Legislature:
Category:
Reset
Active:

Immigranti Klandestini — Ċentri għad-Detenzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema ċentri kienu qed jintużaw għad-detenzjoni ta' l-immigranti klandestini f'pajjiżna fl-aħħar tas-sena 2004? Kemm kien hemm immigranti f'kull wieħed minn dawn iċ-ċentri?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni fiċ-ċentri ta' detenzjoni għall-immigranti klandestini fl-aħħar tas-sena 2004 kien kif ġej:- Ħal Far 80 Ħal Safi 360 Floriana 180

Immigranti Klandestini

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti stima ta' kemm qed tiswa lill-Gvern Malti d-detenzjoni ta' l-immigranti klandestini f'pajjiżna jekk tieħu in konsiderazzjoni s-servizzi ta' ospitalita', servizzi ta' sigurta' u servizzi oħra neċessarji biex dawn jinżammu?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 2556.

Każijiet dwar vjolenza domestika

Question

Jista' l-Minsitru jgħid kemm f'dawn l-aħħar għaxar snin ġew deċiżi każijiet rigward vjolenza domestika u f'kemm minnhom intużaw armi fid-djar matrimonjali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.

Immigranti Illegali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' kuntatt għandhom mad-dinja ta' barra l-immigranti llegali miżmuma fil-kustodja tal-qawwiet tas-sigurta' Maltin? Taħt liema kondizzjonijiet isir dan il-kuntatt? Membri tal-qawwiet tas-sigurta' ikunu preżenti waqt li jsiru dawn il-kuntatti? Jinżammu records ta' min iżur dawn l-immigranti? Jista' jgħid minn liema organizzazzjonijiet ġejjin dawk li jagħmlu dawn il-kuntatti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Immigranti li jkunu miżmuma taħt kustodja għandhom aċċess għall-aħbarijiet permezz tat-televiżjoni, kif ukoll ġurnali. Għandhom ukoll servizz tat-telephone li minn fuqu jistgħu jagħmlu u jirċievu telefonati kif u x'ħin iridu. Barra minn hekk isiru wkoll żjarat regolari minn membri ta' organizazzjonijiet tal-volontarjat li jaħdmu f'dan il-qasam, bħal ma' huma Jesus Refugee Service, il-Laboratorju tal-Paċi, il-Kummissjoni Emigranti, l-Organizazzjoni tas-Salib l-Aħmar. Ma' dawn isiru wkoll żjarat u servizzi reliġjużi kemm mill-Imam kif ukoll mill-kappillani tal-Pulizija u l-Armata. F'dawn iż-żjarat l-immigranti jistgħu jiltaqgħu u jitkellmu liberament mal-membri ta' dawn l-organizazzjonijiet, mingħajr ebda xkiel minn naħa tal-forzi tas-sigurta'. Ovvjament sabiex isiru dawn iż-żjarat irid jingħata pre avviż.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Art għal użu ta' car park

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min hu l-persuna jew soċjeta' li lilha qed tiġi trasferita l-art fejn hu propost li jsir car park f'Tas-Sliema (Tigne')? Jekk hija soċjeta', jista' jindika min huma l-azzjonisti u d-diretturi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-art fejn ser isir il-carpark fi Qui-si-sana, u mhux f'Tigne', ser tiġi trasferita lil C&F Building Contractors Limited wara sejħa għall-offerti li ħarġet għal dan il-għan. L-azzjonisti tas-Soċjeta' huma:- F. Schembri Holdings Limited Roberta Farrugia Frank Schembri Id-Direttur huwa Frank Schembri.

Rikonċiljazzjoni minn Separazzjoni Personali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il rikonċiljazzjoni minn separazzjoni personali ġiet insinwata matul is-sena 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku iżomm statistika ta' noti ta' insinwa rigward separazzjonijiet personali. Pero' ma tinżammx statistika ta' noti ta' insinwa rigward rikonċiljazzjoni.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Kuntratt lill-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne'

