Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-Kap Eżekuttiv tal-Local Enforcement System Agency (LESA) li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (BONNICI, OWEN)
Kif indikajt fit-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari 20711, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għandu salarju ta' 25 fil-mija ta' dak li kien jitħallas wieħed biss mill-Uffiċjali Awtorizzati li kienu assenjati ma' kull wieħed mill-ħames Reġjuni li għandna. Jekk l-Onor. Interpellant jixtieq jara kopja tal-kuntratt, nista’ nagħmel dan privatament.
Il-Mosta u Ħ’Attard – Triq Pantar u Triq tat-Torba — xogħlijiet
Question
Peress li fi Triq Pantar u Triq tat-Torba, li minn Ħ’Attard iwasslu għall-Mosta u viċi-versa, bħalissa qed jiġu konklużi xi xogħlijiet u qed tinqala’ nofs it-triq, u peress li n-nofs l-ieħor mhux fi stat tajjeb, jista’ l-Ministru jikkonsidra li t-triq kollha tingħata wiċċ ġdid bit-tarmak?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan ix-xogħol qed isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u mhux minn xi Kunsill Lokali. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali – għoti ta’ kuntratti lill-kumpanija
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21830, jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw flus kontanti lill-kumpanija li d-dettalji dwarha ingħataw separatament, jew lill-uffiċċju legali tiegħu meta l-Kunsill Malti għall-Arti għamel użu mis-servizz tal-kumpanija (9 darbiet) minn Marzu 2013 sa Diċembru 2015? Kemm ingħataw flus kontanti lill-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, jew lill-uffiċċju legali tiegħu meta l-Public Broadcasting Authority għamel użu mis-servizz tal-kumpanija (darbtejn) minn Marzu 2013 sa Diċembru 2015? Kemm ingħataw flus kontanti lill-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, jew lill-uffiċċju legali tiegħu meta d-Direttorat għas-Servizzi Kooperattivi għamel użu mis-servizz tal-kumpanija (10 darbiet) minn Marzu 2013 sa Diċembru 2015?
Response (BONNICI, OWEN)
Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba u f'liema każijiet, Malta intervjeniet quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f'kawżi li jkunu qed jinstemgħu kif jipprovdi l-Istatut tal-istess Qorti?
Response (BONNICI, OWEN)
F’dawn l-aħħar snin l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali f’isem Malta intervjena fil-każijiet li ġejjin:
- Kawża C-48/12
Kummissjoni v Polonja
, dwar l-allegata applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE f’każ ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ Direttiva illi ġiet adottata qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona
- Kawżi konġuniti C-660/11 u C-8/12
Biasci -
riferenza preliminari dwar restrizzjonijiet fuq il-provvediment ta’ logħob tal-azzard
online
bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea
- Kawżi T-601/11 u T-615/11– dwar it-tassazzjoni fuq il-logħob tal-azzard offrut
online
- Kawża C-156/13
Digibet
– riferenza preliminari dwar il-provvediment
online
ta’ logħob tal-azzard bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea
- Opinjoni 1/14 – Rikjesta għal opinjoni tal-Qorti Ewropea skont l-Artikolu 218(11) tat-TFUE, fir-rigward tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Manipulazzjoni fil-Kompetizzjonijiet fl-Isports
- Opinjoni 2/15 - Rikjesta għal opinjoni tal-Qorti Ewropea skond l-Artikolu 218(11) tat-TFUE, fir-rigward tal-Ftehim dwar kummerċ ħieles bejn l-UE u Singapore.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 22219, jista’ l-Ministru jgħid għala ma ħatarx Deputat Avukat Ġenerali?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-kariga ta’ Deputat Avukat Ġenerali m’ hijiex kariga illi l-liġi tinħtieġ illi tkun dejjem okkupata u fil-passat anke reċenti kien hemm ukoll perijodi pjuttost twal li fihom l-istess kariga tħalliet vakanti.
Il-Gvern iqis illi jkun ta’ ġid għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jekk il-kariga ta’ Deputat Avukat Ġenerali timtela’ pero ma jħossx illi dan il-pass għandu jittieħed frettolozament.
Laqgħat mal-kunsilli lokali u Kumitati Amministrattivi Għawdxin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali kemm-il laqgħa kellu ma’ Kunsilli Lokali u Kumitati Amministrattivi Għawdxin u ċjoè mal-membri kollha ta’ kull Kunsill jew Kumitat Amministrattiv partikulari? Meta u fejn saru dawn il-laqgħat u ma liema Kunsilli Lokali jew Kumitat Amministrattiv? Jista’ jgħid kemm-il numru ta’ laqgħat kellu s- Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali fil-Ministeru tiegħu ma’ Kunsilli Lokali jew Kumitati Amministrattivi Għawdxin kemm ilu fil-kariga? Meta u fejn saru dawn il-laqgħat u ma’ liema Kunsilli Lokali jew Kumitati Amministrattivi saru?
Response (BONNICI, OWEN)
Saru żewġ laqgħat mar-Reġjun Għawdex fil-bini tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Is-Segretarju Parlamentari ltaqa' mal-kunsilli lokali u kumitati amministrattivi kollha Għawdxin meta mar iżurhom.
Barra minn hekk, saru diversi laqgħat ma' kunsilliera u sindki Għawdxin fuq bażi personali.
Gwardjani Lokali – inċidenti li jinvolvu karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjoni barranija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid s’issa kemm kien hawn inċidenti, sena b’sena, mis-sena 2013 ‘l hawn, li kienu jinvolvu karozzi bi pjanċi ta’ reġistrazzjonijiet barranija u li ġew irrapurtati lill-Gwardjani Lokali? F’liema pajjiż kienu reġistrati dawn il-vetturi? F’liema lokalità seħħew dawn l-inċidenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jekk kemm hemm nies jaħdmu fil-Local Enforcement System Agency (LESA)? X’paga u/jew kuntratt għandu kull persuna u min qed iħallas dawn il-pagi/kuntratti, jekk hux il-Gvern jew kumpanija privata?
