Legislature:
Category:
Reset
Active:

ADT

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li ntlaħaq bejn l-assoċjazzjoni tat-trasport pubbliku u l-ADT?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-ftehim li ġie iffirmat bejn il-Ministeru ta’ l-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Awtorita' dwar it-Trasport ta’ Malta u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku.

Toroq

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 8018, jista' il-Ministru jgħid min kien il-perit jew ditta ta' periti li l-kuntratturi nkarigaw għat-toroq: Ta' Burmarrad, Salina - Iklin; u Mosta Ring road?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li l-periti nkarigati minn dawn il-proġetti għat-toroq Ta' Burmarrad, Salina - Iklin u Mosta Ring Road kienu 'Design Resources'.

Ħaż-Żebbuġ — Triq ta' Srina - Kuntrattur Taljan

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk il-kuntrattur Taljan li qiegħed jaħdem fuq it-Triq ta' Srina, Ħaż-Żebbuġ hux se jinbidel għax waqa' lura ħafna fix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nikkonferma li x-xogħolijiet fi Triq Mdina, Ħaż Żebbuġ u mhux Triq ta' Srina, Ħaż Żebbuġ kif indikat fil-mistoqsija waqa' lura. Bħalissa għaddejien diskussjonijiet mal-kuntrattur sabiex ikun stabbilit jekk il-kuntrattur hux f'pożizzjoni li jlesti x-xogħolijiet fi żmien aċċettabli.

Qormi — Imdina Road - Tarmac

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala t-tarmac fil-parti ta' Mdina Road, Ħal Qormi - inti u sejjer lejn Ħaż-Żebbuġ fejn ix-Shopwise - qiegħed jerġa' jinqala' meta dan it-tarmac sar xi erba' snin ilu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi din il-parti msemmija kienet inagħtat kisja ‘asphalt’ temporanja ta’ żewġ pulzieri sabiex jingħaqdu l-livelli tal-parti l-ġdida ta' din eżistenti. Għalhekk din il-parti kellha terġa tinqala sabiex tinbena mill-ġdid.

San Ġiljan — Triq San Ġorġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda x-xogħol ta' asfaltar mill-ġdid ta' Triq San Ġorġ, San Ġiljan?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi din it-triq hija meqjusa bħala waħda ta’ importanza turistika u kummerċjali . Għalqadstant hemm il-ħsieb li x-xogħol fuq din it-triq jibda' bejn Jannar u Marzu 2005, sabiex jiġi kkawżat l-inqas inkonvenjent lill-pubbliku u lis-settur kummerċjali tal-lokal.

Ċirkewwa — Karozzi tal-Linja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8360 u r-risposta relattiva, peress li fl-istess domanda ma ntalbitx informazzjoni iżda tressaq ilment għan-nom ta' l-Għawdxin li jagħmlu użu minn dawn ir-rotot, jista' il-Ministru jara li dawn ir-rotot ma jgħabbux passiġġieri minn fuq l-istages matul it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi l-introduzzjoni tar-rotot diretti miċ-Ċirkewwa li n-noll tagħhom huwa dak ta’ 40c huwa ta’ detriment għall-persuni li jkunu jistennew fuq l-istages (barra dawk li jirkbu miċ-Ċirkewwa) sabiex jirkbu l-karozza. Dan minħabba l-fatt illi dawn il-passiġġieri jistgħu jużaw rotot simili li m’humiex diretti u n-noll huwa anqas minn 40c. Ta’ min wieħed jgħid ukoll li skond il-liġi ma jeżisti l-ebda regolament li passiġġier li jkun jistenna fuq bus stop ma jitħalliex jirkeb karozza tal-linja, sakemm l-istess karozza ma’ tkunx mimlija.

Bormla — Pjazza Gavino Gulia

Question

Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jikkonferma/jispjega jekk Pjazza Gavino Gulia, Bormla hijiex se tkun inkluża fil-proġett tal-Cottonera fil-kontest ta' tisbiħ jew żvilupp tagħha? X'inhuma t-timeframes applikabbli?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Huwa maħsub li l-Proġett tad-Dock No 1 ser jinkludi Pjazza Gavino Gulia bħala riġenerazzjoni tal-Belt ukoll u kif maħsub oriġinarjament. Iż-żmien ta' proġettazzjoni għadu ma tfassalx u jiġi miftiehem fit-tfassil tal-kuntratt bejn il-Gvern u l-partijiet interessati.

