Jista’ l-Ministru jgħid minn min hi ffurmata l-Maritime Security Unit fi ħdan Transport Malta? X'riżorsi umani għandha din il-unit? Xi spezzjonijiet ta' faċilitajiet ta' portijiet saru minn din il-unit u x' international audits saru lil din il-unit mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari? Xi frekwenzi ta' spezzjonijiet suppost isiru minn din il-unit lill-faċilitajiet ta' portijiet fil-pajjiż? U x'inhi l-frekwenza ta' international audits li normalment isiru lil din il-unit?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minħabba li dan il- unit huwa involut f’materji ta’ sigurta’ nazzjonali, l-informazzjoni mitluba hija waħda ristretta u ma jkunx opportun li tingħata.
Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu ffurmat il-Purchasing Committee fi ħdan Transport Malta? Liema units fi ħdan din l-awtorità huma rrappreżentati f'dan il-Purchasing Committee? Fuq liema kriterji ġew magħżula l-membri tal-Purchasing Committee? X' tenders/quotations/direct orders ġew ipproċessati u konsegwentament approvati minn dan il-Purchasing Committee mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kien il-valur ta' kull tender/quotation/direct order li kienu approvati min dan l-kumitat? Min kien/u l-individwu/kumpaniji li eżeġwixxa x-xogħol relatat ma’ dawn l-approvazzjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumitat li qed jirreferi għalih huwa t-Tendering Committee li ġie mwaqqaf minn Jannar 2014. Qablu kien jopera l-Purchasing & Outsourcing Committee.
It-Tendering Committee huwa magħmul minn dawn il-membri:
Chairman CEO TM
Members Board Member
Chief Financial Officer
Chief Officer Strategy & Corporate Services
Procurement Director
Senior Operating Officer
Secretary Procurement Manager
Dawn il-membri ġew magħżula abbażi tal-ħiliet u pożizzjoni ta’ responsabilta’ taghħom sabiex jiżguraw li r-regoli tal-Public Procurement Regulations qed jiġu osservati
Rigward lista ta’ direct orders li ngħataw, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11865.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma u f'liema sezzjoni ġew ingaġġati l-konsulenti li ġew ikkuntrattati mill-Ministeru u/jew awtoritajiet/dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X'remunerazzjoni finanzjarja kif ukoll perkaċċi oħra qed jieħu kull konsulent? X'inhuma l-kwalifiki u l-area ta' speċjalizzazzjoni ta' kull konsulent? X' terminu ta' tul għandu kull kuntratt ta' konsulenza? Meta jispiċċa t-terminu ta' kull kuntratt ta' konsulenza? Xi proċess intuża biex intgħażel kull konsulent?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika jekk hux jirreferi ukoll għall-kuntratti ta’ konsulenza li ġew ingaġġati mill-amministrazzjoni preċedenti u aktar ‘il quddiem ġew imġedda. Dan biex tkun tista’ tingħata l-informazzjoni korretta.
Jista’ l-Ministru jgħid min hu ċ-Chairman tal-Bord tal-Port Workers? Jista’ jikkonferma li l-istess persuna li nħatret Chairman tal-Bord tal-Port Workers inħatret ukoll konsulent eżekuttiv tal-Ministru fi ħdan il-Ministeru tiegħu/Transport Malta fuq xogħol relatat mal-Port Workers? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt sija tal-kariga ta' Chairman tal-Board tal-Port Workers kif ukoll tal-kariga ta' konsulent eżekuttiv li ngħatat l-istess persuna? X' kumpens finanzjarju u perkaċċi oħra għandha l-istess persuna għal kull kariga? Għal liema perjodu ta' żmien hi effettiva kull kariga li ngħatat din il-persuna?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji rigward iċ-Chairman tal-Port Workers Board ser ngħaddihomlu b’mod kunfidenzjali. Dan l-individwu huwa wkoll fil-proċess li jiġi appuntat bħala konsulent fuq materji li jirrigwardaw il-ħaddiema tax-xatt.
Ninfurmah ukoll li l-prassi li tirrigwarda ħatriet fuq bordijiet hija li kull ħatra ssir permezz ta’ letter of appointment u għaldaqstant ma jkunx hemm kuntratti nvoluti.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li din s-sena, Transport Malta għamlet eżerċizzju li jikkonsisti fi ġbir ta' informazzjoni dwar xi kwalifiki għandu kull impjegat fi ħdan din l-Awtorità? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra din l-informazzjoni miġbura minn Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma ġabritx tagħrif dwar il-kwalifiki li għandu kull impjegat, iżda biss t’impjegati li qegħdin fi skala maniġerjali.