Question

Jista' il-Vici Prim Ministru jgħid jekk il-Kummissarju ta' l-Artijiet għamilx verifika tal-kuntratt li bih il-Parlament għadda l-art f'Tigne' lill-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne' fis-sena 1981, sabiex jiżgura li din l-Assoċjazzjoni mhux biss għadha teżisti, iżda hija wkoll waħda ħajja? Jekk it-tweġiba hija fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk din l-assoċjazzjoni tinsabx konformi ma' l-istatut tagħha li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fl-1999? Jekk din l-assoċjazzjoni għadha teżisti, jista’ jgħid kemm mit-30 għaqda sportiva u kulturali li ssemmew fit-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 6063 li saret fit-28 ta' April, 1999 għadhom jeżistu u liema huma? Jekk din l-assoċjazzjoni baqgħet waħda ħajja, jista’ jgħid min huma t-tmien membri li preżentement jiffurmaw il-kunsill ta' tmexxija tagħha, skond kif stipulat fl-istatut li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra u f'liema laqgħa ġenerali dawn ġew eletti u fejn saret? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-reġistru tal-membri ta' l-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne' sew dawk individwali kif ukoll dawk fuq bażi ta' block membership?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Kummissarju ta' l-Artijiet għadu qiegħed jipprova jiġbor l-informazzjoni mitluba. Ir-Risposta tingħata f'seduta oħra.

Qrati — Inkjesta Maġisterjali - Fondazzjoni ta' l-Iskejjel t'Għada

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9330 peress li l-avukat ġenerali m'għandux oġġezzjoni li r-rapporti u x-xhieda jiġu pubblikati, jista' il-Viċi Prim Ministru issa jpoġġihom fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Avukat Ġenerali ma jsib ebda oġġezzjoni li l-Onorevoli Interpellant jeżamina l-atti tal-proċess in kwestjoni fl-Uffiċċju tiegħu. Jista' wkoll l-Onorevoli Interpellant jitlob kopji lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Pulizija — Ronda fl-inħawi tal-Junior College

Question

Jista’ il-Vici Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija ta’ kontra l-vizzji tagħmilx ronda b’mod regolari fl-inħawi tal-Junior College fl-Imsida peress li ġieli kien hemm rapporti minn ġirien ta’ possibbilta` ta’ teħid tad-droga f’dawk l-inħawi? Kien hemm xi rapporti dwar dan lill-pulizija? Jista’ jordna li ssir ronda regolari f’dawn l-inħawi biex jekk qed ikun hemm xi teħid/traffikar ta’droga jittieħdu l-passi neċessarji?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima ta' kontra d-Droga tal-Pulizija qegħda tagħmel ronda u spezzjonijiet b'mod regolari fl-inħawi tal-Junior College fl-Imsida, sabiex kemm jista' jkun ma jkunx hemm abbuż ta' droga.

Immigranti Illegali — Grupp Terroristiku Al Qaeda

Question

Fid-dawl tar-rapporti li kien hemm dan l-aħħar fl-istampa internazzjonali, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarux xi kuntatti ma' l-awtoritajiet Taljani dwar il-possibbilta' li xi immigranti llegali li marru l-Italja minn Malta seta kellhom xi rbit jew konnessjonijiet mal-grupp terroristiku Al Qaeda?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma kien hemm ebda talba għall-assistenza lill-Pulizija Maltija mill-Awtoritajiet Taljani dwar is-suġġett imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.

Immigranti Illegali Ċiniżi

Question

Fid-dawl tar-rapporti li dehru fl-istampa internazzjonali, speċjalment dik Taljana, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarux xi kuntatti bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk Taljani dwar id-dħul ta' immigranti llegali Ċiniżi fl-Italja li jkunu ġejjin minn Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija Maltija u l-Awtoritajiet Taljani qegħdin f'kuntatt bejniethom dwar is-suġġett imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.

Pulizija — Road Blocks

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx policy uffiċjali għall-pulizija u l-armata dwar meta u fejn għandhom isiru r-road blocks? Dawn isiru ad hoc jew fejn ikun hemm suspetti ta' xi attivita' illegali? Kien hemm xi deċiżjoni li dawn jitnaqqsu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tagħmel road checks kif provdut fl-artikolu 355 tal-Kodiċi Kriminali bi skop ewlieni li tippreveni l-kriminalita'. Road checks isiru wkoll bi skop li jinqabdu persuni li jkunu għadhom kif wettqu xi reat serju, bħal per eżempju xi hold up. Ikun hemm okkażżjonijiet ukoll li road checks isiru bi skop relatat ma' droga. Infurmat ukoll illi ma ngħataw ebda struzzjonijiet sabiex dawn jitnaqqsu. Għal dak li jirrigwardja l-Armata, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Pulizija — Il-każ tal-qtil ta' Raymond Caruana

Question

Billi hemm skadenzi legali fil-każ tal-qtil ta' Raymond Caruana li kien sar fil-każin Nazzjonalista tal-Gudja fil-5 ta' Diċembru 1986, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija għadhiex tinvestiga dan il-każ? Hemm xi uffiċjal tal-pulizija li hu allokat biex ikompli jinvestiga dan il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Fit-23 ta' Diċembru 1990 kienet ittellgħet persuna b'konnessjoni ma' dan id-delitt, li pero' mietet fil-mori tal-kawża. Il-provvedimenti tal-Kodiċi Kriminali dwar il-preskrizzjoni ma japplikawx meta ma jkunx magħruf min seta' ikkommetta d-delitt.

