-muniti u l-persentaġġi f'kull każ, ta' l-investiment tal-basket tal-muniti li fuqhom il-Bank Ċentrali ta' Malta jivvaluta l-valur tal-Lira Maltija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-istqarrija li ħareġ il-Bank Ċentrali ta’ Malta fit-23 ta’ Awissu 2002 li tispjega sew kif jaħdem il-basket tal-muniti li fuqhom huwa bbażat il-valur tal-lira Maltija kif ukoll il-bidla li saret fil-basket dakinhar. Minn dakinhar ma nbidel xejn. L-investimenti tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jirriflettu l-persentaġġi tal-muniti li jiffurmaw il-basket.
Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex l-AECs u l-counting assistants li servew fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-kunsilli lokali għadhom ma tħallsux? Jista' jgħid meta se jinħarġu ċ-ċekkijiet dovuti lil dawn il-persuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-ħlas lill-Counting Assistants li servew fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali sar f’Lulju ta’ din is-sena filwaqt li ċ-ċekkijiet ta’ l-assistenti kummissjonarji ser jintbagħtu bil-posta dan ix-xahar stess.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi dipartiment taħt id-dekasteru tiegħu li għamel stallazzjoni jew ħaseb għal sorsi ta' enerġija differenti, bħal solar panels, solar heaters, battery operated cars, eċċ. f'dawn l-aħħar snin? Kemm kien ilaħħaq dan l-investiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk fil-prezz finali miftiehem ma' SKANSKA, minbarra l-claims tal-kuntratt il-ġdid, hemmx ukoll inkluż il-ħlas tal-claims pendenti tal-kuntratt il-qadim?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-prezz miftiehem ma’ Skanska Malta JV jinkorpora l-ispiża kollha miftehma ma’ Skanska inkluż it-talbiet kollha pendenti ta’ claims.
Jista' il-Prim Ministru jinformani kemm-il kontrollur/i tal-BICAL kien hemm minn mindu spiċċa l-BICAL? Kemm tħallsu kull kontrollur u kemm ħallsu taxxa kull wieħed minn dawn il-kontrolluri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm jammonta f'euros il-valur tad-dazji u tariffi fuq kull kilo laħam taċ-ċanga tal-friża u tal-vitella importat illum minn non EU countries, varjeta' b'varjeta' skond l-importazzjoni storika li l-gvern innegozja ma' l-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni meħtieġa qiegħda fuq id-DDS Website tal-Kummissjoni Ewropea.
http://europa.eu.int/comm/taxation
customs/dds/cgi-bin/tarchap?Lang=EN
(Tweġiba mogħtija: 11/11/2004AM)
(Seduta Numru: 185)
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni gradwati mill-universita' li qed jaħdmu mal-gvern illum? X'inhu l-grad tagħhom? Fejn qed jaħdmu? X'degree universitarju għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi hemm 312-il persuna fil-General Service li għandhom degree universitarja. Fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u fil-Ministeru tal-Finanzi hemm ukoll 175 persuna fi gradi dipartimentali, professjonali jew b’kuntratt li għandhom degree universitarja.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru l-informazzjoni mitluba dwar l-impjegati.
Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq x’informazzjoni oħra dwar persuni li m’humiex fil-
General Service
li jaqgħu taħt ministeri oħrajn, nitolbu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Prim Ministru jgħid għal liema raġuni dawk il-pustiera li kienu daħlu mal-gvern sa mill-1992 ddaħħlu kollha fi scale 14 u għadhom hekk sal-lum u biex jaqbżu għal scale ieħor iridu jagħmlu l-eżamijiet u dan meta pustiera li daħlu wara ma ġewx imċaħħda minn din il-progression?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed tirreferi għal arranġamenti li saru għal dawk li kienu mpjegati fid-dipartiment tal-Posta u li minn żmien għal żmien irritornaw lura għas-Servizz Pubbliku minn Posta Limited, mill-Uffiċċju tal-Postmaster General u wara minn Maltapost p.l.c..
Jiena nfurmat li f’dawn il-każijiet, li saru taħt ċirkostanzi differenti, l-arranġamenti saru dejjem bi qbil mal-
Unions
li jirrapreżentaw il-ħaddiema.
(Tweġiba mogħtija: 10/11/2004PM)
(Seduta Numru: 184)