L-għan ta’ dan l-eżerċizzju kien sabiex tinbena database tal-ħiliet fit-tmexxija tal-Awtorità, u li fuqha jkunu jistgħu jinbdew jitħejjew pjanijiet ta’ taħriġ, suċċessjoni, u reklutaġġ fl-isfond tal-pjan strateġiku għall-għaxar snin li ġejjin u li nbdiet il-ħidma fuqha f’dawn l-aħħar xhur.
Ma narax li hu opportun li titqiegħed din l-informazzjoni fuq il-mejda tal-Kamra anki minħabba n-natura sensittiva tal-informazzjoni mitluba.
Raħal Ġdid — Stage tal-karozzi tal-linja quddiem il-Knisja ta’ Kristu Re
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10823, jista' l-Ministru jara x'sar fuq it-talba?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat illi wara li saret site visit fuq il-post imsemmi, ittieħdet id-deċiżjoni li hemm bżonn li jitwaħħal bus shelter fuq dan is-sit.
Infurmat ukoll illi fil-preżent qegħdin jiġu imħejjin id-disinji neċċessarji sabiex dan il-proġett ikun jista’ jiġi imwettaq fl-iqsar żmien possibli.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar spezzjonijiet fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm skart akkumulat għal ċertu żmien? Fejn irriżulta li kien hemm problema ta’ skart? X’passi ħa jew se jieħu l-Ministeru biex jiġi assigurat li dan l-iskart, jitneħħa fl-iqsar żmien possibbli?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbilta’ sabiex jitneħħa akkumulu ta’ skart fil-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar, ma taqax taħt ir-responsabbilta’ tad-Direttorat għat-tindif.
Madankollu, id-Direttorat jagħmel spezzjonijiet kuljum fiż-żona turistika, fejn għandu ħaddiema assenjati fil-lokalita’.
Meta jidħlu ilmenti fid-Direttorat rigward il-lokalita’, dawn jiġu spezzjonati, u jekk jirriżulta li jkun hemm akkumulu ta’ skart l-ilment jiġi mgħoddi lill-Kunsill Lokali. Jekk ix-xogħol mitlub ma jsirx fi żmien stipulat, dan isir minn ħaddiema tad-Direttorat.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-għadd ta’ problemi li hemm fil-wiċċ tat-triq fit-telgħa tax-Xemxija, jissolvew peress li din hi triq prinċipali li minnha jgħaddu eluf ta’ vetturi kuljum lejn il-Mellieħa u lejn Għawdex u lura?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, Transport Malta tagħmel manutenzjoni regolari fit-triq msemmija skont il-ħtieġa. Manutenzjoni fuq skala ikbar issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-MInistru jgħid kemm mis-€6 miljun li ġew allokati minn fondi tal-Unjoni Ewropea biex isiru toroq rurali se jintużaw għal toroq rurali f'Għawdex?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bl-allokazzjoni ta’ €6 miljun ser isiru numru ta’ toroq rurali mifruxa ma’ Malta u Għawdex kollha.
Struttura fil-Prezz tan-nollijiet tat-trasport pubbliku
Question
Peress li fid-diskors tal-baġit il-Ministru għall-Finanzi qal li qed titfassal kampanja speċifika b' investiment minn fondi Ewropej li biha jingħata skont sostanzjali ulterjuri fuq il-prezz ta' biljetti għall-ivvjaġġar bit-trasport pubbliku, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti dan l-investiment? Xi struttura ġdida ta' nollijiet se tiġi mfassla biex jiġi rifless dan l-investiment? Minn meta se tidħol fis-seħħ din l-istruttura ġdida?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-kampanja se jkollha l-għan prinċipali li tħeġġeġ aktar persuni jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku b’mod regolari bl-introduzzjoni ta’ skontijiet sostanzjali ulterjuri fuq il-prezz tal-biljetti tat-trasport pubbliku. Id-dettalji jiġu mħabbra aktar tard.
B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret is-Sibt 15 ta’ Novembru mir-residenti tas-Salina b’rabta mal-problemi ta’ inkonvenjenza li qed jiffaċċjaw l-istess residenti kaġun tad-deċiżjonijiet li ħadet Transport Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istess awtorità hix ser tagħti widen għal dawn l-ilmenti mressqa mir-residenti?