Pulizija — Ħal Far - Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku fatali fit-triq ta' Ħal Far, li minn ħdejn l-ajruport tagħti għal Birżebbuġa, fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004? Fl-istess perjodu u fl-istess triq kemm kien hemm vittmi ta' inċidenti li l-feriti tagħhom ġew deskritti bħala grievous injuries?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-inċidenti tat-traffiku irrapurtati lill-Pulizija li seħħew fi Triq Ħal Far u l-area ta’ madwar, li fihom tilfu ħajjithom jew weġgħu gravi xi persuni huwa kif ġej: Sena Lokalita’ Numru ta’ inċidenti Fatali Feriti gravi 1999 Limiti ta’ Ħal Far 0 1 Triq Ħal Far 0 1 2000 Limiti ta’ Ħal Far 0 5 Triq Ħal Far 0 6 2001 Limiti ta’ Ħal Far 0 2 Triq Ħal Far 1 10 2002 Limiti ta’ Ħal Far 0 6 Triq Ħal Far 1 7 2003 Limiti ta’ Ħal Far 0 2 Triq Ħal Far 0 2 2004 Limiti ta’ Ħal Far 0 2 Triq Ħal Far 1 (żewġ persuni) 10 Infurmat ukoll illi t-tagħrif dwar kemm weġgħu persuni ma jinżammx taħt forma ta’ statistika.

Pulizija — Triq tal-Barrani - Inċidenti tat-Traffiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku fatali fit-Triq tal-Barrani, Tarxien/Żejtun fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004? Fl-istess perjodu u fl-istess triq kemm kien hemm vittmi ta' inċidenti li l-feriti tagħhom ġew deskritti bħala grievous injuries? Kemm minn dawn kienu fil-junction li miż-Żejtun tidħol jew toħroġ għat-Triq tal-Barrani?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-inċidenti tat-traffiku irrapurtati lill-Pulizija li seħħew fi Triq tal-Barrani li fihom tilfu ħajjithom jew weġgħu gravi xi persuni huwa kif ġej: Sena Numru ta' inċidenti Fatali Feriti gravi 1999 0 11 2000 0 24 2001 0 23 2002 0 27 2003 0 15 2004 0 12 Infurmat ukoll illi t-tagħrif dwar kemm weġgħu persuni u l-post eżatt ta’ fejn seħħ l-inċident, ma jinżammx taħt forma ta’ statistika.

Immigrazzjoni u Passaporti — Apparat Teknoloġiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk inxtarax apparat teknoloġiku biex jintuża għall-kontroll meħtieġ ta' l-immigrazzjoni u passaporti, u dan skond il-ftehim ta' Schengen, fl-aħħar sentejn? Jista' jgħid jekk tali apparat fil-fatt inxtarax, minn fejn ġew il-flus u jekk jirriżulta li nxtara, saritx sejħa għal tender u jispeċifika l-kondizzjonijiet ta' l-istess tender u minn min intrebħet dik it-tender?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi nxtara diversi apparat fosthom sistema kompjuterizzata li tidentifika dokumenti falsifikati, in konnessjoni max-Schengen wara li kienet ħarġet sejħa pubblika għall-offerti, li kienet maqsuma f'għaxar lots. Seba' minn dawn l-lots ngħataw lill-kumpanniji Maltin u tlieta lill-kumpanniji barranin kif indikat fit-Tabella hawn taħt. Lot Tender awarded to: 1 Foster and Freeman (British) 2,3,6,8,10 ITEC International Technology Ltd (Maltese) 4 IBCOL Gmbh (German) 5 Forestals Ltd (Maltese) 7 Medcomms Ltd (Maltese) 9 Bonowi Gmbh (German) Ninsab infurmat ukoll li dan l-apparat ġie ffinanzjat minn fondi kemm ta' l-Unjoni Ewropeja kif ukoll dawk lokali.

