Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Malti għall-Isport – HR Audit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta rċieva l-HR Audit li kien ikkummissjonat dwar il-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadni ma rċevejt ebda HR Audit dwar il-Kunsill Malti Għall-Isport.

Kunsill Malti għall-Isport – HR Audit

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed kopja tal-HR Audit tal-Kunsill Malti għall-Isport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari W65.

Kunsill Malti għall-Isport – karigi aboliti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema karigi qed jiġu aboliti fil-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa din id-data m'hemm l-ebda post li qed jiġi abolit.

Kunsill Malti għall-Isport – impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu full-time u part-time mal-Kunsill Malti għall-Isport? F’liema karigi qegħdin? F’liema skali qegħdin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Malti għall-Isport – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nies ġodda full-time u part-time bdew jaħdmu mal-Kunsill Malti għall-Isport mid-9 ta’ Marzu 2013 ’l hawn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mid-9 ta' Marzu 2013 'l hawn kien hemm erba' (4) persuni ġodda full-time u erbgħa u sittin (64) persuna part-time li bdew jaħdmu mal-Kunsill Malti għall-iSport, pero' l-istaff complement ma żdiedx anzi naqas.

Kunsill Malti għall-Isport – trasferiment ta’ impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew trasferiti mill-Kunsill Malti għall-Isport biex jaħdmu f’dipartimenti governattivi oħra mid-9 ta’ Marzu ’l hawn? Liema karigi kienu okkupaw dawn il-persuni? F’liema dipartimenti ntbagħtu? Min qiegħed jagħmel ix-xogħol li kellhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda persuna li ġiet trasferita mill-Kunsill Malti Għall-Isport biex jaħdem f'dipartiment governattiv ieħor mid-09 ta' Marzu 2013 'l hawn.

Kunsill Malti għall-Isport – trasferiment ta’ impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew trasferiti minn dipartimenti governattivi għal mal-Kunsill Malti għall-Isport mid-9 ta’ Marzu ’l hawn? Liema karigi jokkupaw dawn il-persuni? Minn liema dipartimenti ġew? Minn liema studju jew audit irriżulta li kien hemm bżonnhom dawn il-ħaddiema? Saret xi sejħa interna għas-settur u s-servizz pubbliku biex dawn il-persuni ġew trasferiti mal-Kunsill Malti għall-Isport?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Malti għall-Isport – karigi ta’ impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karigi li okkupaw il-persuni, li d-detailing tagħhom mal-Kunsill Malti għall-Isport ġie revokat mill-Prim Ministru fuq suġġeriment tal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, biex wara jiġu trasferiti biex jaħdmu f’dipartimenti governattivi oħra mid-9 ta’ Marzu ’l hawn, humiex se jiġu aboliti jew ħaddiema ġodda se jissostitwixxu lil dawn il-ħaddiema fil-karigi rispettivi? Kif se jintgħażlu dawn il-ħaddiema l-ġodda? Se jiġu mis-servizz pubbliku jew minn barra s-servizz pubbliku?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni.

Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada — Evalwazzjoni

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 213, jista' l-Ministru jgħid sa meta huwa mistenni li titlesta l-evalwazzjoni dwar l-operat tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjoni dwar l-evalwazzjoni tal-operat tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada kienet waħda informali u ma kien hemm l-ebda persuna partikulari li tqabbdet b'mod formali tagħmel din l-evalwazzjoni.

Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada — Evalwazzjoni

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 213, jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni invouti fl-evalwazzjoni tal-operat tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Kif spjegat f'Mistoqsija Parlamentari Nru. 712, ma kien hemm l-ebda persuna li tqabbdet formalment tagħmel din l-evalwazzjoni. Id-diskussjoni saret ma' diversi uffiċjali u kienet diskussjoni li fiha ma nkiteb l-ebda rapport formali.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — impjegati detailed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm, u min huma, l-impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jew xi dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, li huma detailed, jew għandhom permess, sabiex jagħmlu xogħol ma' xi entità non-governattiva (NGOs), inkluż xogħol ma' trade unions? Fuq liema bażi qed isir dan ix-xogħol u x’inhuma t-termini ta’ żmien? X’inhi r-remunerazzjoni, jiġifieri l-paga, allowances, overtime u dħul ieħor, li kull wieħed minn dawn l-individwi qed jirċievi u min joħroġ tali salarju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bit-tagħrif dwar impjegati fid-dekasteru tiegħi li għandhom permess jagħmlu xogħol ma' xi entità mhux governattiva (NGO) jew li qegħdin fl-istadju li r-rilaxx tagħhom jiġi mġedded, inkluż trade unions.

Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport — impjegati detailed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm, u min huma, l-impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, jew xi dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, li huma detailed, jew għandhom permess, sabiex jagħmlu xogħol ma' xi entità non-governattiva (NGOs), inkluż xogħol ma' trade unions? Fuq liema bażi qed isir dan ix-xogħol u x’inhuma t-termini ta’ żmien? X’inhi r-remunerazzjoni, jiġifieri l-paga, allowances, overtime u dħul ieħor, li kull wieħed minn dawn l-individwi qed jirċievi u min joħroġ tali salarju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari hija inkorporata fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1100.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — kompożizzjoni ta’ bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. It-tagħrif huwa mqassam kif ġej:- Dok 'A' - MCAST Dok 'B' - Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Ogħla u Avvanzata u l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki Dok 'C' - Universita' ta' Malta Dok 'D' - Kunsill Malti għall-Isport Dok 'E' - Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ Dok 'F' - Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Dok 'G' - Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada Dok 'H' - Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi

Manutenzjoni ta’ skejjel – rapport finali

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti li kellhom jagħmlu l-periti li ġew imqabbda mill-Ministru u kellu jitlesta sal-aħħar ta’ Mejju dwar ix-xogħlijiet u l-manutenzjoni tal-iskejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Proġetti inawgurati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-proġetti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu li ġew inawgurati bejn l-1 ta’ Diċembru 2012 u t-8 ta’ Marzu 2013 u min inawgurahom? Jista’ jgħid jekk dawn il-proġetti kenux lesti kompletament jew jekk kienx fadal xi xogħol xi jsir fuqhom u filkas jgħid fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol li kien fadal? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu tħallsu flus sad-data tal-ftuħ, u kemm kien fadal spejjeż pendenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħatra ta’ bordijiet ta’ għażla għal job vacancies

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema bordijiet ta’ għażla għal job vacancies li hemm bħalissa fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, huma diġà kostitwiti? Jista’ jgħid minn min huma kostitwiti dawn il-bordijiet u f’liema kapaċita qegħdin hemm il-membri ta-bordijiet? Sar xi tibdil fil-kostituzzjoni ta’ dawn il-bordijiet? Kien hemm xi entitajiet li qabel ma kenux irrapreżentati, u issa qed jiġu rrapreżentati u viċi versa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fil-perjodu meta saret l-interpellanza, jiġifieri ftit qabel li l-Parlament waqaf għar-recess tas-Sajf, kien hemm bordijiet ta' għażla għal job vacancies fil-Ministeru u d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħti, kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kif se nsemmi:- Tabella 'A': Direttorati Ġenerali tal-Edukazzjoni Tabella 'B': Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ/Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi/Kunsill Malti Għall-Isport/Direttorat Tagħlim tul il-Ħajja Tabella 'C': MCAST Tabella 'D': Universita' ta' Malta Rigward Tabella 'D', il-Bordijiet tal-Għażla huma stabbiliti skont Statut 7 tal-Universita' ta' Malta u l-linji gwida approvati mill-Kunsill tal-Universita' ghall-membri tal-Bordijiet tal-Għażla fir-reklutaġġ tal-istaff Akkademiku Resident tal-Universita' ta' Malta, staff Akkademiku tal-Junior College u r-reklutaġġ ta' staff Amministrattiv, Tekniku u Industrijali. Il-linji gwida jipprovdu għall-kompożizzjoni ta' Bordijiet tal-Għażla. Membru tal-Kunsill tal-Universita' ta' Malta huwa nkluż fuq kull Bord tal-Għażla. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi, fid-Dipartiment tal-Eżamijiet ġew kostitwiti Bordijiet tal-Għażla biex jimtlew job vacancies fis-Servizz Pubbliku kollu u mhux fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biss.

learning support assistants — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi n-nefqa totali tal-Gvern fuq learning support assistants bħalissa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-nefqa totali tal-Gvern fuq salarji u allowances ta' learning support assistants li jaħdmu kemm fi skejjel statali, tal-knisja u indipendenti f'Malta u Għawdex u li tħallsu fix-xahar ta' Ġunju 2013 għall-perjodu ta' erba' ġimgħat bejn il-21 ta' Mejju u s-17 ta' Ġunju 2013 (jiġifieri salarju wieħed minn tlettax-il salarju f'sena kalendarja) kienet ta' €3,397,193.10c

Supply learning support assistants – taħriġ u kwalifiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk supply learning support assistants li bħalissa diġà għaddejjin b’ taħriġ biex jiksbu kwalifika rikonoxxuta hux se jkunu jistgħu jżommu posthom fl-iskola partikolari li qegħdin fiha bħalissa anke jekk b’kundizzjoni li jiksbu l-kwalifika f’perijodu definit, jew inkella hux se jkunu qed jitilfu posthom meta l-għażla ta’ learning support assistants tkun qed issir qabel dawk ta’ supply learning support assistants?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi meta jkollu vakanzi għall-Learning Support Assistants (LSAs) l-ewwel jimpjega n-nies kwalifikati. Huwa mportanti li kemm jista' jkun tfal b'diżabilita' jew b'xi kundizzjoni jkollhom appoġġ minn nies imħarrġa. Jekk ma jinstabux biżżejjed persuni kwalifikati, id-Direttorat jimpjega persuni fuq bażi temporanja bħala Supply LSAs, sakemm jinstabu nies kwalifikati. Jekk is-Supply LSAs jakkwistaw il-kwalifika meħtieġa meta joħorġu s-sejħiet għall-applikazzjoni għall-LSA I jew LSA II huma jkunu jistgħu japplikaw u hekk jiġu mpjegati fuq bażi indefinit.

Tracer studies

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tracer studies li saru mill-Ministeru għall-Edukazzjoni mill-1996 sal-lum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għas-snin 1997 sal-2011 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll li kopja għas-sena 1996 ma hemmx u għas-sena 2012 għadha qed tinħadem id-data.

Ħatra ta’ bordijiet ta’ għażla għal job vacancies

Question

Jista l-Ministru jwiegeb mistoqsija parlamentari 3143 u jgħid liema bordijiet ta’ għażla għal job vacancies li hemm bħalissa fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, huma diġà kostitwiti? Jista’ jgħid minn min huma kostitwiti dawn il-bordijiet u f’liema kapaċità qegħdin hemm il-membri ta-bordijiet? Sar xi tibdil fil-kostituzzjoni ta’ dawn il-bordijiet? Kien hemm xi entitajiet li qabel ma kenux irrapreżentati, u issa qed jiġu rrapreżentati, u viċi versa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3143.