Response (BONNICI, OWEN)
M’għandi xejn x’inżid mar-risposta li tajt għal Mistoqsija Parlamentari 20711.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet f’Ottubru, f’Novembru u f’Diċembru 2015 f’kull lokalità, meta mqabbla mal-istess xhur tas-sena 2014 u s-sena ta’ qabel 2013?
Response (BONNICI, OWEN)
Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Qrati ta’ Malta u Għawdex – Eżekuzzjoni tal-kambjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati ittri uffiċjali eżekuttivi għall-eżekuzzjoni tal-kambjali tul is-sena 2014 fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex?
Response (BONNICI, OWEN)
L-ammont ta’ ittri uffiċjali eżekuttivi għall-eżekuzzjoni tal-kambjali ppreżentati fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex matul is-snin hawn taħt inidikati kien hekk:
SenaIttri uffiċjali eżekuzzjoni tal-kambjali
2010266
2011176
2012133
2013224
2014167
201599
Kunsilli Lokali — limitu għal xogħol b'direct order
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu l-limitu, f'termini ta' flus, li kunsill lokali jista' jordna xogħol b'direct order? X'jiġri jekk kemm-il darba xi kunsill lokali jagħti xogħol b'direct order li jaqbeż dan l-istess limitu li hu permess skont ir-regoli li bihom jitmexxew il-kunsilli lokali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont artiklu 24(4)(a) tar-Regolament dwar il-Finanzi tal-Kunsilli Lokali jistipula l-limitu f’termini ta’ flus li Kunsill Lokali jista’ jordna xogħol b’direct order ma jkunx jeċċedi €1,164.69 li għandhom ikunu awtorizzati mill-Kunsill Loakli skont l-ordni 32(1) tal-Ordnijiet Permanenti li hemm fis-Sitt Skeda li tinsab mal-Att, kemm-il darba ma jinxtrawx oġġetti tal-istess xorta f’perjodu ta’ erba’ xhur konsekuttivi. Għaldaqstant kull Kunsill Lokali li allegatament inqabad jaqbeż l-ammont intbagħat għand il-Bord ta’ Governanza għal aktar investigazzjoni.
Ninforma wkoll li l-Kunsill Lokali għandu Segretarju Eżekttuv li huwa l-Kap Amministrattiv, Eżekuttiv u Finanzjajru tal-istess Kunsill Lokali. Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jara li l-liġi tiġi mħarsa f’kull aspett, inkluż dak finanzjarju. Ta’ min wieħed ifakkar li l-Kunsilli Lokali jiġu awditjati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (N.A.O.).
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' kawżi ta' libell li bħalissa jinsabu pendenti quddiem il-Qrati Maltin, kemm dawk ċivili kif ukol dawk kriminali? Kemm kien in-numru ta' libelli li nqatgħu matul l-2015 skont il-kategorija differenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Bħalissa in-numru ta’ kawżi Ċivili ta’ libell pendenti quddiem il-Qrati Maltin u Għawdxin huwa ta’ 170 kawza:
Qorti
Numru ta’ Libelli pendenti
Qorti tal-Appell Superjuri
3
Qorti tal-Appell Inferjuri
19
Qorti Ċivili, Prim’ Awla
5
Qorti tal-Maġistrati
143
Total
170
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinbidlu t-tendering regulations tal-kunsilli lokali sabiex dawn ikunu konformi mad-Dipartiment tal-Kuntratti u mar-Regoli tal-Unjoni Ewropea?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jinħadem dokument li se jiġi ikkomunikat lill-Kunsilli Lokali aktar tard. Permezz ta’ dan id-dokument il-Kunsilli Lokali se jkollhom linja gwida ċara ta’ kif għandhom jipproċedu sabiex il-Kuntratti kollha jkunu konformi mar-regolamenti tad-Dipartiment tal-Kuntratti u mar-Regoli Ewropej. Għal snin twal il-Kunsilli Lokali tħallew jiżżefnu fin-nofs fuq interpretazzjoni tal-liġi u dwar liema proċedura dawn għandhom jaddottaw. Dawn il-proċeduri ħolqu inkonvenjent kbir u għalhekk li ser jiġi ppublikat dan id-dokument li permezz tiegħu l-Kunsilli Lokali ser ikollhom direzzjoni ċara ta’ kif għandhom joħorġu is-sejħiet għall-offerti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi minn kull kunsill lokali minn meta daħal fis-seħħ it-tibdil fil-liġi sussidjarja 119 sal-aħħar ta’ Diċembru 2015? Jista’ jgħid kemm kien l-ammont ta’ dħul minn kull kunsill lokali għal dan il-perjodu?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba li turi kemm inħarġu permessi minn kull Kunsill Lokali u kemm kien l-ammont ta’ dhul minn meta daħal fis-seħħ it-tibdil fil-liġi sussidjarja 119 sal-aħħar ta’ Diċembru 2015.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali li għamlu Sustainable Development ActionPlan? Jista’ jgħid min kienu dawn il-kunsilli lokali u jekk minn meta saru dawn ir-rapporti kienx hemm xi żviluppi dwarhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 12 –il Kunsill Lokali li għamlu Sustainable Development Action Plan.
Dawn huma: l-Imdina, iż-Żejtun, Ħal Balzan, Ħad-Dingli, l-Għarb, Ħal Għaxaq, il-Ħamrun, il-Kalkara, Marsaskala, il-Mellieħa, Pembroke u San Lawrenz.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba li turi l-iżvillupp li sar.