Pulizija — Appart Forensiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ingħatax permess lil xi spettur tal-pulizija sabiex jidħol f'negozjati privati ma' kumpanniji privati f'Malta u barra sabiex jinbiegħ apparat forensiku lill-aġenzija statali tal-Libja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma ngħatat ebda awtorizazzjoni kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Għaldaqstant napprezza jekk l-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar tagħrif sabiex inkun nista' nivverifika ulterjolment.

Pulizija — Laboratorju Forensiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża rikorrenti u kapitali tal-laboratorju forensiku tal-pulizija ta' Malta mis-snin 2000 sa l-2004? Kemm minn din l-ispiża kienet l-ammont minfuq fuq apparat tal-fotografija u mingħand min inxtara? Kemm minn din l-ispiża kienet is-somma ta' infiq fuq karti fotografiċi, kimika fotografika, films u oġġetti oħra fis-sezzjoni tal-fotografija u mingħand min inxtara? Kemm mill-ispiża kapitali u rikorrenti tal-laboratorju forensiku matul dawn is-sentejn kienet ġiet offruta f'tenders u kemm f'direct orders u f'dan il-każ lil liema ditta ngħataw dawn id-direct orders?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għadu qed jinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Aġenzija tas-Sigurta' — Liċenzji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'qiegħed iżomm lill-Kummissarju tal-Pulizija milli joħroġ il-liċenzji lill-Aġenzija tas-Sigurta' li joperaw b'servizz ta' gwardjani privati? Liema huma dawk l-aġenziji li huma reġistrati? Jista' jgħid jekk hux kull aġenzija għandha l-insurance kif rikjest mil-liġi? Jista' jgħid jekk hux kull aġenzija qiegħda topera skond il-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-liċenzji skond l-Att ta' l-1996 dwar Gwardjani Privati u Lokali (Kap. 389) m'humiex miżmuma u qed ikunu proċessati skond ir-Regolamenti. L-Aġenziji ta' Gwardjani Privati reġistrati mal-Pulizija huma: Safetrust Security J.F. Security Consultancy Services Ltd The Guard & Warden Service House Ltd Securital Ltd Monitoring Services Ltd Grange Security & Consultancy Services Ltd Khiron Security Ltd Zenith Investigative Services Sterling Security Co. Ltd Group 4 Securitas Group 4 Services Personal Security Services Security Services Ltd I.H.B. Oscar 7 Hemm tnejn oħra li t-talba tagħhom għadha qed tkun proċessata. Infurmat ukoll illi matul is-sena l-oħra inqalgħu xi diffikultajiet dwar il-polza ta' assigurazzjoni. pero' jidher li din issa ġiet sorvolata u għalhekk il-liċenzji qed jiġġeddu.

CCF — Ex-ħabsin

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' dawk ex-ħabsin meta joħorġu mill-ħabs wara sentenza, fir-rigward ta' post xieraq fejn joqogħdu u għajnuna biex jinstabilhom impjieg? Jista' jgħid kemm persuni ħarġu mill-ħabs fis-sena 2004 wara li kienu ilhom hemm għal aktar minn sena? Kemm minnhom instabilhom impjieg?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2004 kien hemm sebgħa u disgħin (97) priġunier li ġew rilaxxati mill-ħabs wara li kien ilhom aktar minn sena. Minn dawn, 20 ġew deportati lura lejn pajjiżhom. Fir-rigward tal-priġunieri l-oħra kien hemm sittax (16) li ingħataw għajnuna diretta flimkien ma' l-ETC biex instabilhom impjieg, sitta (6) li ingħataw assistenza u għajnuna biex instabilhom post fejn jabitaw u tletin (30) li ġew mogħtija għajnuna soċjali. Dawn ta' l-aħħar jinvolvi xogħol soċjali dirett mall-familjari tagħhom speċjalment l-ulied. Kull intervent soċjali li jsir ma' priġunieri jiġi mgħoddi lid-dipartiment tas-social workers biex ikun jista' jitkompla anke wara li priġunier jiskonta s-sentenza. Fir-rigward ta' priġunieri li jispiċċaw sentenza wara li jkunu għamlu programm ta' rijabilitazzjoni ġewwa s-S.A.T.U, dawn jiġu offruti anke l-faċilita' li jkomplu jattendu follow-up sessions. Sfortunatament huma ftit dawk li japprofittaw minn din l-opportunita'.