Cottonera — Proġett

Question

Jista' il-Ministru jkun daqstant ġentili u jikkonferma/jispjega jekk, fil-kontest tal-proġett tal-Cottonera, huwiex maħsub li jkun hemm Promenade li tgħaqqad il-Kalkara, il-Birgu, il-Baċir nru. 1 u l-Isla? X'inhuma t-timeframes li huma applikabbli għal dan il-każ u jekk humiex se jkunu l-ħaddiema tal-Gvern jew le li jagħmlu dan ix-xogħol lodevoli?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-proġett tad-Dock No 1 ser jinkludi promenade li tgħaqqad dak ippjanat u li qed jiġi żviluppat għall-parti tal-Birgu flimkien ma' dak ta' l-Isla. Il-proġett tad-Dock No 1 ser jkun żviluppat fuq sistema ta' Public Partnership kif sar fil-każ ta' Proġetti Kapitali oħra. Bħalissa l-'brief' tal-proġett Dock No1 qiegħed għand il-MEPA u ser jinbeda il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika.

Għawdxin — Testijiet tas-Sewqan

Question

Peress li l-Għawdxin qed ibatu minn inkonvenjenti kbar biex jagħmlu t-test tal-liċenzja tas-sewqan għax dan it-test (l-iskritt) irid isir Malta u kif ukoll biex isir il-prattiku jridu jistennew li jinġabru group ta' applikanti u allura bejn sessjoni u oħra qed ikun hemm id-dewmien, jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi biex dawn l-inkonvenjenti jitneħħew a benefiċċju ta' l-applikanti Għawdxin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8369 ġejt infurmat li:- 1. It test tat-teorija (l-iskritt) li bħalissa jsir f’Malta mhux ġustifikat ekonomikament li jsir ġewwa Għawdex. 2. L-iskeda tat-testijiet tal-prattika’ ġo Għawdex ser issir b’mod li t-testijiet tal-vetturi żgħar u muturi se jiġu integrati ma’ dawk tal-vetturi l-kbar (trakkijiet inkluż bit-trejler, xarabanks u minibuses) sabiex kull test jidħol awtomatikament fil-jum li jkun imiss. B’hekk jiġi evitat li l-Għawdxin idumu jistennew biex jingħataw appuntament għal test b’vetturi kbar. 3. Id-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet ser iżid eżaminatur tat-testijiet ieħor, li jitla’ Għawdex kull nhar t’Erbgħa b’effett mit-3 ta’ Novembru 2004. B’hekk , nirdoppjaw in-numru ta’ testijiet tal-prattika ġo Għawdex u għalhekk jonqos il-perjodu bejn il-jum li jsir l-appuntament għat-test u t-test proprju.

Kottonera — Car Park

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol fuq il-carpark li diġa' inħarġu l-permessi għalih mill-MEPA u li l-gvern wiegħed li se jsir bħala parti mill-proġett tal-Kottonera?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Bħalissa il-permess approvat għand il-MEPA PA 2243/04 huwa 'Outline' għal 'multi-level' car park. Il-gvern qed jistudja kif ser jinbeda dan il-proġett filwaqt li jieħu in konsiderazzjoni l-ispiża neċessarja u anke talbiet minn xi wħud mill-konsorzja eżistenti biex jipparteċipaw fl-iżvilupp tiegħu.

Ħaż Żebbuġ — Triq ta' Srina - Stormwater Drainage

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'tip ta' sistema ta' stormwater drainage qiegħda tintuża fit-Triq ta' Srina, l/o Ħaż-Żebbuġ biex tlaħħaq mal-volum enormi ta' xita li jaqa' fuq din it-triq kull darba li tagħmel ix-xita?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-ilma tat-triq u kif wkoll dak li jiġi mill-egħlieqi ta’ madwar ser jinġabar ġo collection chambers “gullies” fuq kull ġenb tat-triq. Il-pajpijiet tal-istormwater culvert li jinsabu f’kull kariġjata, ġew iddisinjati biex jieħdu l-ilma li jaqa' fit-triq u dak li jiġi mill-egħlieqi f’ 1 in 1 year storm 15min duration. L-istormwater culverts ser iffergħu l-ilma ġol-widien eżistenti.

Tarxien — Toroq - Asfaltar

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 8264 u cioe' jgħid meta se jsir it-tarmac fi Triq il-Kurunell Mass u Triq 25 ta' Marzu ġewwa Ħal Tarxien peress li jinsabu fi stat diżastruż?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari No. 8264.