Response (MIZZI, JOE)
Dan il-proġett għadda minn proċessi ta’ proċeduri amministrattivi relatati mal-approvazzjoni tal-iżvilupp, liema proċeduri kienu jinkorporaw anke diversi forom ta’ stedina għall-konsultazzjoni. Wieħed irid japprezza illi bħalissa il-proġett qiegħed fil-fażi tal-kostruzzjoni iżda Transport Malta u jiena bħala Ministru ser inkunu miftuħa li niddiskutu l-kummenti u proposti min-naħa tar-residenti. F’ dan ir-rigward, ninsab infurmat illi diġa’ saru numru ta’ laqgħat mar-residenti in kwistjoni anke qabel il-15 ta’ Novembru. Riċentament saru wkoll aktar laqgħat mar-rappreżentanti tar-residenti.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12064, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema spazji oħra li fihom jista’ jsir parking bil-ħin hemm f’San Pawl il-Baħar? Fejn jinsabu u għal kemm ħin huma maħsuba dawn l-istess parkeġġi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba hija kif elenkata f'Avviz Legali 200 tal-2009.
Transport Malta – diskussjoni mar-residenti tas-Salina
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ konsultazzjoni għamlet Transport Malta mar-residenti tas-Salina biex magħhom jiġi diskuss it-tibdil li ser iseħħ biex huma jkunu jistgħu jidħlu fit-toroq fejn jabitaw? Meta saret din l-istess konsultazzjoni? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tat-triq f’dawn l-inħawi?
Response (MIZZI, JOE)
Għal dan il-proġett Transport Malta kienet daħħlet applikazzjoni għall-iżvilupp mal-MEPA. Dan il-proċess tal-MEPA kien jinkludi fost l-oħrajn perjodu fejn wieħed setgħa jissottometti rappreżentazzjonijiet jew kummenti dwar il-pjanti li kienu qed jiġu proposti dak in-nhar. L-istess proċess kien jinkludi wkoll “Environmental Impact Assessment” (EIA) li parti minnu kien jinkorpora “Social Impact Assessment”. Waqt dan il-proċess kienu saru konsultazzjonijiet mir-residenti li kienu ser jiġu effetwati mill-proġett in-ġenerali. Waqt dan il-perjodu kienu ġew organizzati wkoll sessjonijiet ta’ konsultazzjoni f’ diversi postijiet fil-viċinanzi tal-proġett u għalihom attendew diversi residenti li kienu ser jiġu effettwati minn dan il-proġett. Ir-riżultati tal-EIA kienu ġew ippreżentati wkoll f’public hearing organizzata mill-MEPA u t-Transport Malta fejn kulħadd kien mistieden jagħti l-kummenti tiegħu dwar il-proġett. Dan seħħ qabel ma’ l-istess proġett għadda għand il-Board tal-MEPA fejn saret public hearing oħra u fl-istess public hearing kien ġie approvat il-proġett in-kwistjoni. F’ din l-istess approvazzjoni, il-kwistjoni tal-aċċess għar-residenti tas-Salina kienet ġiet kwalifikata bħala “reserved matter” u l-proposta kienet dejjem tinkludi it-tneħħija tar-rampi eżistenti. Riċentament saru wkoll aktar laqgħat mar-rappreżentanti tar-residenti.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma saret l-ebda manutenzjoni fuq bus shelter imkisser fuq is-Saqqajja Rabat Malta li ilu mkisser għal żmien twil u qed joħloq periklu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li wara li Transport Malta irciviet rapport fuq l-bus shelter li hemm is-Saqqajja ir-Rabat, saret spezzjoni fuq il-post u rriżulta li kellu bżonn ssirlu manutenzjoni. Dan sar sabiex jiġi stabbilit x’tip ta’ manutenzjoni kien hemm bzonn.
Infurmat ukoll illi wara li ntalbet stima għax-xogħlijiet neċessarji, inħarġu struzzjonijiet mill-istess Awtorita’ lill-kuntrattur sabiex dan iwettaq ix-xogħlijiet meħtieġa fl-iqsar żmien possibli.
Jista’ l-Minstru jgħid jekk hux veru li l-Gvern Malti fil-ftehim li ser jiġi ffirmat bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Spanjola Auto Buses de Leon biex jiġi mħaddem is-servizz tat-Trasport Pubbliku, se jgħaddi l-operat tal-Park & Ride lill-kumpanija Spanjola?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm l-Park & Rides huma operati mill-operatur tat-trasport pubbliku, jiġifieri l-ewwel kienu operati mill- Arriva Malta Ltd u fil-preżent mill-Malta Public Transport Services, l-Awtorità qegħda tikkunsidra li dawn il-faċilitajiet ma jiġux inklużi bħala parti mill-konċessjoni tal-kuntratt ma’ l-operatur tat-trasport pubbliku il-ġdid.