Perit Richard England — Dipartiment tax-Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-Perit Richard England ingħata s-servizz ta' periti u drafts persons mid-dipartiment tax-xogħlijiet pubbliċi sabiex jgħinuh fuq il-proġett ta' parlament ġdid? Jekk fl-affermattiv, kemm qiegħed iħallas il-Perit England lill-gvern għas-servizzi offruti minn dawn il-persuni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq għandu diversi ħtiġijiet ta' żvilupp ta' diżinn, stimi u eventwalment Project Management ta' proġetti kapitali ġodda. Għal dan il-għan saret talba lill-MPO sabiex il-Ministeru ikollu Project Co-Ordination Unit li tkun magħmula minn perit, quantity surveyors u draught persons. Din it-talba ġiet milqugħa u numru ta' uffiċjali b'dawn il-kwalifiki kienu identifikati u trasferiti mal-Ministeru. Minħabba x-xogħol li għaddej bħalissa fuq studji preliminari għall-proġett tas-sit tat-Tejatru Rjal u d-daħla ta' Bieb il-Belt dan it-tim bħalissa qiegħed jaħdem mal-Perit England. B'dan l-arranġament u dejjem jekk il-proġett jitkompla, il-Perit England jitħallas fee negozjata li tieħu in konsiderazzjoni li ħafna mix-xogħol ta' support fit-tħejjija tal-proġett qiegħed isir dan it-tim li hu mħallas direttament mill-Gvern.

Perit Richard England — Proġetti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallas il-Perit Richard England minn meta beda l-ħidma tiegħu sal-lum fuq il-proġetti ta' St James Cavalier, is-sit tat-Teatru Rjal u l-masterplan għal Bieb il-Belt, kull pagament separat bid-data meta tħallas?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda lill-Ministru ikkonċernat.

Manoel Island — Proġett

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-kuntratt ma' MIDI għall-proġett ta' Manoel Island u Tigne' hemmx stipulat li l-aċċess mal-baħar madwar Manoel Island ikunx liberu għaċ-ċittadini? Jekk fil-pożittiv, jista' jgħid jekk dan l-aċċess fil-preżent hux liberu jew le?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Skond Artiklu 15 tal-kuntratt bejn il-Gvern u l-MIDI plc, l-aċċess jista' jkun magħluq b'mod temporanju sakemm isiru xogħolijiet fuq il-proġett. Bħalissa ix-xogħolijiet ta' restawr nbdew fuq il-Fortizza Manoel.

Pembroke — Bus stage

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitwaħħal/jitranġa bus stage li hemm hekk kif taqbeż it-traffic lights ta' Pembroke?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi t-twaħħil/irranġar ta' bus stages huwa responsabbilta tal-Kunsilli Lokali. Madankollu, l-Awtorita' ser tieħu ħsieb tikkuntatja lill-Kunsill Lokali ta' Pembroke rigward l-imsemmi bus stage.

Mini buses/taxis

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jilliberalizza s-servizz tal-hearses, tal-mini buses u/jew tal-white taxis?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat illi fir-rigward tal-Minibuses u l-White Taxis, għalissa l-Awtorita' dwar it-trasport ta' Malta m'hix qed tikkunsidra żidiet fil-permessi eżistenti. Dwar il-hearses, jidher li n-numru ta' liċenzji hu limitat għal dak li kien eżistenti fl-1970 u s'issa l-ebda amministrazzjoni għadha ma ħasset il-ħtieġa li jinħarġu liċenzji ġodda.

Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'persentaġġ ta' xogħol tlesta sal-lum meta mqabbel max-xogħol li kellu jsir fil-kuntratt għall-bini tat-toroq: i) ta' Burmarrad; ii) Salina - Iklin; iii) Mosta ring road; iv) Mtarfa bypass? Meta nbeda x-xogħol fuq kull triq u kemm kien stmat ix-xogħol skond il-kuntratt? Kemm telgħa l-valur tax-xogħol ta' kull triq s'issa? Min kienu l-periti privati nkarigati mix-xogħlijiet f'kull triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Burmarrad – Ix-xogħol kollu li kien hemm fil-kuntratt tlesta. Il-proġett ta’ din it-triq beda f’nofs is-sena 2000 u kien stmat li se jiswa Lm 1,347,647. Fuqu tħallsu Lm2,577,365. Il-periti inkarigati mill-proġett kienu l-periti tal-ADT. Waħda mill-kundizzjonijiet tat-tender kienet li l-kuntrattur jinkariga periti privati sabiex isegwu x-xogħol. Salina-Iklin – Ix-xogħol fil-kuntratt oriġinali tlesta u jonqos isiru xi xogħolijiet oħra bħala extra works u variation. Ix-xogħol fuq dan il-kuntratt beda f’nofs is-sena 2000 u kien stmat li se jiswa Lm1,413,677. Fuq dan il-proġett s’issa tħallsu Lm2,022,307. Il-proġett kien jinkludi wkoll xogħol ta’ service shaft u tunnel li sar minn Ballut Blocks. Dan ix-xogħol li kien stmat Lm78,250 tlesta. S’issa tħallsu Lm74,337. Hemm ukoll xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ ‘steel structure’ ġot-tunnel. Dan ix-xogħol għadu ma bediex u stmat li jiswa Lm15,379. Il-periti inkarigati mill-proġett kienu l-periti tal-ADT. Waħda mill-kundizzjonijiet tat-tender kienet li l-kuntrattur jinkariga periti privati sabiex isegwu x-xogħol. Mosta Ring Road – Fuq dan il-proġett s’issa tlesta madwar 90% tax-xogħol li jonqos biex il-parti tat-triq bejn chainage 200 u 1750 tlesta sal-base course. Ix-xogħol fuq dan il-proġett beda fi frar 2000 u il-kuntratt oriġinali kien ta’ Lm587,014.00. Il-flus approvati telgħu għal Lm1.28miljun u s’issa tħallsu Lm1053534.00. Il-periti inkarigati mill-proġett kienu l-periti tal-ADT. Waħda mill-kundizzjonijiet tat-tender kienet li l-kuntrattur jinkariga periti privati sabiex isegwu x-xogħol. Fuq il-Mosta Ring Road qed isir xogħol ieħor ta’ surfacing mill-Bitmac Ltd. Il-valur ta’ dan ix-xogħol huwa Lm38,154. Ma kienx hemm periti privati inkarigati minn dan ix-xogħol. Mtarfa Bypass – Ix-xogħlijiet f’din it-triq saru jew qed isiru minn diversi kuntratti kif gej: Minn tat-Tabija sa Mtarfa Roundabout Rikonstuzzjoni tat-triq Lm100,948.00 Minn Mtarfa Roundabout sal-Pont tal-Ferrovija Bini ta’ Retaining wall Lm 326,048 Cladding tas-sejjiegħ Lm14,918 Tqegħid tas-servizzi Lm64,069 Bankini (qed isir) Lm19,000 Asfaltar (qed isir) Lm77,503 Dwar ix-xogħlijiet pendenti tlesta madwar 75% tax-xogħol tal-bankini u madwar 40% tax-xogħol ta’ l-asfalt. Fuq dawn iż-żewġ kuntratti s’issa ma sar ebda ħlas. Il-periti inkarigati mill-proġett kienu l-periti tal-ADT. Il-kuntrattur ma kellu l-ebda obbligu li jinkariga periti privati.

Isla/Kalkara — Rotta tal-karozzi tal-linja

Question

Jista' il-Minsitru jispjega r-riforma li seħħet fir-rotta tal-karozzi tal-linja ta' l-Isla u l-Kalkara? X'kien ir-raġunar wara dan it-tibdil? L-interess tar-residenti ta' dawn iż-żewġ lokalitajiet ingħata piż f'din ir-riforma? Kif se jiġi assigurat li r-residenti ta' dawn iż-żewġ lokalitajiet jingħataw servizz xieraq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-iskeda tas-servizz l-antika u dik preżenti tar-rotot ta’ l-Isla (Rt 3), l-Kalkara (Rt 4) u l-Birgu (Rt 1, Rt 6) sabiex ikunu ikkomparati. L-iskop prinċipali ta’ l-bidla fl-iskeda seħħ sabiex jiġu amalgamati ir-rotot u jingħata serviżż aktar effiċjenti. Filfatt bl-iskeda preżenti, wara 10.20 ta’ filgħodu, il-vjaġġi li jitilqgħu mill-Isla lejn il-Belt Valletta jgħaddu mill-Birgu, għaldaqstant qed jingħata serviżż anki lejn il-Birgu u l-Fgura. Barraminhekk, beda ukoll servizz ġdid bin-numru tar-rotta 300, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, li titlaq mill-Isla lejn l-Universita via tas-Sliema. L-Awtorita dwar it-Trasport ta’ Malta ser ikollha laqgħat fil-ġimgħat li ġejjin mar-rappreżentanti tal-Kunsilli ta’ l-Isla, l-Birgu u l-Kalkara sabiex tiġi riveduta is-sitwazzjoni għall l-aħjar serviżż għan-nies tal-lokalita.