Transport Malta – Acting Chief Information Officer
Question
B' referenza għal artiklu li kien ħareġ fit-Times of Malta f'Ġunju li għadda taħt it-titlu 'Invoices for IT not conflict of interest', jista’ l-Ministru jgħid jekk il-fatt li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li hu Direttur fi Transport Malta, fl-istess ħin li hu wkoll il-Legal Representative tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament kif ukoll l-uniku owner u shareholder tal-kumpanija li d-dettalji dwarha wkoll qed jingħataw separatament u li preżentament qed jagħtu servizzi lil Transport Malta, jista’ l-Ministru jispjega jekk dan jikkunsidrahx bħala kunflitt ta' interess? Barra minn hekk, veru li l-istess persuna minn Ottubru li għadda ġiet appuntata minn Transport Malta bħala Acting Chief Information Officer fl-istess Awtorità? Jekk fl-affermattiv, veru li l-Acting Chief Information Officer huwa responsabbli mill-approvazzjoni ta' ħlas għal servizzi pprovduti miż-żewġ kumpaniji hawn fuq imsemmija, li huma proprjetà tal-Acting Chief Information Officer innifsu? X'ordnijiet ta' xogħol ħareġ l-Acting Chief Information Officer minn nofs Ottubru 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Min kienu dawk il-kumpaniji/individwi li pprovdew dawn s-servizzi? Kemm kien il-ħlas għal dan x-xogħol? Kif ingħata dan ix-xogħol, b'tender jew direct order?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija mhuwiex ir-rappreżentant legal tal-kumpanija msemmija minħabba li kien irriżenja minnha bħala shareholder u direttur sa mis-sena 2012. Fir-rigward tal-kumpanija l-oħra ninsab infurmat li din m’għandha l-ebda konnessjoni ta’ xogħol ma’ Transport Malta u għaldaqstant ma jeżisti l-ebda lok għal kunflitt t’interess.
Nikkonferma li l-persuna msemmija ġiet appuntata bħala Acting Chief Information Officer f’dawn l-aħħar ġimgħat. Fil-kariga ta’ Chief Officer, l-uffiċċjal ikkonċernat huwa responsabbli mill-approvazzjoni ta’ ħlas għal servizzi pprovduti mid-direttorat tiegħu, hekk bħalma jiġri f’direttorati oħra. Minn mindu ġie appuntat, dan l-uffiċċjal m’awtorizza l-ebda xogħlijiet ġodda, kemm b’tender jew b’direct order, u wisq inqas lill-kumpaniji msemmija. Sal-lum, dan l-uffiċċjal approva biss purchase requests ta’ xogħlijiet li ngħataw qabel ma’ hu ġie appuntat f’din il-kariga.
Transport Malta – Acting Chief Information Officer
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'kumpens finanzjarju u perkaċċi oħra qed jingħata l-Acting Chief Information Officer fi ħdan Transport Malta li hu wkoll Direttur fil-bord tal-istess Awtorità?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-kuntratt tal- Acting Chief Information Officer għadu qed jiġi innegozjat. Ninfurmah ukoll li sal-lum l-imsemmi individwu għadu ma ħa ebda ħlas.
Jista’ l-Ministru jgħid min qed jibbenefika mill-iskema ta' teleworking fi Transport Malta, liema huma l-kundizzjonijiet li qegħdin jaħdmu bihom u fuq liema bażi ngħatat kull approvazzjoni għal xogħol fuq bażi ta’ teleworking?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid min qed jibbenefika mill-iskema ta' flexible hours fi Transport Malta, liema huma l-kundizzjonijiet li qegħdin jaħdmu bihom dawk li qed igawdu minn din l-iskema u fuq liema bażi ngħatat kull approvazzjoni għal xogħol bil-flexible hours?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull impjegat jista’ jibbenefika mill-iskema ta’ flexible hours, hekk kif stipulat fil-Ftehim Kollettiv preżenti ffirmat bejn Transport Malta u l-UĦM.
Jista’ l-Ministru jgħid min qed jibbenefika mill-iskema ta' reduced hours fi Transport Malta, liema huma l-kundizzjonijiet li qegħdin jaħdmu bihom dawk li qed igawdu minn din l-iskema u fuq liema bażi ngħatat kull approvazzjoni għal xogħol bir-reduced hours? Kemm hu n-numru ta' sigħat li qed jaħdem kull impjegat f'din l-Awtorità li qed igawdi mill-iskema tar-reduced hours?
Response (MIZZI, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.